Fid-deżert

L-ewwel Ħadd tar-Randan

Illum huwa l-Ewwel Ħadd tar-Randan. Il-Knisja tagħtina dan iż-żmien speċjali biex nirriflettu fuq il-ħajja tagħna, fuq l-għażliet li nagħmlu ta’ kuljum u b’mod speċjali dwar ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Huwa żmien li matulu l-Knisja tħeġġiġna u tagħtina opportunitajiet biex ninbidlu u nerġgħu nduru lejn Alla, li hu s-Sid tagħna. It-tliet pilastri li tipproponielna, biex naslu għal din il-bidla huma: talb, karità u sawm. It-talb jgħinna nersqu aktar qrib ta’ Alla u jkabbar u jsaħħaħ ir-relazzjoni tagħna miegħu. Is-sawm ikabbar fina l-virtù tar-rażan. Ir-rażan jgħinna negħlbu t-tentazzjonijiet tagħna, iqawwina biex niġġieldu dak li hu ħażin. Waqt li l-karità ser tressaqna aktar lejn il-proxxmu tagħna. 

Fl-ewwel Ħadd tar-Randan, dejjem nisimgħu l-ġrajja ta’ meta Ġesù, wara li ġie mgħammed, mar waħdu fid-deżert biex jitlob. Hemmhekk, hu jsum minn kollox, ħlief mit-talb. Fl-aħħar tal-erbgħin jum, Ġesù jkun ittentat mix-xitan. Dan il-qari għandu jagħtina ħafna kuraġġ. Mhux xi ħaġa kbira li aħna nkunu ttentati, ġaladarba anke Ġesù kien ittentat! Dan il-qari jiġi fil-bidu tar-Randan biex jagħtina t-tama li anke aħna nistgħu negħlbu t-tentazzjonijiet. Kif irnexxielu jegħleb dawn it-tentazzjonijiet Ġesù? Narawh l-ewwel nett, jinqata’ għalih waħdu u jmur jitlob. Mela Ġesù sab ħafna qawwa fit-talb. Għal kull tentazzjoni li jpoġġilu x-xitan, Ġesù jwieġeb b’silta mill-Iskrittura. Għalhekk, importanti ħafna għalina li nkunu nafu l-Kelma ta’ Alla. Fil-fatt kemm-il darba nsibu l-Iskrittura stess li tgħidilna dan, bħal f’dawn is-siltiet: “Musbieħ għal riġlejja l-kelma tiegħek, u dawl fil-mogħdija tiegħi,” (Salm 119, 105) waqt li San Pawl, fl-ittra lill-Efesin, iqabbel id-difiża kontra l-ħażen mal-ilbies tas-suldat u jiddeskrivi l-Kelma ta’ Alla bħala xabla, “aqbdu x-xabla tal-Ispirtu li hi l-kelma ta’ Alla,” (Ef 6, 17). Waqt li fl-ittra ta’ San Ġakbu nsibu, “Neħħu minn fuqkom kulma hu mniġġeż u kull fdal ta’ ħażen, u ilqgħu bil-ħlewwa l-kelma mħawla fikom, li tista’ ssalvalkom ruħkom,” (Ġakbu 1, 21).

It-tweġibiet ta’ Ġesù jgħallmuna li għandna nafdaw fil-providenza ta’ Alla, hu jagħtina dak kollu li hu meħtieġ. Ifakkarna fil-kmandament li jgħidilna li Alla huwa s-Sid tagħna, u ma għandniex ikollna allat oħra f’ħajjitna. Nemmnu wkoll li Alla huwa dejjem fidil għall-wegħdiet li għamel magħna. Irridu nitgħallmu nafdaw f’Alla f’kull ċirkostanza ta’ ħajjitna. 

