Tapit tat-talb

Spazju ta’ talb fid-dar u Talba għad-dixxiplina

Hello tfal,

Ġieli tħoss li l-ħajja hi tant mgħaġġla li lanqas ikollok ċans tieħu nifs? Ħajjitna l-iskola u d-dar il-ħin kollu mimlija xogħol, studju u attivitajiet. Ġieli tant ikollna x’nagħmlu li lanqas insibu ħin għat-talb għax nagħzlu li nagħmlu attivitajiet oħrajn. Huwa għalhekk importanti li kultant nieqfu u nirriflettu  fil-kwiet, nirrilassaw u naħsbu fuq kif sejrin f’ħajjitna, kif sejrin mal-oħrajn u kif nistgħu nsiru persuni aħjar. Għal din ir-raġuni, diversi reliġjonijiet u twemmin differenti jiddedikaw żmien speċifiku matul is-sena fejn ikollhom iktar ħin biex jitolbu, jagħmlu sagrifiċċji ħalli jgħinu iżjed lil min hu fil-bżonn .

Dan l-ispazju ta’ talb jismu Tapit tat-Talb.

Ikollok bżonn:

  • Tapit żgħir
  • Xi karti kkuluriti vojta (A4)
  • Lapes jew pinna

Istruzzjonijiet:

  • Sib post kwiet, poġġi t-tapit mal-art u poġġi fuqu.
  • Ħu n-nifs ‘il ġewwa u ‘l barra bil-mod u rrilassa.
  • Agħżel karta u ikteb ismek jew pinġi lilek innifsek fuqha. Aħseb fuq ħajtek u l-esperjenzi tiegħek, l-emozzjonijiet u d-diffikultajiet. Pinġi dak li jiġik f’rasek jew ikteb talba.
  • Agħżel karta oħra u pinġi (jew ikteb l-ismijiet) ta’ persuni li tafhom. Aħseb kif tista’ tgħin u tħobb aħjar lil dawn il-persuni u itlob għalihom.
  • Fuq karta oħra ikteb il-kelma ALLA.  Ikteb dak li jiġik f’moħħok jew għid talba f’qalbek lil Alla.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tat-talb li nitolbu fid-djar tagħna. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk modi differenti ta' kif titlob u jħeġġuk tieħu r-relazzjoni tiegħek m'Alla b'aktar serjetà.