Verità waħda

Trinità Qaddisa

F’dan il-Ħadd u fil-Ħadd li ġej, il-Knisja tagħtina żewġ festi kbar oħra. Illum niċċelebraw il-festa tat-Trinità Qaddisa. Il-Ħadd li ġej, niċċelebraw il-festa tal-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Ġesù.

Il-fidi tagħna, kif nistqarru fil-Kredu, hija msejsa fuq twemmin ta’ Alla wieħed. Nemmnu li Alla huwa wieħed fi tliet persuni: il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Dan aħna ma nistgħux nispjegawh b’mod li nifhmuh. Fil-fatt insejħulu misteru. Bl-għajnuna tat-tagħlim tal-Knisja u t-talb, nistgħu nifhmu partijiet mill-misteri tal-fidi, iżda qatt ma hu ser jirnexxielna nifhmu kollox. Dan m’għandux għalfejn jaqtagħlna qalbna jew joħolqilna diffikultà fil-fidi tagħna. Alla huwa tant kbir u infinit, li impossibli li aħna nifhmu kollox. Aħna m’aħniex Alla; nifhmu kollox meta nkunu miegħu fil-ġenna. Filfatt, dan kien id-dnub tal-ewwel bniedem; hu ried li jkun bħal Alla u daqsu. 

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jitkellem dwar ir-relazzjoni li għandhom bejniethom dawn it-tliet persuni tat-Trinità. It-tliet persuni huma ndaqs f’kollox, anke fid-divinità. Lid-dixxipli, Ġesù jgħidilhom li dak kollu li għallimhom kien ġej mill-Missier u ser jgħaddi mingħandu għand l-Ispirtu s-Santu.   Ġesù għadda t-tagħlim tal-Missier lid-dixxipli, u bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu huma għaddewh lill-oħrajn. Aħna wkoll imsejħa biex bħala Knisja, bħala familja u bħala individwi, inwaslu dan it-tagħlim b’mod sħiħ. Dan nistgħu nagħmluh biss bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu.

Alla huwa mħabba (1 Ġwanni 4,8). Bħala ġenituri, aħna responsabbli biex inwasslu lit-tfal biex isiru jafu dejjem aktar lil Alla. Huma ma jsirux jafu lil Alla biss permezz tat-tagħlim. Isiru jafuh ukoll permezz tal-attitudnijiet tagħkom. Lil Alla ma jistgħux jarawh, iżda lilkom jarawkom. Kif jistgħu it-tfal jagħrfu li Alla jħobbhom, jaħfrilhom, jgħinhom, jagħtihom dak li għandhom bżonn, jekk intom ma tagħmlux hekk magħhom? Alla ta lilu nnifsu għalina. Alla ma kellux għalfejn isir bniedem bħalna, għamel hekk għax lilna jħobbna b’mod sħiħ. Kull darba li aħna nħobbu u ningħataw għall-oħrajn, inkunu qegħdin nirriflettu lit-Trinità mingħajr ma nafu.

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 16, 12-15) 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom. Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha; għaliex hu ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma’, u jħabbrilkom il-ġejjieni.