L-Evanġelju tal-lum, jispiċċa “ix-Xitan, meta temm dan it-tiġrib kollu, telaq minn ħdejh sa ma wasal il-waqt,” dan juri li Ġesù ma rebaħx lix-xitan darba għal dejjem. Ġesù reġa’ kien ittentat. Bl-istess mod inkunu ttantati aħna, darba wara l-oħra; nirbħu tentazzjoni u tinbet oħra, għax dan hu x-xogħol tax-xitan, li jsib fejn aħna dgħajfa u jipprova jidħol hu.

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Lq 4, 1-13)

F’dak iż-żmien, Ġesù, mimli bl-Ispirtu s-Santu, raġa’ lura mill-Ġordan u l-Ispirtu ħadu fid-deżert. Hemm għal erbgħin jum Ġesù kien imġarrab mix-Xitan. Matul dawk il-jiem ma kiel xejn; u mbagħad, meta għaddew dawk il-jiem, ħadu l-ġuħ. U x-Xitan qallu: “Jekk inti Bin Alla, għid lil din il-ġebla ssir ħobż”. Wieġbu Ġesù: “Hemm miktub: Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix”.

Imbagħad ix-Xitan ħadu fl-għoli u wrieh is-saltniet tad-dinja kollha f’daqqa. Qallu x-Xitan: “Nagħtik is-setgħa fuq dawn kollha, bil-glorja tagħhom ukoll għax hija ngħatat lili, u jiena nagħtiha lil min irrid. Jekk tinxteħet quddiemi tagħtini qima, kollha tiegħek tkun”. Ġesù wieġbu u qallu: “Hemm miktub: Lill-Mulej, Alla tiegħek, tadura, u lilu biss taqdi”.

Imbagħad ix-Xitan ħadu Ġerusalemm, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet minn hawn għal isfel. Għax hemm miktub: “Lill-anġli tiegħu jordnalhom biex jieħdu ħsiebek sewwa”, u li: “fuq idejhom jerfgħuk, ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla”. Wieġeb Ġesù u qallu: “Jingħad: Iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek”.

Imbagħad ix-Xitan, meta temm dan it-tiġrib kollu, telaq minn ħdejh sa ma wasal il-waqt.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personalment. Liema hi l-aktar parti li laqtitek? Għaliex?
  3. Ġesù jmur fid-deżert. F’kuntest bibbliku, id-deżert huwa fejn wieħed imur biex jiltaqa’ ma’ Alla, il-bogħod min-nies u attivitajiet li jtellfuh milli jagħti l-attenzjoni tiegħu lil Alla. Matul dan ir-Randan, agħmel ħin kuljum, biex tiltaqa’ mal-Mulej.
  4. Tentazzjoni hija dik il-ħaġa li trid tikkontrollalna ħajjitna, il-kelma tax-xitan li jrid ikun is-sid ta’ ħajjitna. X’inhuma l-akbar tentazzjonijiet tiegħek? Kif tipprova tegħlibhom? Fit-talba tal-Missierna nitolbu biex Alla jeħlisna mit-tiġrib. Ipprova, għid it-talba tal-Missierna, kull darba li tħoss lilek innifsek ittentat/a.
  5. Xi darba jew oħra se naqgħu għat-tentazzjonijiet. M’għandniex għalfejn naqtgħu qalbna. Ġesù tana s-sagrament tal-qrar: sagrament ta’ mħabba, ta’ maħfra u ta’ fejqan. Matul ir-Randan, ara li tmur tqerr. Tkun ħaġa tajba li tmorru flimkien bħala familja. 
  6. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i.Bibbja bil-qari minn San Luqa Lq 4, 1-13
    ii. Xemgħa
    iii. Kurċifiss
    iv. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp vjola
    v. Ġebla, ramel
    vi. Computer/laptop bil-qari u clips
  7. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  8. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Tfal, illum meta tmorru l-knisja ser taraw xi ħaġa differenti. Is-soltu s-saċerdot ikun liebes l-aħdar, illum ser tarawh liebes il-kulur vjola. Dan huwa l-kulur tar-Randan, iż-żmien speċjali li qegħdin fih bħalissa. Ir-Randan twil erbgħin ġurnata! Żmien twil hux hekk? Imma huwa twil biżżejjed biex aħna nagħmlu sforz u nitgħallmu biex kemm jista’ jkun nagħmlu għażliet tajba. Intom tafu, li anke Ġesù, kien ittentat biex jagħmel għażliet ħżiena? Ejjew nisimgħu l-Evanġelju tal-lum, u kif Ġesù għeleb dawn it-tentazzjonijiet.

