San Ġwann Battista De La Salle għex f’dinja differenti totalment minn dik li ngħixu fiha illum. Il-parti l-kbira tal-poplu kien fqir; bdiewa li jgħixu fil-kampanja jew kienu jgħixu ġo ambjenti residenzjali mitluqa.
Il-familji fqar ma kienux jibgħatu t-tfal l-iskola, filwaqt li t-tfal tas-sinjuri kienu jiġu edukati id-dar minn għalliema impjegati mill-ġenituri tagħhom.
San Ġwann Battista de La Salle twieled fis-sena 1651 ġo familja sinjura u ingħata edukazzjoni sekulari u reliġjuża tajba. Meta kien ta eta żgħira, inħatar Kanonku tal-Kattidral ta’ Reims, permezz ta’ din il-ħatra sar uffiċjal tal-Knisja u kien jagħti s-servizz tiegħu fil-Katedral. Meta kellu 21 sena, il-ġenituri tiegħu mietu, minħabba f’hekk kellu jieħu f’idejh ir-responsabilita biex jamministra il-propjeta tal-familja u f’l-istess ħin jieħu ħsieb lil ħutu.
Din ir-responsabilita ġdida, ma waqfitux minn li jkompli l-istudji tiegħu għas-Saċerdozju. Huwa ġie ordnat Saċerdot f’April ta’ l-1678 u sentejn wara irċieva dottorat fit-Teoloġija.
Fix-xogħol pastorali tiegħu ħa sehem fit-twaqqif ta’ skola b’xejn tas-subien li kienu f’riskju li jispiċċaw fit-triq il-ħażina. Eventwalment, telaq id-dar u l-ġid tal-familja tiegħu u mar jgħix mal-għalliema, li wara saret kommunita iddedikata għat-tibdil totali ta’ kif jingħata it-tagħlim. Dawn saru magħrufa bħala ‘The Brothers of Christian Schools’, Kongregazzjoni ġdida iddedikata għat-tagħlim u twaqqif ta’ skejjel ta’ kwalita. Sabiex it-tagħlim ikun aktar aċċessibli, kien jintuża id-dialett lokali, it-tagħlim tar-Reliġjon sar parti mill- Kurrikulu u beda jsir sforz biex il-ġenituri ikunu involuti fit-tagħlim ta’ uliedhom. Bdew jiġi organizzat taħriġ għal-għalliema, żagħżagħ ġew offruti l-opportunita li jitgħallmu xi snajja u twaqqfu ukoll istituzzjonijiet biex joffru għajnuna lil żgħażagħ bi problemi soċjali.
San Ġwann Battista De La Salle sar mudell għal-għalliema oħra, tant hu hekk li bdew jimxu fuq l-eżempji u l-valuri tiegħu, mhux biss fuq il-metodi tat-tagħlim imma anki bdew juru kompassjoni u sapport għat-tfal taħt il-kura tagħhom. San Ġwann Battista De La Sale miet fl-eta ta’ 67 sena, mifni bl-artrite u l-ażżma. Il-metodi tat-tagħlim tiegħu infirex mhux biss ġewwa Franza imma, fl-Ewropa u f’pajjiżi aktar imbiegħda. Illum, il-Lassaljani jinsabu fi 80 pajjiz differenti, anki f’Malta fejn huma magħrufa bħala l-Freres.