Mattija seta’ kien wieħed mit-tnejn u sebgħin dixxiplu li mxew wara Ġesù fil-Ministeru Tiegħu, u li kienu mibgħuta qablu tnejn tnejn f’kull belt u post fejn kien ser imur hu. Kif insibu fl-Evanġelju skont San Luqa, kapitlu 10, versi 1 sa 23, Ġesù għażel tnax-il Appostlu, iżda Ġuda l-Iskarjota ma baqax wieħed minnhom. Għalhekk, wara li Ġesù tela’ s-sema, l-Appostli, taħt it-tmexxija ta’ San Pietru, raw li kellhom jagħżlu lil xi ħadd minflok Ġuda l-Iskarjota sabiex jibqgħu tnax-il Appostlu kif kien għażel Ġesù. Xi studjużi jgħidu li n-numru tnax kien numru importanti ħafna għall-Poplu Magħżul għaliex kellu rabta kbira mat-trax-il tribù ta’ Iżrael.
Qabel l-għażla tat-tnax-il appostlu, San Pietru kellem lil madwar mija u għoxrin persuna li kienu miġbura fil-‘kamra ta’ fuq’ għat-talb u r-riflessjoni. Din l-għażla ġiet marbuta ma’ sett ta’ kriterji. Il-persuna magħżula kellha tkun wieħed mid-dixxipli li mexa ma’ Ġesù tul il-Ministeru tiegħu, sa mill-magħmudija tiegħu minn Ġwanni fil-Ġordan, tkun xhud tad-dehriet ta’ Ġesù wara l-qawmien tiegħu mill-mewt, u xhud tat-tlugħ tiegħu fis-sema.
Kien hemm żewġ dixxipli li kkwalifikaw: Mattija u Ġużeppi Barsaba. Dawk kollha preżenti ddeċidew li ma jivvutawx, imma li jitfgħu x-xorti wara li talbu lil Alla biex l-għażla tkun skont ir-rieda tiegħu. L-ismijiet tat-tnejn ġew miktuba fuq żewġ ġebliet separati, u tqiegħdu f’kontenitur. Dawn ġew imħawda sakemm waħda mill-ġebliet bl-isem ta’ Mattija ħarġet mill-kontenitur. Hekk Mattija ġie aċċettat bħala wieħed mit-Tnax, u aktar tard, f’Pentekoste, huwa rċieva l-Ispirtu s-Santu flimkien mal-bqija tal-Appostli.
Mattija beda jipprietka lil Kristu Rxoxt, mhux biss f’Ġerusalemm u fil-Ġudea, imma wkoll fil-Kappadoċja (illum it-Turkija). Huwa ġie ppersegwitat minn dawk li ma ridux jaċċettaw lil Ġesù Kristu, sakemm fl-aħħar sofra l-martirju (madwar is-sena 64 W.K.) ġewwa Colchis, fil-Muntanji Caucasus. Hemm għajdut differenti dwar il-martirju tiegħu: huwa ġie msallab jew qatgħulu rasu. Mattija baqa’ appostlu fidil ta’ Ġesù Kristu sal-aħħar.