Nindmu

It-Tieni Ħadd tal-Avvent

“Indmu għax is-saltna tas-smewwiet waslet.”  Din hija t-twissija li kien jagħti Ġwanni. Is-sejħa ta’ Ġwanni, kienet biex in-nies jaħsbu dwar l-istil ta’ ħajja tagħhom, dwar il-prioritajiet tagħhom, u jinbidlu għall-aħjar. Hu kellu missjoni, u din kienet li jħejji lin-nies għat-tagħlim li Ġesù kien ser iwasslilhom. 

Sabiex jisimgħu lil Ġwanni, in-nies kienu qed jitilqu mill-ibliet u l-irħula u jmorru fid-deżert. L-Avvent isejjaħ lilna wkoll biex immorru fid-deżert. Id-deżert huwa fejn ma hemmx distrazzjonijiet, post fejn jien inkun ma’ Alla, fis-silenzju jien niltaqa’ mhux biss ma’ Alla, iżda wkoll miegħi innifsi. Il-ħajja mgħaġġla li ngħixu, l-impenji tal-familja, ix-xogħol u d-dar iħalluna bla nifs. Imma jista’ jkun, li huwa tort tagħna wkoll, li aħna m’aħniex insibu ftit ħin fejn inkunu għall-kwiet? Jista’ jkun li dan is-silenzju lilna jbeżżagħna? Jista’ jkun li nibżgħu nħarsu lejn il-mera u naraw dak kollu li aħna? Dan hu li qed toffrielna l-Knisja permezz ta’ dan iż-żmien speċjali. Il-Knisja tistedinna nieqfu, nishru, kif qalilna l-Evanġelju tal-ġimgħa l-oħra, inħasru lejna nfusna kif iħares lejna Alla u nindmu. Li tindem ma jfissirx biss, li jien jiddispjaċini għall-għażliet ħżiena li għamilt, għad-dnubiet tiegħi, iżda wkoll li nieħu deċiżjoni ta’ kif jien ser ninbidel għall-aħjar, kif jien minn issa ’l quddiem se nimxi aktar fit-triq tal-Mulej. 

L-Evanġelju tal-lum, qiegħed isejjaħ għall-indiema, għax id-dnub lilna ma jħalliniex ngħixu ħajja skont kif jixtieq Alla. Id-dnub itaqqalna, ma jippermettilniex li nikbru fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla, li nsiru nafuh aktar, li nħalluh iħobbna u jaħfrilna. Dan ma nistgħux nagħmluh waħedna. Irridu nħallu lill-Ispirtu s-Santu jaħdem fina, sabiex bil-qawwa tiegħu, aħna nistgħu ninbidlu u ngħixu l-ħajja li tagħtina ferħ u tama għax aħna wlied Alla.  

Il-Fariżej u s-Sadduċej kienu bħal moħħhom mistrieħ li huma ser isalvaw għax “Għandna b’missier lil Abraham.” Ġwanni jwissihom li dan ma kienx biżżejjed. Aħna wkoll nistgħu naqgħu f’din in-nassa, naħsbu li la mgħammdin u mmorru l-quddiesa ta’ nhar ta’ Ħadd, aħna salvati. Il-ħajja tagħna trid tagħti l-frott; il-mod kif ngħixu jrid ikun xhieda ta’ dak li nemmnu.

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (Mt 3, 1-12) 

F’dawk il-jiem, deher Ġwanni l-Battista jippriedka fid-deżert tal-Lhudija u jgħid: “Indmu, għax is-saltna tas-smewwiet waslet”. Għax għalih kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal: “Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu”.

Dan Ġwanni kellu fuqu libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u l-ikel tiegħu kien ġradijiet u għasel selvaġġ. U kienet tmur għandu Ġerusalemm u l-Lhudija kollha u l-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan, u kienu jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan huma u jistqarru dnubiethom.