Hu jagħtini glorja, għaliex jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom. Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi. Għalhekk għedt li jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. X’inhi dik il-ħaġa li bħalissa ma tistax ‘tiflaħ għaliha’? Jista’ jkun li għandha x’taqsam mal-imħabba li qed tagħti u mintix qed tħoss li qed tirċievi lura, jew tbatija li għaddej/ja inti minnha bħalissa, nuqqas ta’ maħfra li trid tagħti jew tirċievi, il-preżenza ta’ Alla f’dan kollu. Huwa ‘l-Ispirtu tal-Verità’ li jista’ jagħtik il-paċi li tixtieq. Jekk mhux diġà tagħmel hekk, ibda minn issa ressaq dawn il-mistoqsijiet tiegħek quddiem l-Ispirtu s-Santu u itolbu għad-don tal-fehma u tal-għerf. 
  4. Illum ukoll, lid-dixxipli, Ġesù jgħidilhom, “Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom.” Hemm xi ħaġa li taf li Ġesù qiegħed jgħidlek, imma inti ma tridx tismagħha? Itlob lill-Ispirtu s-Santu għall-kuraġġ, u wkoll irrikorri għall-għajnuna għand id-direttur spiritwali jew il-konfessur tiegħek.
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Ġwann (16, 12-15)
    ii. Xemgħa kbira bajda
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp abjad
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
    v. Ikona jew stampa tat-Trinità
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Tiftakru l-ġimgħa l-oħra x’festa ċċelebrajna? Kienet il-festa ta’ Pentekoste. Għalkemm għall-Knisja kull nhar ta’ Ħadd huwa speċjali, hemm xi wħud li huma aktar speċjali, bħal Ħadd li għadda u anke dan il-Ħadd u l-Ħadd li ġej ukoll! Kemm se niċċelebraw! Meta niċċelebraw xi ħaġa, aħna nkunu ferħana. Ġesù, hekk jixtieq li nkunu: ferħanin. Għalhekk għandna dawn il-festi kollha!

  • Alla huwa wieħed fi Tliet persuni: il-Missier, l-Iben Ġesù u l-Ispirtu s-Santu
  • laptop

Ejjew irroddu s-salib flimkien.

Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Semmejna tliet persuni. Min huma? (il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu)

Tafu x’insejħulhom dawn it-tlieta flimkien? 

Il-Missier, l-Iben, li hu Ġesù u l-Ispirtu s-Santu. Dan huma Alla wieħed fi Tliet Persuni. Din hija l-festa, li qegħdin niċċelebraw illum. Qegħdin niċċelebraw il-festa tal-Missier, ta’ Ġesù Kristu  u tal-Ispirtu s-Santu. Din il-festa nafuha bl-isem tal-Festa tat-Trinità. Il-kelma Trinità ġejja mill-kelma tlieta, għax kif semmejna, Alla huwa wieħed fi Tliet persuni: il-Missier, l-Iben Ġesù u l-Ispirtu s-Santu. Tiddejqux jekk din ma tistgħux tifhmuha. Tafu li ħadd ma jista’ jifhem eżatt xi tfisser li Alla hemm wieħed, imma Alla huwa wkoll tliet persuni?

Ħa ngħidu storja li ġrat ħafna ħafna snin ilu. Kien hemm raġel jismu Wistin, dan kien raġel bravu u kiteb ħafna kotba dwar Alla. Darba kien għajjien għax kien ilu jikteb u ħareġ jippassiġġa ħdejn il-baħar. Ħadd ma kien hemm ħdejn il-baħar, ħlief tifel żgħir. Dan it-tifel kien tiela u nieżel, il-baħar. Meta Wistin resaq qrib tiegħu, induna li dan it-tifel kellu arzella (seashell) f’idejh. Hu kien ħaffer ħofra fir-ramel u kien ġej u sejjer, jimla’ l-arzella bl-ilma baħar u jpoġġih fil-ħofra. Wistin ġietu l-kurżità, dwar x’kien qiegħed jagħmel dan it-tifel u għalhekk staqsieh. Dan it-tifel ħares lejh u qallu, “qed nipprova ndaħħal il-baħar f’din it-toqba.” Wistin, bi ħlewwa kbira, niżel għarkubbtejh ħdejn it-tifel u qallu, “Sabiħ! Imma kif tista’ tagħmel dan? Dak il-baħar kollu, kbir u majestuż mhux ser joqgħod f’dik it-toqba ċkejkna!”

Tafu x’wieġeb it-tifel? “Jekk jiena ma nistax inpoġġi dak il-baħar kbir ġo din it-toqba żgħira, inti kif tista’ tifhem it-Trinità?” 

