Żmien il-Għid dalwaqt jintemm, hekk kif qegħdin noqorbu lejn il-festi tat-Tlugħ fis-sema tal-Mulej u ta’ Pentekoste. Il-qari tal-lum meħud mill-14-il kapitlu tal-Evanġelju ta’ San Ġwann, huwa parti mid-diskors ta’ Ġesù waqt l-aħħar ċena. Ifakkarna li permezz tal-Ispirtu s-Santu (id-Difensur), Ġesù jibqa’ dejjem magħna. L-Ispirtu s-Santu jgħallimna dak kollu li għandna bżonn u jfakkarna fit-tagħlim ta’ Ġesù u fuq kollox jagħtina l-paċi, li permezz tagħha, aħna ngħixu bħal Ġesù.
Qatt esperjenzajtu dan is-sens ta’ paċi profonda? Tħossuh bħala konsolazzjoni kbira, u ħafna mħabba.
Qabel ma miet, Ġesù ħejja lid-dixxipli għat-tluq imminenti tiegħu u wkoll għad-don tal-Ispritu s-Santu, li kien ser jgħinhom, wara li hu ma jibqax magħhom. Ċentrali f’dan il-qari huma l-kliem ta’ Ġesù, “Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja.” Din mhijiex sempliċiment tislima, iżda hija sens ta’ paċi speċjali li setgħu jħossu meta kienu jafu li Ġesù kien dejjem magħhom, għalkemm hu kien se jmur lura għand il-Missier. Dan kien l-aħħar rigal tiegħu, lid-dixxipli. Xi drabi nistgħu inħalltu din il-paċi mal-idea li għandna ta’ kwiet u trankwillità. Id-dinja tista’ toffri xi paċi, iżda din mhijiex paċi dejjiema. It-tensjonijiet, il-biżgħat u ħsibijiet ta’ kuljum, iġgħaluna nixxenqu għal paċi aktar profonda u dejjiema. L-għatx tagħna għall-paċi, hija tfittxija għall-paċi ma’ Alla u huwa Ġesù biss li jista’ jagħtihielna.
Fil-Bibbja nsibu l-kelma Lhudija, “Shalom.” Il-kelma “paċi” ma tesprimix biżżejjed it-tifsira sħiħa tal-kelma “Shalom.” “Shalom” timplika li ma jonqos xejn, sens ta’ perfezzjoni u armonija ma’ Alla. Kif jista’ jkun possibbli, li fil-ħajja mgħaġġla insibu din it-tip ta’ paċi? Jekk għandna relazzjoni ma’ Alla, irridu nkomplu nsostnuha, l-istess bħal kull relazzjoni. Irridu ngħaddu ħin fit-talb. Staqsi lilek innifsek, jekk intix tgħaddi ħin titlob kuljum. Għandek rutina ta’ talb? Tixtieq iżżid fit-talb? Forsi tista’ tirranġa r-rutina biex issib għaxar minuti ta’ ħin ma’ Alla. Id-don tal-paċi ta’ Ġesù, jista’ jkun tagħna wkoll, jekk naċċettaw l-offerta ta’ salvazzjoni li qiegħed jagħmlilna Ġesù. Hemm numru ta’ metodi ta’ talb li nistgħu nużaw. Santa Tereża ta’ Lisieux kienet tgħid, “Għalija, t-talb huwa qabża tal-qalb, huwa ħarsa sempliċi mixħuta lejn is-Sema, għajta ta’ gratitudni u mħabba fost it-tiġrib u qalb il-ferħ.”