Kif ra bosta mill-Fariżej u mis-Sadduċej ġejjin għall-magħmudija tiegħu, qalilhom: “Ja nisel il-lifgħat, min uriekom kif għandkom taħarbu mill-korla li ġejja? Agħmlu mela frott xieraq tal-indiema, u taħsbux li tistgħu tgħidu fikom infuskom: “Għandna b’missier lil Abraham”. Ngħidilkom li Alla, minn dan l-istess ġebel, jista’ jqajjem ulied lil Abraham. Il-mannara ġa tressqet ma’ għerq is-siġra; u għalhekk, kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar. Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma għall-indiema; imma min ġej warajja hu aqwa minni, u jien ma jistħoqqlix inġorr il-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa tiegħu u jiġbor il-qamħ fil-maħżen, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. In-nies kienu jmorru fid-deżert biex jisimgħu lil Ġwanni. Fejn se tmur inti biex tisma’ lil Alla jkellmek? F’dawn il-ġranet li ġejjin, agħmel il-ħin biex inti tkun waħdek, ‘l bogħod mid-distrazzjonijiet (mingħajr mobile) u dan il-ħin għaddih ma’ Ġesù.
  4. Minbarra l-quddiesa tal-Ħadd, sib ġurnata matul din il-ġimgħa, biex flimkien mal-familja tiegħek, tmorru l-knisja u toqgħodu ftit hemm titolbu, kemm flimkien, kif ukoll b’mod personali.
  5. Kif qed tgħixu dan l-Avvent bħala familja? Żur dawn is-siti għall-għajnuna ta’ kif tista’ tagħmel dan.
  6. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Mattew (3, 1-12)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  7. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  8. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

X’jiġri fid-dar tagħkom meta jkunu ġejjin xi mistednin? X’jgħidulkom tagħmlu l-ġenituri tagħkom? Tiġbru t-toys u tpoġġuhom f’posthom? Fl-Evanġelju tal-lum, niltaqgħu ma’ Ġwanni l-Battista, li wkoll kien qed jipprepara għal xi ħaġa. Ma kienx qed jiżbarazza d-dar għax kien qed jistenna xi mistednin. Hu kien qed jipprepara lin-nies biex jiltaqgħu ma’ Ġesù! Ejjew nisimgħu x’kien qiegħed jagħmel Ġwanni.

  • Mhux biżżejjed li jiddispjaċina għall-għażliet ħżiena li nagħmlu. Irridu wkoll nippruvaw ma nerġgħux nagħmlu l-istess għażliet ħżiena li nkunu għamilna
  • Printout tal-qalb (jekk jista’ jkun fuq karta A3)
  • Printout taċ-ċrieki b’azzjonijiet
  • Printout tal-wiċċ iddispjaċut
  • Tazza tal-kartun jew reċipjent ieħor
  • Imqass
  • Gloj 
  • Kuluri 

Għalkemm aħna qegħdin nippreparaw għall-Milied, din il-ġrajja li smajna dwarha llum, saret, meta Ġesù kien diġà kiber u kien ser jibda ż-żmien meta beda jgħallem lin-nies dwar Alla. Ġwanni kien qiegħed jipprepara lin-nies għal meta jiltaqgħu ma’ Ġesù. Ma kienx qiegħed jgħidilhom imorru d-dar u jnaddfuha u jiżbarazzawha! Hu riedhom jippreparaw qalbhom. Kif setgħu jippreparaw qalbhom għal Ġesù? 

Ġwanni qalilhom: “Indmu, għax is-saltna tas-smewwiet waslet.” Xi tfisser indmu? Ma tantx hi kelma li nużawha hux hekk? Forsi lanqas qatt ma smajtuha! Li tindem tfisser li jiddispjaċik għal għażla ħażina li tkun għamilt, għal xi dnub. Dan ma jfissirx li jiddispjaċik biss, u tgħid ‘sorry’. Jeħtieġ ukoll, tagħmel ħiltek biex ma terġax tagħmel dan id-dnub. Per eżempju, ħuk il-kbir kien qiegħed jagħmel il-homework u inti ridt tilgħab miegħu. Hu ma riedx jilgħab qabel ma jlesti l-homework u inti rrabjajt u ġbidtlu l-pitazz minn idejh u tqatta’. Meta rajt hekk, inti ddispjaċik,u għidtlu sorry. Tkun għamilt sewwa li għidt sorry, imma li tindem tfisser li darb’oħra meta xi ħaġa tirrabbjak, ma taqbadx u tagħmel dak li jiġik f’moħħok. Minflok, tista’ twarrab minn hemm biex tagħti ftit ċans li tikkalma u l-azzjonijiet tiegħek ma jibqgħux immexxijin mir-rabja. Dan tfisser li tindem, li jiddispjaċik għal xi ħaġa ħażina li għamilt, u meta terġa’ tkun f’sitwazzjoni simili, ma terġax tagħmel l-istess għażla ħażina.