Wistin sar qaddis u aħna nafuh bħala Santu Wistin. Kien bravu ħafna, iżda għalkemm studja ħafna u kien jitlob ħafna, xorta ma setax jifhem kif Alla huwa wieħed fi Tliet persuni. Għalhekk mhijiex problema li lanqas aħna ma nifhmu!

Għalkemm ma nifhmux, ma jfissirx li ma nemmnux. Hemm ħafna affarijiet li ma nifhmux, iżda nemmnuhom. Per eżempju, intom tifhmu għalfejn in-nar jaħraq? Anki jekk ma tifhmux, intom temmnu li jaħraq, hux hekk? Temmnu, għax jekk tpoġġu jdejkom fuqu, tweġġgħu. Bl-istess mod, għalkemm aħna ma nistgħux nifhmu jew naraw lil Alla, nemmnu li qiegħed hemm, għax dak kollu li hu tajjeb ġej mingħandu. Meta xi ħadd iħobbna, dan ġej mingħand Alla; meta xi ħadd jagħmilna ferħana, dan ġej mingħand Alla; meta xi ħadd jieħu ħsiebna u jgħallimna, dan ukoll ġej mingħand Alla. Permezz ta’ dawn in-nies, Alla qiegħed jurina li hu jħobbna u li jieħu ħsiebna. 

Intom diġà tafu xi affarijiet dwar Ġesù. Tistgħu issemmu x’tafu? (Ġesù kien iħobb lil-oħrajn, kien iħobb lit-tfal, kien jgħin, kien jgħallem, kien ħabib ma’ kulħadd)

Fl-istejjer ta’ Ġesù, insibu li hu kien jitkellem ħafna dwar il-Missier u qalilna li hu kien iġib il-qawwa tiegħu biex jagħmel dak li hu tajjeb mill-Ispirtu s-Santu. Mela tfal, għalkemm nafu li mhux ser nifhmu kif Alla huwa wieħed fi Tliet persuni, nafu wkoll i aktar ma naqraw il-Bibbja u ngħixu fl-imħabba lejn xulxin, aktar ser insiru nafu lill-Missier, lil Ibnu Ġesù u lill-Ispirtu s-Santu. 

L-attività tal-lum, ser tgħinna biex nitgħallmu aktar dwar Alla Trinità.  Kull darba li rroddu s-salib u ngħidu t-talba tal-Glorja, inkunu qegħdin insemmu lill-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu. Morru https://bekids.mt/is-sinjal-tas-salib/?lang=mt u https://bekids.mt/the-glory-be-prayer/?lang=mt u hemmhekk se ssibu mhux biss tagħrif dwar ir-Radd tas-Salib u t-talba tal-Glorja, imma se ssibu kwizz u logħob ieħor ukoll.
Meta tlestu din l-attività, isimgħu, the Trinity Song.

Radd tas-salib

Ngħidu t-talba tal-Glorja.

Illum niċċelebraw il-festa tat-Trinità. Għalkemm din il-kelma ma nsibuhiex fil-Bibbja, Ġesù wriena u tkellem dwar it-tliet persuni tat-Trinità.

  • Aħna nemmnu li Alla huwa wieħed
  • Printout tal-attività, fuq kartonċina
  • Imqass
  • Gloj
  • Paper punch
  • Spag
  • Kuluri
  • Lapes ikkulurit / gel pens

Il-kelma Trinità ġejja mill-kelma tlieta, għax aħna nemmnu li hemm Alla wieħed fi tliet persuni. Ħadd ma jista’ jifhem u jispjega eżatt dan kif jista’ jkun. Aħna fil-fatt ngħidu nemmnu l-misteru tat-Trinità. Dan mhux misteru bħal dak li jippruvaw isolvu d-detectives f’xi film li naraw, jew ktieb li naqraw!

