Illum huwa l-Ewwel Ħadd tar-Randan. Il-Knisja tagħtina dan iż-żmien speċjali biex nirriflettu fuq il-ħajja tagħna, fuq l-għażliet li nagħmlu ta’ kuljum u b’mod speċjali dwar ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Huwa żmien li matulu l-Knisja tħeġġiġna u tagħtina opportunitajiet biex ninbidlu u nerġgħu nduru lejn Alla, li hu s-Sid tagħna. It-tliet pilastri li tipproponielna, biex naslu għal din il-bidla huma: talb, karità u sawm. It-talb jgħinna nersqu aktar qrib ta’ Alla u jkabbar u jsaħħaħ ir-relazzjoni tagħna miegħu. Is-sawm ikabbar fina l-virtù tar-rażan. Ir-rażan jgħinna negħlbu t-tentazzjonijiet tagħna, iqawwina biex niġġieldu dak li hu ħażin. Waqt li l-karità ser tressaqna aktar lejn il-proxxmu tagħna.
Fl-ewwel Ħadd tar-Randan, dejjem nisimgħu l-ġrajja ta’ meta Ġesù, wara li ġie mgħammed, mar waħdu fid-deżert biex jitlob. Hemmhekk, hu jsum minn kollox, ħlief mit-talb. Fl-aħħar tal-erbgħin jum, Ġesù jkun ittentat mix-xitan. Dan il-qari għandu jagħtina ħafna kuraġġ. Mhux xi ħaġa kbira li aħna nkunu ttentati, ġaladarba anke Ġesù kien ittentat! Dan il-qari jiġi fil-bidu tar-Randan biex jagħtina t-tama li anke aħna nistgħu negħlbu t-tentazzjonijiet. Kif irnexxielu jegħleb dawn it-tentazzjonijiet Ġesù? Narawh l-ewwel nett, jinqata’ għalih waħdu u jmur jitlob. Mela Ġesù sab ħafna qawwa fit-talb. Għal kull tentazzjoni li jpoġġilu x-xitan, Ġesù jwieġeb b’silta mill-Iskrittura. Għalhekk, importanti ħafna għalina li nkunu nafu l-Kelma ta’ Alla. Fil-fatt kemm-il darba nsibu l-Iskrittura stess li tgħidilna dan, bħal f’dawn is-siltiet: “Musbieħ għal riġlejja l-kelma tiegħek, u dawl fil-mogħdija tiegħi,” (Salm 119, 105) waqt li San Pawl, fl-ittra lill-Efesin, iqabbel id-difiża kontra l-ħażen mal-ilbies tas-suldat u jiddeskrivi l-Kelma ta’ Alla bħala xabla, “aqbdu x-xabla tal-Ispirtu li hi l-kelma ta’ Alla,” (Ef 6, 17). Waqt li fl-ittra ta’ San Ġakbu nsibu, “Neħħu minn fuqkom kulma hu mniġġeż u kull fdal ta’ ħażen, u ilqgħu bil-ħlewwa l-kelma mħawla fikom, li tista’ ssalvalkom ruħkom,” (Ġakbu 1, 21).
It-tweġibiet ta’ Ġesù jgħallmuna li għandna nafdaw fil-providenza ta’ Alla, hu jagħtina dak kollu li hu meħtieġ. Ifakkarna fil-kmandament li jgħidilna li Alla huwa s-Sid tagħna, u ma għandniex ikollna allat oħra f’ħajjitna. Nemmnu wkoll li Alla huwa dejjem fidil għall-wegħdiet li għamel magħna. Irridu nitgħallmu nafdaw f’Alla f’kull ċirkostanza ta’ ħajjitna.
L-Evanġelju tal-lum, jispiċċa “ix-Xitan, meta temm dan it-tiġrib kollu, telaq minn ħdejh sa ma wasal il-waqt,” dan juri li Ġesù ma rebaħx lix-xitan darba għal dejjem. Ġesù reġa’ kien ittentat. Bl-istess mod inkunu ttantati aħna, darba wara l-oħra; nirbħu tentazzjoni u tinbet oħra, għax dan hu x-xogħol tax-xitan, li jsib fejn aħna dgħajfa u jipprova jidħol hu.