  • Ġesù kien ittentat biex jagħmel għażliet ħżiena, iżda qatt ma għamel ħażin
  • Ġesù lilna jgħinna biex ngħidu ‘LE’ għall-għażliet ħżiena
  • Ċagħqa
  • Permanent marker
  • Żebgħa tal-verniċ
  • Pinzell 

Wara li Ġesù kien ilu fid-deżert waħdu għall-40 jum, mingħajr ma jiekol xejn, ix-xitan ittentah. Minħabba li Ġesù kellu ħafna ġuħ, l-ewwel li qallu, kien biex jibdel il-ġebel li kien hemm madwaru f’ħobż u hekk ikun jista’ jiekol. Ġesù ma riedx jagħmel hekk. Imbagħad ix-xitan ittentah biex Hu jsir famuż u b’saħħtu ħafna, imma Ġesù xorta waħda ma riedx jagħmel dak li xtaq ix-xitan. Fl-aħħar qallu jagħmel xi ħaġa kbira biex juri li hu Bin Alla. Ġesù kien jaf li dan ma kienx il-mod li Alla ried li n-nies isiru jafuh, għalhekk reġa’ qal ‘Le’ lix-xitan. Ix-xitan ried lil Ġesù jagħmel tliet affarijiet li jifirduh minn Alla l-Missier. Għal dawn it-tliet affarijiet, Ġesù qal ‘LE!’, għax hu ma jistax ikun ħlief ħaġa waħda ma’ Alla l-Missier. 

Taħsbu li kienet faċli għal Ġesù li jgħid ‘le’ lix-xitan?

Ġesù kien ittentat biex jagħmel għażliet ħżiena, imma minħabba li Ġesù u l-Alla l-Missier huma marbutin bl-imħabba li qatt ma tista’ tinħall, ma riedx li jobdi lix-xitan, u ried dejjem jobdi lil Alla l-Missier. 

Intom ukoll tkunu ttentati biex tagħmlu għażliet ħżiena. 

Xi tentazzjonijiet li jista’ jkollkom huma:

  • Tgħidu xi gidba, biex ma taqilgħux xi punishment
  • Ma tobdux lill-ġenituri, jew lill-għalliema, jew lin-nanniet, għax tkunu tridu tkomplu tagħmlu dak li qegħdin tagħmlu u mhux dak li jridukom huma
  • Tiġġieldu ma’ ħutkom jew ma sħabkom, waqt xi logħba, għax bilfors tridu li tirbħu intom
  • Tieħdu xi ħaġa tal-oħrajn għax għoġbitkom u ma għandkomx bħala
  • Tirrabjaw u ssabtu saqajkom meta l-ġenituri ma jagħtukomx dak li tlabtuhom

Tistgħu ssemmu xi tentazzjonijiet oħra li jkollkom?

Ġesù llum jurina li meta nitolbu aħna nirċievu l-għajnuna tiegħu biex dawn l-għażliet ħżiena ma nagħmluhomx. Kull darba li ngħidu ‘le’ għal għażla ħażina, inkunu qegħdin ngħidu ‘le’ lix-xitan, bħalma għamel Ġesù! U meta ngħidu ‘le’ lix-xitan, inkunu qed ngħidu lil Alla li aħna nħobbuh! 

Biex tiftakru tgħidu ‘le’ lix-xitan illum se tiktbu ‘le’ kbir fuq iċ-ċagħqa li għandkom. Wara li tiktbu ‘le’, bl-għajnuna tal-ġenituri tagħkom jew ta’ xi ħadd kbir, agħtuha l-verniċ. Ħalluha tinxef u wara poġġuha fuq il-mejda ta’ talb tagħkom biex tfakkarkom li biex tħobbu lil Alla, tridu tgħidu ‘le’ għall-għażliet ħżiena.

