San Ġwann Ġużepp tas-Salib

5 ta' Marzu

Carlo Gaetano Calosinto, li l-quddiem sar magħruf bħala San Ġwann Ġużepp tas-Salib, twieled fl-1654, f’Ischia, l-Italja. Il-familja tiegħu kienet nobbli u minn età żgħira kien dejjem jipprova jgħix ħajja tajba. L-aktar importanti għalih kien li jgħix il-virtù tal-umiltà; kien jinsisti li jilbes ilbies komuni u mhux ħwejjeġ lussużi.

Meta kellu 16-il sena, daħal fl-Ordni Franġiskan Osservanti u ħa l-isem ta’ Ġwann Ġużepp tas-Salib.  Beda jgħix ħajja ta’ talb, penitenza, isum ta’ spiss, qatt ma kien jixrob inbid u kien jorqod tlett siegħat biss.

Erba’ snin wara, intbagħat Piemonte, reġjun in-naħa ta’ fuq fl-Italja biex iwaqqaf kunvent ġdid.  San Ġwann Ġużepp tas-Salib għen fil-bini ta’ dan il-kunvent billi hu stess ingħaqad mal-ħaddiema fix-xogħol tagħhom ta’ kostruzzjoni.

Is-superjuri tiegħu raw il-kwalitajiet spiritwali profondi ta’ Ġwann Ġużepp u nsistew miegħu biex jaċċetta li jiġi ordnat saċerdot, għalkemm hu kien jippreferi jibqa’ patri. Meta ġie ordnat saċerdot, sar il-kap tan-Novizzi (dak li  jgħallem u jiggwida membri ġodda f’ordni reliġjuż).  Ftit taż-żmien wara, sar is-Superjur tal-komunità tal-kunvent.  Avolja kien  jokkupa din il-kariga, hu baqa’ umli, kompla jgħin fix-xogħol tal-kċina kif ukoll iġorr l-ilma u l-injam biex jgħin lill-patrijiet l-oħra.

Fl-età ta’ 48 sena, laħaq Provinċjal tal-Ordni fl-Italja. Hu baqa’ umli tant li meta kien jieqaf f’xi lukandi waqt il-vjaġġi tiegħu biex iżur il-kunventi li kienu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, lanqas biss kien jixtieq li jitqies bħala xi ħadd aktar speċjali minn patri sempliċi.   Kien ħareġ ordni li l-ebda tallab li jiġi l-kunvent m’għandu jintbagħat lura bla ma jingħata x’jiekol jew jiġi megħjun fil-bżonnijiet tiegħu. Spiss kien jagħti saħansitra l-porzjon tal-ikel tiegħu stess lil ħaddieħor.

Alla tah id-don li jista’ jfejjaq lin-nies u kienu jġibulu ħafna morda biex ifejjaqhom.  Lejn l-aħħar ta’ ħajtu, sofra minn puplesija li kienet il-kawża li beda jbati biex jimxi.  San Ġwann Ġużepp iddedika l-kumplament ta’ ħajtu joffri pariri spiritwali permezz tas-Sagrament tal-Qrar.  Huwa miet fl-età ta’ 85 sena.

San Ġwann Ġużepp tas-Salib hu l-Qaddis Patrun ta’ Ischia.

It-triq tal-qdusija għal San Ġwann Ġużepp tas-Salib kienet mimlija umiltà, penitenza, talb profond u meditazzjoni.

Matul ir-Randan, aħna wkoll mħeġġa nipprattikaw dawn il-virtujiet fil-ġimgħat li jwassluna sal-Għid il-Kbir.

Huwa ftit diffiċli biex tispjega lit-tfal l-iskop u l-valur tal-penitenza (li spiss tissejjaħ sagrifiċċju) għax din ma tfissirx li tevita xi ħaga li mhix tajba, iżda li tiċħad lilek innifsek minn xi ħaga li hija tajba!

Irridu niftakru li dawn il-prattiċi jgħinu lit-tfal tagħna jsiru adulti Nsara responsabbli, isawru l-imġiba tagħhom u jsaħħu l-kontroll fuqhom infushom; dan isir billi jitbiegħdu milli jwarrbu l-egoiżmu u, fl-istess ħin, irawmu l-virtù tal-umiltà.

Irridu nżommu f’moħħna li dawn id-drawwiet jgħinu lit-tfal jikbru u jkunu insara responsabbli.  Tista’ tippreżenta dan il-kunċett bħala mezz li nħarġu lilna nfusna biex insiru persuni aħjar fil-ġimgħat tar-Randan.

Iddiskuti mat-tfal x’jistgħu jagħmlu f’dawn il-ġimgħat li ġejjin biex isiru nsara aħjar.  Enfasizza li dan it-taħriġ fiż-żmien ir-Randan m’għandux ikun biss li ma niklux ħelu u ċikkulata, iżda jinvolvi wkoll imġieba tajba ma’ kulħadd, flimkien ma’ attijiet ta’ karità u ċaħda tagħna nfusna.  Ikkunsidraw li tagħmlu xi forma ta’  sagrifiċċju biex tippratikawh għal kull ġimgħa tar-Randan.

Ippreparaw kartonċina A4 u fuqha iktbu s-sagrifiċċju li ser tagħmlu kull ġimgħa.  Ippreparaw ukoll pakkett ‘stickers’ ta’ stilel u nkorraġixxi lit-tfal biex iwaħħlu ‘sticker’ kull darba li jagħmlu s-‘sagrifiċċju’ tal-ġimgħa.

Matul il-ġimgħat tar-Randan, tista’ tikkunsidra jew iddaħħal il-prattika ta’ riflessjoni fuq stejjer mill-Bibbja.

Ħin tat-talb mal-Familja

Ippreparaw xemgħa mixgħula u post apposta għat-talb.

Agħżel li titlob mill-Misteri tad-Dawl u mill-Misteri tat-Tbatija.

Għat-tfal akbar tistgħu wkoll titolbu l-Via Sagra.

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.