
Oscar Arnulfo Romero twieled fil-15 ta’ Awwissu 1917, f’San Salvador. Missieru ħajru biex isir mastrudaxxa u kien jgħin ukoll billi jwassal il-messaġġi, għax missieru kien imexxi uffiċċju telegrafiku tal-lokalità.
Meta Oscar kellu 14-il sena, xtaq isir saċerdot. Beda l-istudji tiegħu f’Seminarju, iżda kellu jieqaf mill-istudji għal tliet xhur għax il-familja tiegħu kellha bżonn il-flus għall-kura medika ta’ ommu. Sab xogħol flimkien ma’ ħuh f’minjiera tad-deheb.
Eventwalment huwa rritorna għall-istudji tiegħu għas-saċerdozju f’Ruma, fejn baqa’ hemm matul it-Tieni Gwerra Dinjija. F’dak iż-żmien, mietu missieru u ħuh.
Meta ġie ordnat saċerdot, irritorna f’San Salvador, fejn ġie maħtur Kappillan u wara rettur tas-Seminarju. Hu beda jgħin organizazzjonijiet oħra li kienu jipprovdu ikel u kenn lill-fqar, iżur il-ħabsin u jorganizza klassijiet strutturati tal-katekiżmu. Kien predikatur tajjeb u ħafna nies kienu jmorru biex jisimgħu l-omeliji tiegħu, fejn kien jenfasizza t-tbatija tal-foqra u d-drittijiet tagħhom. Romero sar Isqof fl-1970 u Arċisqof ta’ San Salvador fl-1977.
F’dan iż-żmien, San Salvador kien maħkum minn taqlib politiku. It-tmexxija tal-pajjiż ġiet meħudha mill-Gvern minn grupp rivoluzzjonarju. Taħt it-tmexxija ta’ dan il-grupp beda jsir abbuż tal-poter u nuqqas ta’ rispett lejn kull forma ta’ drittijiet tal-bniedem. Il-vjolenza kienet mifruxa kullimkien. Is-sitwazzjoni eskalat fi Gwerra Ċivili. Meta n-nies foqra bdew jiddefendu d-drittijiet tagħhom, huma spiċċaw “maqtula, meħuda bilfors, itturmentati, mitfugħa l-ħabs, jew instabu mejta.”
Filwaqt li f’San Salvador komplew iseħħu konflitti vjolenti, l-Arċisqof Romero kompla jitlob lill-armata biex itemm it-terrur u tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem. In-nies kienu jsegwu l-omeliji tiegħu li kienu jixxandru mal-pajjiż kollu permezz tar-radju tiegħu.
Ħajtu kienet mhedda. L-istazzjon tar-radju tiegħu ġie meqrud u nbena mill-ġdid, imma qatt ma qata’ qalbu. L-aħħar omelija tiegħu kienet nhar it-23 ta’ Marzu 1980, meta b’qawwa talab lill-armata biex twaqqaf il-vjolenza kontra l-poplu.
L-Arċisqof Romero nqatel bi sparatura waqt li kien qiegħed iqaddes fil-kappella tal-Isptar tal-Providenza Divina f’San Salvador stess. Għall-funeral tiegħu attendew eluf ta’ persuni.
San Oscar Romero tilef ħajtu għall-Fidi u l-Ġustizzja Soċjali. Huwa ġie deskritt bħala l-‘Mikrofonu ta’ Alla’, mhux biss għax uża r-radju biex ixandar l-appell tiegħu għall-paċi u l-ġustizzja, imma wkoll għax kien iħeġġeġ lin-nies biex huma wkoll ikunu ‘mikrofonu ta’ Alla’.