Huwa important li anke aħna nippreparaw qalbna għal Ġesù fil-Milied. Aħna nkunu qegħdin nippreparaw qalbna għal Ġesù kull meta nagħmlu dak li jixtieq Ġesù. L-attività ta’ din il-ġimgħa ser tgħinkom tagħżlu bejn azzjonijiet li jogħġbu lil Ġesù u oħrajn li ma jogħġbuhx. Tajjeb li kieku dejjem nagħmlu dak li jieħu gost bih Ġesù, imma aħna nafu li xi drabi, nagħmlu wkoll dak li Ġesù ma jieħux gost bih. Meta nagħmlu dan, aħna rridu ngħidu sorry, u nippruvaw li ma nerġgħux nirrepetu dan il-ħażin li għamilna. 

Għall-attività tal-lum, għandkom printout ta’ qalb. Din ser tinqata’ u titwaħħal kif indikat biex tiġi bħal reċipjent forma ta’ qalb. Tistgħu tagħtuha l-kulur. Il-wiċċ iddispjaċut waħħluh fuq it-tazza. L-istampi fiċ-ċrieki, iridu jinqatgħu waħda waħda. Meta tkunu lesti, ser tqassmu l-istampi. Jekk hi azzjoni tajba, per eżempju ‘taqra mill-Bibbja’, poġġu din l-istampa fil-qalb, jekk hi azzjoni ħażina, per eżempju ‘tirrabja’, poġġu din l-istampa fit-tazza. Mela, biex nippreparaw qalbna għal Ġesù, irridu nagħmlu aktar azzjonijiet bħalma poġġejna fil-qalb, milli azzjonijiet li poġġejna fit-tazza. Meta nagħmlu xi ħaġa, bħalma hemm fl-istampi ġot-tazza, irridu nitolbu skuża u naraw li ma nerġgħux nagħmlu dan. Żgur li hemm ħafna aktar affarijiet sbieħ li intom tagħmlu u li Ġesù jieħu gost bihom, matul il-bqija tal-ġranet tal-Avvent, tistgħu tpinġu dawn l-azzjonijiet u tpoġġuhom fil-qalb ukoll.  

Sakemm qegħdin taqtgħu l-istampi u tagħtu l-kulur lill-qalb, tistgħu tisimgħu din is-song, li ssemmi x-xemgħat li hemm fil-girlanda tal-avvent.

The Advent Song (actions). The Advent Song (lyrics)

Radd tas-salib

Għażiż Ġesù, jien irrid nipprepara lil qalbi għalik. Għinni, sabiex sal-Milied, jien ikolli qalbi mimlija b’affarijiet sbieħ li nkun għamilt u li jogħġbu lilek. Ammen.

Intom qatt kellkom tkunu nieqsa mid-dar għal numru ta’ ġranet? Biex tmorru xi vaganza per eżempju, jew għand xi ħbieb? X’tagħmlu qabel ma tmorru? Żgur tkun ta’ għajnuna għalikom, kieku jkollkom tiktbu lista’ ta’ affarijiet li tridu tieħdu magħkom, biex b’hekk ma tinsew xejn. Illum l-Evanġelju ser ilaqqagħna ma’ Ġwanni l-Battista, li jkellimna dwar preparazzjoni wkoll.