Waqt li qegħdin tagħmlu din l-attività, isimgħu, I say no to sins.

Inroddu s-salib.

Alla Missier, jien irrid inħobbok kif inħobbok Ġesù. Jien irrid ngħid ‘le’ għall-għażliet ħżiena. Jien irrid nobdi lilek, ma rridx nobdi lix-xitan. Inti taf li mhux dejjem insibha faċli li ngħid ‘le’, għinni biex nagħmel dak li tixtieq inti u mhux dak li lilek ma jagħtikx gost. Mulej Alla, imlili qalbi b’ħafna mħabba għall-oħrajn. Dan nitolbu f’isem Ġesù Kristu Ibnek. Ammen.

Illum huwa l-ewwel Ħadd tar-Randan. Ir-Randan huwa żmien speċjali ħafna għalina l-Insara, għax il-Knisja tfakkarna biex naħsbu dwar kif qed ngħixu, u ninbidlu biex insiru nixbħu aktar lil Ġesù.

Fl-Evanġelju tal-lum, ser nisimgħu l-ġrajja ta’ meta Ġesù kien ittentat fid-deżert. Ġesù kien ittentat biex jagħmel affarijiet li kienu ser jifirduh minn Alla l-Missier. Ejjew nisimgħu, kif Ġesù wieġeb għal dawn it-tentazzjonijiet.

  • Għalkemm Ġesù kien ittentat biex jagħmel il-ħażin, l-imħabba u l-fidi tiegħu f’Alla l-Missier għenuh biex jagħżel dak li hu tajjeb
  • Aktar ma nsiru nixbħu lil Ġesù, aktar jirnexxielna ma nagħmlux dnub
  • Pakkett ħelu li jħobbu t-tfal
  • Printout tal-attività 
  • Lapes 

Illum smajna kif Ġesù kien ittentat mix-xitan. Tafu x’inhi tentazzjoni?

Qegħdin tarawhom dawk il-ħelu? Tħobbuhom? X’tixtiequ tagħmlu?

Intom tridu li tikluhom. Issa jekk ngħidilkom li dawk ma tistgħux tmissuhom, ma tistgħux tikluhom, u nitlaq mill-kamra, x’ser tagħmlu? 

X’aktarx tiġikom it-tentazzjoni li tmorru u tieħdu tal-anqas ħelwa waħda! 

It-tentazzjoni waħedha mhijiex ħażina, nagħmlu ħażin jekk naqgħu għat-tentazzjoni. Jiġifieri, intom kontu ttantati li tieħdu mill-ħelu, imma jekk ma ħadtux, intom ma għamiltu xejn ħażin, anzi wrejtu li intom b’saħħitkom li tgħidu ‘le’. 

X’għamel Ġesù meta kien ittantat mix-xitan? 

Qal ‘le’ u lix-xitan wieġbu billi kwota mill-Bibbja, jiġifieri qallu Alla xi xtaqu jagħmel. 

Lilna x-xitan jittentana wkoll. Hu jieħu gost meta nagħmlu għażliet ħżiena, meta aħna nagħmlu dnub. Imma Ġesù jwegħdna li hu qiegħed magħna, wegħdna li meta nistaqsuh, jgħinna biex bħalma għamel hu, aħna wkoll jirnexxielna ngħidu ‘le’ lix-xitan. 

Ġesù ma għamilx dak li ried ix-xitan, għax hu, kien jafda u jemmen f’Alla. Fid-deżert, Ġesù għadda l-ħin jitlob u b’hekk kien qrib ħafna ta’ Alla. Matul ir-Randan aħna nippruvaw insiru aktar bħal Ġesù. Għalhekk waħda mill-affarijiet li ser nagħmlu hi li nitolbu aktar. 

Kif tistgħu titolbu aktar?

