San Mattew

21 ta' Settembru

Ġesù għażel tnax ir-raġel biex ikunu miegħu waqt il-ħidma tiegħu fid-dinja. Dawn kienu l-appostli li wieħed minnhom kien jismu Mattew, magħruf ukoll bħala Levi, bin Alfew.  Qabel ma’ mar wara Ġesù, Mattew kien jiġbor it-taxxi għall-Imperu Ruman.

Kif spiċċa Mattew, li kien Lhudi, jiġbor it-taxxi għar-Rumani?

Dak iż-żmien, il-Palestina kienet immexxija mir-Rumani li kienu jitolbu l-ħlas tat-taxxi mingħand il-Lhud kollha.  Dawn it-taxxi kienu somom ta’ flus mitluba mill-flus li kienu jaqilgħu, suppost għall-benefiċċju u l-manutenzjoni tal-provinċja. L-irġiel impjegati mir-Rumani biex jiġbru dawn it-taxxi kienu jissejħu kolletturi tat-taxxa jew pubblikani.  Dawn l-irġiel kienu meqjusa bħala tradituri u midinba għax minħabba li kienu meqjusa bħala kollaboraturi mar-Rumani, ħafna minnhom kienu jitolbu aktar flus mingħand sħabhom f’taxxi li kienu dovuti u imbagħad il-flus żejda kienu jżommuhom għalihom!

Mattew kien wieħed minn dawn l-irġiel.   Ħajtu nbidlet meta darba waħda Ġesù rah bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi u qallu: ʺEjja warajjaʺ (Mattew 9:9). Dak qam u mar warajh. Sa filgħaxija stess, Mattew stieden lil Ġesù għall-ikla fid-dar tiegħu mal-appostli l-oħra u l-pubblikani, taħt il-ħars ikrah tal-Fariżej.  

Mattew baqa’ ma’ Ġesù bħala wieħed mill-appostli tiegħu; fejn kien xhud ta’ mirakli u t-tagħlim tiegħu; ra l-Qawmien ta’ Kristu Rxoxt, irċieva l-Ispirtu s-Santu f’Għid il-Ħamsin u ra lil Ġesù jitla’ s-sema u flimkien mal-appostli l-oħra ntbagħat biex jippriedka l-Evanġelju.

Huwa maħsub li Mattew telaq mill-Palestina x’aktarx għall-Etjopja (mhux dik tal-Afrika iżda ta’ ħdejn il-Baħar Kaspru) fejn kompla jippriedka u jikkonverti lin-nies għat-twemmin f’Ġesù Kristu bħala l-Messija, is-Salvatur tad-Dinja.

San Mattew kiteb l-Ewwel Vanġelu.  Kitbu bl-Aramajk, l-ilsien antik tal-Palestina u li bih kien jitkellem Ġesù. Is-simbolu tiegħu hu figura ta’ bniedem bil-ġwienaħ jew anġlu għax il-Vanġelu tiegħu jibda bil-ġenealoġija ta’ Ġesù.

Id-dettalji ta’ kif miet San Mattew mhumiex ċari. Hemm min jgħid li miet martri fl-Etjopja u min jgħid li miet fil-paċi wara ħajja twila. Irrispettivament minn kif miet San Mattew, il-Knisja temmen li huwa għex ħajja qaddisa u li issa huwa interċessur qawwi fis-Sema.

San Mattew huwa l-qaddis Patrun tal-accountants, tal-bankiera u tal-kolletturi tat-taxxa.

Sibu ftit ħin biex taraw “Jesus calls the misfit tax-collector

  • Tkellem mat-tfal u ħallihom jesprimu ħsibijiethom dwar x’seta’ ħass Mattew meta Ġesù ħares f’għajnejh
  • X’ħaseb?
  • X’ġagħlu jħalli kollox u jmur wara Ġesù?
  • X’għamel Mattew wara li ltaqa’ ma’ Ġesù sal-ħin li Ġesù mar id-dar tiegħu?
  • X’kontu taħsbu kieku kontu hemm?

Matthew kellu sejħa speċjali. Ġesù jsejjaħ lilna wkoll biex nimxu warajh. Il-ħsibijiet tajbin kollha u l-eżempji tajbin ta’ ħaddieħor, li jħegguna nagħmlu l-ġid, huma kollha stediniet biex nimxu wara Ġesù f’dak li ngħidu u f’dak li nagħmlu.

Ħeġġiġhom jagħtu eżempji mill-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Iftħu l-Bibbja u sibu l-Evanġelju skont San Mattew.  Waħda mill-aktar parabboli popolari f’dan l-Evanġelju hija l-Parabbola tat-Talenti (Matt.25,14-30).  Din il-parabbola tirrakkonta dwar il-flus u ġiet miktuba minn Mattew li kien jiġbor il-flus għar-Rumani!  (Matt 25,14-30)

  • Aqraw din il-parabbola flimkien: Spjegalhom li fit-Testment il-Ġdid, it-talent ma kienx munita, iżda somma flus li daż-żmien jiġu madwar €3370/€4000.
  • It-talenti msemmija fiha jirreferu għall-kwalitajiet kollha li Alla jagħti lil kull wieħed u waħda minna.
  • Dawn il-kwalitajiet mhumiex l-istess għal kulħadd, iżda kull persuna għandha l-kwalitajiet biżżejjed biex tikseb dak li Alla jistenna minn kull wieħed u waħda minna.

Ħeġġeġ lit-tfal biex jirrikonoxxu t-talenti jew tal-kwalitajiet tajbin tagħhom.

Ħin tat-Talb mal-Familja

  • Inroddu ħajr lil Alla għall-kwalitajiet tajbin kollha li tana.
  • Nitolbu lil Alla biex jurina kif nużaw dawn il-kwalitajiet.
  • Nitolbu l-għajnuna ta’ Alla biex ma naqtgħux qalbna meta niffaċċjaw l-isfidi, filwaqt li nibqgħu niftakru li, bħall-ħaddiema għaqlin fil-Parabbola tat-Talenti, “is-suċċess huwa r-riżultat ta’ ħidma iebsa.”

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.