  • Għandna bżonn inkunu dejjem imqajmin – u mhux aljenati minn affarijiet superfiċjali.
  • Għandna bżonn inżommu il-ħarsa tagħna fuq Ġesù u fuq il-preżenza tiegħu!
  • M’għandna bżonn nħejju xejn

Jekk inkunu sejrin vaganza u ninsew xi ħaġa bżonnjuża warajna, se nbatu l-konsegwenzi. Ejjew insemmu eżempju. Sifirtu mal-familja u l-ġenituri tiegħek ippjanaw li jikru karozza, iżda meta wasaltu, indunaw li nsew iġibu magħhom il-liċenzja tas-sewqan! Din ser tħarbat il-pjani kollha li kellhom għall-vaganza tagħkom. Mela apparti li tippjana, wieħed irid jara wkoll, li għandu dak kollu li għandu bżonn biex jirnexxilu jagħmel dak li jkun ippjana.

X’għandu x’jaqsam dan kollu mal-Evanġelju tal-lum? Fil-qari llum smajna l-frażi, “Ħejju t-triq tal-Mulej.” Xi tfisser din?

Irridu nippreparaw lilna nfusna għal Ġesù. Kollha kemm aħna nemmnu li wara din il-ħajja, hemm il-Ġenna. Madanakollu nafu wkoll, li t-triq lejn il-Ġenna mhix waħda dritta u faċli. Fil-fatt, Ġwanni jwissina u jgħid: “kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar.” Aħna li rċevejna l-magħmudija ta’ Ġesù, magħmudija bl-Ispirtu s-Santu, rridu nagħmlu l-frott. Kif ser nagħmlu frott?

Il-frott tagħna jidher fil-mod kif ngħixu. Jekk aħna ngħixu skont kif jixtieq Ġesù, inkunu qegħdin nagħmlu l-frott. Mhux ser jirnexxielna dejjem nagħmlu dak li hu tajjeb, se jkun hemm drabi meta aħna nagħmlu dnub, nagħmlu dak li ma jixtieqx Ġesù. Ġwanni, jgħidilna li meta nagħmlu dnub, irridu nindmu. X’taħsbu li tfisser din il-kelma?

Li tindem tfisser li tinbidel. Semmejna li aħna qegħdin fi vjaġġ lejn il-Ġenna. X’jista’ jkun dak li jtellifna t-triq?

Meta nagħmlu dnub, meta nagħmlu għażliet ħżiena, aħna ma nibqgħux fit-triq it-tajba. Meta jiddispjaċina, aħna nkunu erġajna qbadna t-triq it-tajba. Madanakollu, jekk ma jkollniex rieda li ninbidlu, malajr ser nindunaw li dak id-dnub li għamilna u li kien iddispjaċiena li għamilna, malajr erġajna għamilnih. Meta tindem tfisser li jiddispjaċik għall-ħażin li għamilt u li tagħmel minn kollox biex ma terġax tirrepetih. Allura, jekk per eżempju għandek il-vizzju li tigdeb, li tindem ifisser, li meta tkun ser terġa’ tigdeb, jirnexxilek twaqqaf lilek innifsek qabel ma tgħid il-gidba. Meta tindem, qisu bħal meta tippjana dak kollu li ser tieħu miegħek għall-vaganza u jirnexxilek tieħu kollox, u ma tinsa xejn. 

Din hija t-tagħlima li jrid jagħtina Ġwanni. Jekk aħna nagħmlu għażliet tajba u nindmu mill-għażliet ħżiena, aħna nkunu qegħdin nippreparaw lilna nfusna għal Ġesù. Aħna nafu li meta nagħmlu dnub, irridu mmorru nqerru. Għalhekk din il-ġimgħa, araw li tmorru tqerru, u oqgħodu attenti għal dak li jgħidilkom is-saċerdot, minħabba li wara li tkun għidtulu d-dnubiet tagħkom, hu jagħtikom xi għajnuna kif tistgħu ma terġgħux tagħmlu dak id-dnub, jiġifieri li tindem.

Inroddu s-salib

Marantha, ejja Mulej Ġesù u twieled ġewwa fija. Għinni biex qalbi tkun ippreparata biex tirċevik. Spirtu s-Santu, agħtini l-għajnuna biex jiddispjaċini għad-dnub li nagħmel u l-qawwa li ma nerġax. Ammen

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.