Dawn huma xi ħinijiet li matulhom ikun tajjeb li niftakru nitolbu: meta nqumu, qabel ma norqdu, qabel u wara l-ikel, qabel l-iskola, qabel ma nibdew nagħmlu l-homework.

Nistgħu wkoll imorru l-quddies matul il-ġimgħa u mhux nhar ta’ Ħadd biss.

Meta ngħaddu minn quddiem xi knisja, nidħlu u nitkellmu ma’ Ġesù.

Nistgħu wkoll naqraw ġrajjiet mill-Bibbja, biex bħal Ġesù, inkunu nafu dak li Alla jrid minna.

Aħna nsiru nixbħu aktar lil Ġesù meta nħobbu lill-oħrajn. Fir-Randan, il-Knisja tistedinna biex nagħmlu sagrifiċċji u karità. Ħafna, per eżempju, ma jieklux ċikkulata matul ir-Randan, jew f’xi ġranet tar-Randan. Tajjeb li tkun taf tgħid ‘le’ u ma tikolx iċ-ċikkulata. Imma nistgħu nagħmlu xi ħaġa aqwa wkoll. Minflok mal-mama tixtrilna ċ-ċikkulata, tista’ tagħtina l-flus u aħna dawn il-flus nagħtuhom għall-karità. Fil-klassi tad-duttrina jew l-iskola, ġieli jkollna karus fiż-żmien tar-Randan. Dawn il-flus nistgħu inpoġġuhom ġo fih. 

X’sagrifiċċji oħra tistgħu tagħmlu?

Dawn huma xi ftit eżempji:

Naqra mill-Bibbja minflok nilgħab

Immur għand in-nanniet li jgħixu waħedhom, anke jekk ma jkollix aptit

Ngħin fid-dar mingħajr ħadd ma jistaqsini.

Kif nista’ nħobb aktar lill-oħrajn?

Ngħin mingħajr tgergir

Nilgħab fair

Nagħti flus minn tiegħi għal tfal fqar u fil-bżonn.

Ir-Randan twil erbgħin ġurnata, ibdew minn din il-ġimgħa u għamlu card bil-wegħdiet li ser tagħmel lil Ġesù biex inti ssir aktar bħalu. Fuq din il-card, ser tiktbu:

Kif matul din il-ġimgħa ser titolbu aktar

Kif matul din il-ġimgħa ser tagħmlu sagrifiċċju

Kif matul din il-ġimgħa ser tħobbu aktar

Eżempju ta’ din il-card issibuh fl-attività ta’ din il-ġimgħa. Kull membru tal-familja jista’ jagħmel din il-card. Poġġuhom fejn tiftakruhom u fl-aħħar tal-ġimgħa tkellmu dwar dak li rrenxxielkom tagħmlu. Ftakru li għalkemm fil-ġimgħa ta’ wara ser tagħmlu card oħra, b’wegħdiet differenti, tistgħu tkomplu tagħmlu mill-wegħdiet tal-ġimgħat ta’ qabel ukoll, għax dawn kollha jgħinuna nsiru bħal Ġesù. Jekk tixtiequ tistgħu tlestu l-cards kollha. Biex ikollkom card għal kull ġimgħa, għandkom bżonn 6 cards.

Inroddu s-salib.

Mulej Alla, Ġesù mar fid-deżert u dam hemmhekk erbgħin ġurnata biex ikun qrib tiegħek, għinna biex matul dan ir-Randan, aħna nżidu l-ħin tagħna ta’ talb u hekk nersqu aktar qrib tiegħek. Għinna biex nuru aktar imħabba lill-oħrajn u ngħinu aktar, u b’dan il-mod ukoll, inkunu qegħdin nersqu lejk. Grazzi tal-għajnuna, imħabba u ħniena tiegħek. Ammen.
Biex turu lil Alla, li bħal Ġesù, intom tafdawh f’dak kollu li tiltaqgħu miegħu, kantaw, I’m trusting you.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.