Ir-raba’ Ħadd tal-Għid, imsejjaħ il-Ħadd tar-Ragħaj it-Tajjeb, u t-tema ewlenija tal-qari huwa Ġesu bħala r-Ragħaj it-tajjeb, li nsibu f’kapitlu 10 tal-Evanġelju skont San Ġwann. L-immaġini tan-nagħaġ u r-ragħaj toffri messaġġ ta’ tama f’dan iż-żmien tal-Għid. Naħsbu dwar Ġesù, bħala gwida u protettur, li bħal ragħaj jipproteġi lin-nagħaġ tiegħu. Il-messaġġ ewlieni tal-Evanġelju huwa d-don tal-ħajja ta’ dejjem, li jingħata lin-nagħaġ, u l-konnessjoni bejn Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb u Alla l-Missier.
Illum, huwa wkoll Jum il-Vokazzjonijiet. Din il-ġurnata kienet imwaqqfa minn Papa Ġwanni Pawlu II u bi kliemu stess, “Tibżgħux tiftħu l-bibien għal Kristu …” nitolbu għas-saċerdoti li huma r-rgħajja tal-Knisja.
Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jagħmel tliet dikjarazzjonijiet. L-ewwel waħda hija li hu jaf lin-nagħaġ tiegħu, u n-nagħaġ tiegħu jisimgħu leħnu. L-istess kif ir-rgħajja Lhud ta’ żmien Ġesù, kienu jafu lin-nagħaġ tagħhom b’isimhom u n-nagħaġ kienu jagħrfu leħen ir-ragħaj tagħhom, Ġesù jaf lilna b’mod individwali. Hu jaf id-dgħufijiet tagħna, il-bżonnijiet tagħna u wkoll il-merti tagħna. Hu jħobbna kif aħna, minkejja n-nuqqasijiet li għandna u jitlobna biex inpattu din l-imħabba tiegħu b’ubbidejnza għall-kliem tiegħu. Ġesù jkellimna waqt kull quddiesa, jkellimna permezz tas-saċerdoti, tal-ġenituri tagħna, tat-tfal tagħna, il-ħbieb u saħansitra permezz ta’ dak li jiġri f’ħajjitna.
It-tieni dikjarazzjoni, hija li lin-nagħaġ tiegħu, jagħtihom il-ħajja ta’ dejjem. Aħna nibdew il-vjaġġ ta’ fidi fil-magħmudija u nqawwu din il-fidi bis-sagrament tal-Konfermazzjoni. Hu jagħtina ikel għal ruħna fl-Ewkaristija u fil-Kelma tiegħu li hemm fil-Bibbja. Is-sagramenti tal-Ordni Sagri u Żwieġ, isaħħu t-tfittxija tagħna għall-qdusija.
It-tielet dikjarazzjoni hija li Ġesù jipproteġi lin-nagħaġ. Hu jpoġġina fl-idejn mimlija mħabba tal-Missier u ħadd ma jista’ jaħtafna minnhom, sakemm aħna nibqgħu infittxu l-protezzjoni tiegħu u nħalluh ikun dak li jmexxina.
Dan huwa messaġġ ta’ tama. Bħala ġenituri, għandna l-isfida li nkunu rgħajja tajba għal dawk li aħna fdati biex nieħdu ħsiebhom. Ġeneralment, il-vokazzjonijiet jinbtu mill-familja. Minħabba f’hekk, il-ġenituri jibqgħu l-ewwel u l-aqwa għalliema bil-fidi għal uliedhom. Matul din il-ġimgħa, għamel il-ħin biex il-familja titlob flimkien. Itolbu qabel l-ikel, qabel ma torqdu, roddu s-salib qabel ma tibdew issuqu. Ippruvaw li dawn isiru drawwa regolari. Meta nagħmlu dan, inkunu qegħdin inwieġbu għas-sejħa ta’ Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb, u nkunu qegħdin niżirgħu iż-żerriegħa għall-vokazzjonijiet li għad jieħdu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali, ta’ ġenerazzjonijiet futuri.