San Oscar Arnulfo Romero

24 ta' Marzu

Oscar Arnulfo Romero twieled fil-15 ta’ Awwissu 1917,  f’San Salvador. Missieru ħajru biex isir mastrudaxxa u kien jgħin ukoll billi jwassal il-messaġġi, għax missieru kien imexxi uffiċċju telegrafiku tal-lokalità.

Meta Oscar kellu 14-il sena, xtaq isir saċerdot. Beda l-istudji tiegħu f’Seminarju, iżda  kellu jieqaf mill-istudji għal tliet xhur għax il-familja tiegħu kellha bżonn il-flus għall-kura medika ta’ ommu. Sab xogħol flimkien ma’ ħuh f’minjiera tad-deheb.

Eventwalment huwa rritorna għall-istudji tiegħu għas-saċerdozju f’Ruma, fejn baqa’ hemm matul it-Tieni Gwerra Dinjija. F’dak iż-żmien, mietu missieru u ħuh.

Meta ġie ordnat saċerdot, irritorna  f’San Salvador, fejn ġie maħtur Kappillan u wara rettur tas-Seminarju. Hu beda jgħin organizazzjonijiet oħra li kienu jipprovdu ikel u kenn lill-fqar, iżur il-ħabsin u jorganizza klassijiet strutturati tal-katekiżmu.  Kien predikatur tajjeb u  ħafna nies kienu jmorru biex jisimgħu l-omeliji tiegħu, fejn kien jenfasizza t-tbatija tal-foqra u d-drittijiet tagħhom.  Romero sar Isqof  fl-1970 u Arċisqof ta’ San Salvador fl-1977.

F’dan iż-żmien, San Salvador kien maħkum minn taqlib politiku. It-tmexxija tal-pajjiż ġiet meħudha mill-Gvern minn grupp rivoluzzjonarju.  Taħt it-tmexxija ta’ dan il-grupp beda jsir abbuż tal-poter u nuqqas ta’ rispett lejn kull forma ta’ drittijiet tal-bniedem.  Il-vjolenza kienet mifruxa kullimkien. Is-sitwazzjoni eskalat fi Gwerra Ċivili. Meta n-nies foqra bdew jiddefendu d-drittijiet tagħhom, huma spiċċaw “maqtula, meħuda bilfors, itturmentati, mitfugħa l-ħabs, jew instabu mejta.”

Filwaqt li f’San Salvador komplew iseħħu konflitti vjolenti,  l-Arċisqof Romero kompla jitlob lill-armata biex itemm it-terrur u tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem.  In-nies kienu jsegwu l-omeliji tiegħu li kienu jixxandru mal-pajjiż kollu permezz tar-radju tiegħu.   

Ħajtu kienet mhedda. L-istazzjon tar-radju tiegħu ġie meqrud u nbena mill-ġdid, imma qatt ma qata’ qalbu.  L-aħħar omelija tiegħu kienet nhar it-23 ta’ Marzu 1980, meta b’qawwa talab lill-armata biex twaqqaf il-vjolenza kontra l-poplu.

L-Arċisqof Romero nqatel bi sparatura waqt li kien qiegħed iqaddes fil-kappella tal-Isptar tal-Providenza Divina f’San Salvador stess. Għall-funeral tiegħu attendew eluf ta’ persuni.

San Oscar Romero tilef ħajtu għall-Fidi u l-Ġustizzja Soċjali.  Huwa ġie deskritt bħala l-‘Mikrofonu ta’ Alla’, mhux biss għax uża r-radju biex ixandar l-appell tiegħu għall-paċi u l-ġustizzja, imma wkoll għax kien iħeġġeġ lin-nies biex huma wkoll ikunu ‘mikrofonu ta’ Alla’.

  • Tkellem mat-tfal dwar kif huma wkoll jistgħu jkunu l-‘mikrofonu ta’ Alla’, meta jitkellmu għal dak li hu sewwa.  Meta jitkellmu b’kuraġġ favur xi ħadd li jkun qiegħed isofri xi inġustizzja.
  • Iddiskutu sitwazzjonijiet fejn dan jista’ jsir:  meta xi tfal ikunu qed jidħku b’xi ħadd, x’jagħmlu?  Joqgħodu kwieti għax jaqbdu magħhom jew jaqbżu għalihom?
  • Ħeġġiġhom biex isibu azzjonijiet pożittivi li jistgħu jieħdu mingħajr ma jkunu aggressivi.

Il-ħajja ta’ San Oscar Romero kienet imdawra bil-vjolenza.  Aħna ngħixu f’dinja fejn il-vjolenza u l-krudiltà huma ħaġa ta’ kuljum fl-aħbarijiet, fil-films u anke fil-logħob.

It-tfal tagħna qegħdin jikbru f’ambjent fejn dawn l-affarijiet qed isiru xi ħaga normali, saħansitra bħala karatteristiċi ta’ eroj. Qatt mhu tard wisq biex ngħallmu lit-tfal kif għandhom jaġixxu mingħajr ma jirrikorru għall-vjolenza; dan dejjem filwaqt li nżommu f’moħħna li t-tfal isawru l-imġiba tagħhom fuq dak li jesperjenzaw id-dar u fuq il-mod kif jiġu dixxiplinati.

Tkellmu mat-tfal dwar x’iġegħelhom jirrabjaw.  Agħtihom spazju biex jesprimu dak li jixtiequ jagħmlu f’mumenti ta’ rabja.  Hemm bżonn li jkunu jafu li hi ħaġa normali li tħossok irrabjat, imma hemm mod kif tesprimi r-rabja u modi oħra li mhumiex aċċettabbli.

Ħin tat-Talb mal-Familja:

  • Nitolbu lil Alla, biex jagħtina l-kuraġġ biex nkunu strumenti tal-paċi.
  • Nitolbu għall-persuni, li anke llum, qed jesperjenzaw attakki vjolenti minħabba l-Fidi u l-valuri tagħhom.

Ara wkoll:  Oscar Romero: a life for God and the poor  

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.