San Timotju u San Titu

26 ta' Jannar

Il-Qaddisin San Timotju u San Titu jiċċelebraw il-festa tagħhom fl-istess jum (is-26 ta’ Jannar). L-għada tiġi l-festa tal-konverżjoni ta’ Missierna San Pawl. Insibu referenzi għal dawn il-qaddisin fl-Atti tal-Appostli u fi tliet ittri ta’ San Pawl.

Insibu lil Timotju u Titu fl-istorja tal-Knisja bikrija u jissemmew fil-Bibbja għax kienu tnejn mid-dixxipli li kienu jakkumpanjaw lil San Pawl; għax wara l-konverżjoni tiegħu fit-triq lejn Damasku, għamel vjaġġi missjunarji biex ixerred l-Aħbar it-Tajba li Kristu Rxoxt huwa l-Iben ta’ Alla

It-tixrid tal-Kristjaneżmu fil-Knisja tal-bidu ġab miegħu bosta sfidi: id-diffikultajiet tal-ivvjaġġar u l-ħtieġa li jissolvew kunflitti li kienu jinqalgħu minħabba opinjonijiet, twemmin u kulturi differenti. Timotju u Titu ffaċċjaw dan kollu flimkien ma’ Pawlu. Kull fejn kien imur Pawlu, kien jaħtar assistenti minn fost dawk li kienu jakkumpanjawh. Dawn imbagħad saru qassisin u isqfijiet – bl-għajnuna tad-djakni – biex ikomplu jxandru l-Evanġelju u jkomplu l-ħidma li kien beda Pawlu stess. Dan wassal biex tiġi stabbilita Knisja lokali. Kemm Timotju kif ukoll Titu ġew imsejħin biex iwettqu dawn ir-rwoli.

Timotju twieled f’Listra, fit-Turkija.   Ommu u nanntu kienu Lhud li kienu kkonvertew għall-Kristjaneżmu. Missieru kien Ġrieg. Meta San Pawl wasal Listra fit-tieni vjaġġ missjunarju tiegħu, iltaqa’ ma’ Timotju. Aktar tard, hu telaq mid-dar, lill-ġenituri tiegħu u lil artu biex iseġwi u jakkumpanja lil San Pawl.  Matul il-vjaġġi tagħhom, flimkien ma’ Sila, huma waqfu f’diversi postijiet biex ixandru l-messaġġ tal-Kristjaneżmu.  Hu u San Pawl kienu ħbieb tal-qalb. Tant hu hekk li kien isejjaħlu “ibnu spiritwali” u li f’ittra lill-Filippin, iddeskrivih billi qal:  “M’għandi lil ħadd bħalu.”

Fis-sena 64 WK, San Pawl ikkonsagra lil San Timotju bħala Isqof ta’ Efesu biex ikompli jibni il-knisja f’dik il-Belt.  San Timotju sofra il-martirju permezz ta’ tħaġġir, meta pprova jwaqqaf ċelebrazzjoni ddedikata lil alla falz Diana billi beda jippriedka l-Evangelju.

San Titu kien Grieg, u x’aktarx kien mill-gżira ta’ Kreta. Huwa kkonverta għall-Kristjaneżmu meta San Pawl żar Kreta. Wara, sar is-segretarju u l-interpretu tiegħu.  Hu akkumpanjah fil-vjaġġi tiegħu, anke meta dan tal-aħħar ivvjaġġa lejn Ġerusalemm għall-laqgħat important mal-Appostli l-oħra.  

San Titu kien deskritt bħala  “bniedem li jġib il-paċi, amministratur u missjunarju” filwaqt li San Pawl iddiskrivih bħala “tifel veru tiegħi fil-fidi” u bħala “sieħeb u kollaboratur.”  Meta San Pawl kompla bil-vjaġġi missjunarji tiegħu, ħalla lil Titu fi Kreta biex ‘jirranġa l-affarijiet tal-Knisja hemmhekk’.

San Titu sar l-ewwel Isqof ta’ Kreta.  Hu għex ħajja twila u miet mewta naturali.

Iddiskuti mat-tfal it-tbatija u d-diffikultajiet li kellhom jiffaċċjaw Timotju u Titu waqt li kienu jakkumpanjaw lil San Pawl fil-vjaġġi tiegħu:  nuqqas ta’ mezzi ta’ trasport, l-ebda telefon, mowbajl jew laptop u  l-ebda dar fissa fejn joqgħodu.  Il-ftit li setgħu jġorru magħhom kienu l-flus biex jixtru l-ikel. Ma kienx faċli xejn li jwettqu l-missjoni li jxandru lil Ġesù.

  • Nistgħu nsemmu li għalkemm aħna ma niffaċċjawx it-tbatijiet li esperjenzaw Timotju u Titu; aħna wkoll niltaqgħu ma’ sfidi biex ngħixu bħala dixxipli ta’ Ġesù.
  • Ħeġġeġ lit-tfal biex jagħtu eżempji mill-ħajja tagħhom ta’ kuljum: l-iskola, mal-ħbieb jew sitwazzjonijiet oħra fejn niffaċċjaw xi sfida.  Tkellem mat-tfal dwar kif jistgħu jaffrontaw u jegħlbu dawn l-isfidi.

Waqt li Timotju u titu kienu kumpanji u offrew appoġġ lil San Pawl fil-missjoni tiegħu, huma sabu fih għalliem u ħabib.

  • Staqsi lit-tfal jekk għandhomx xi persuna fil-ħajja tagħhom li jafdaw biex jigwidahom u jgħinhom biex jieħdu xi deċiżjoni jew biex ineħħu xi ħsibijiet jew biżgħat
  • Jista’ jkun ħabib tal-istess età tagħhom jagħtihom dan kollu?
  • Jekk irid ikun adult, min ikun?

Ħin tat-Talb mal-Familja

•         Ejja niftakru li hemm ħafna saċerdoti, sorijiet u lajċi li jivvjaġġaw lejn pajjiżi foqra, fejn fil-ħidma missjunarja tagħhom jesperjenzaw l-istess diffikultajiet li esperjenzaw Timotju u Titu.

•         Nitolbu lil Alla biex ikompli jagħti lil dawn in-nies kuraġġużi s-saħħa u l-kuraġġ biex jibqgħu sodi fit-tixrid tal-Kelma ta’ Alla.

Ħeġġeġ lit-tfal biex jagħmlu talba personali.

Tistgħu taraw dawn il-vidjows:
San Pawl jiltaqa ma San Timotju:
L-Istorja ta’ Alla: Timotju

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.