Il-misteru tat-Trinità hu xi ħaġa li nemmnu, iżda li ma nistgħux nifhmu b’moħħna. Għalkemm aktar ma nitgħallmu, aktar ma nikbru u aktar ma nitolbu, nifhmu aktar milli nifhmu llum, xorta waħda, qatt ma nistgħu nifhmu eżatt xi jfisser li t-tliet persuni tat-Trinità huma Alla wieħed. 

Alla huwa tant kbir, għaref u perfett li aħna ma nistgħux nifhmuh. Madanakollu, għalkemm ma nistgħux nifhmu dan il-misteru, lil Alla nistgħu nsiru nafuh dejjem aktar. Meta aħna naqraw il-Bibbja, insiru nafu aktar lill-Missier, lill-Iben, li hu Ġesù u lill-Ispirtu s-Santu. Insiru nafu lil Alla wkoll, meta aħna nitolbu. Minbarra hekk, nitgħallmu dwar Alla fil-laqgħat tal-parroċċa u anke l-iskola. 

Fl-Evanġelju tal-lum jissemmew it-tliet persuni tat-Trinità. Ġesù, l-Iben, qiegħed ikellem lid-dixxipli tiegħu. Qiegħed jgħidilhom li wasal iż-żmien li hu jmur il-ġenna. Bħalma smajna fil-ġimgħat li għaddew, Ġesù jwiegħed li ma jħallihomx waħedhom, iżda li jibgħat lill-Ispirtu s-Santu. Ġesù jgħidilhom li dak li għallimhom hu, ġej mill-Missier u wara li hu, jmur lura għand il-Missier, l-Ispirtu s-Santu ser ikun magħhom biex ifakkarhom dak kollu li għallimhom hu.Fl-attività tal-lum, ser tisimgħu tliet clips dwar il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Isimgħuhom sew, biex titgħallmu aktar dwar dawn it-tliet persuni. Imbagħad aqtgħu l-istampa tat-Trinità u dak in-nofs ċirku. Agħtu l-kulur lill-istampa tat-Trinità. Taqqbu fejn hemm immarkat (iċ-ċrieki blu). Waħħlu n-nofs ċirku fuq wara tal-istampa tat-Trinità, waħħluha b’tali mod li t-toqob jibqgħu jidhru.  Aqtgħu il-qlub u fil-qalb ta’ Alla l-Missier iktbu xi kwalitajiet li smajtu fil-clip, għamlu l-istess f’tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Taqqbu l-qlub fejn hemm indikat. Għaddu l-ispag mit-toqob, biex il-qlub jiddendlu mal-istampa tat-Trinità u bi spaga oħra tistgħu ddendlu din il-mobile fil-kamra tagħkom.

Clip dwar Alla Missier.

Alla l-Iben: https://malta.catholicbrain.com/edu-lesson/1242524/1/adventure-catechism-lezzjoni-02-min-hu-es- Alla Spirtu s-Santu: https://malta.catholicbrain.com/edu-lesson/1243954/1/adventure-catechism-lezzjoni-04-min-hu-l-ispirtu-s-santu-

Inroddu s-salib.

Bħala talba għid il-Kredu, talba li turi li nemmnu f’Alla wieħed, il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Tista’ tgħid il-Kredu tal-Appostli, inkella l-Kredu ta’ Niċea, li hu l-Kredu li ngħidu waqt il-quddiesa. Wara, isma’ This I believe.

Ngħidu flimkien il-Kredu tal-Appostli.

Kif ukoll: Kredu ta’ Nicea

Jiena nemmen f’Alla wieħed,
Il-Missier li jista’ kollox, li ħalaq is-sema u l-art,
Dak kollu li jidher u dak li ma jidhirx.

U f’Mulej wieħed Ġesu’ Kristu, Iben waħdieni ta’ Alla,
Imnissel mill-Missier qabel kull żmien.
Alla minn Alla, dawl minn dawl, Alla veru minn Alla veru,
Imnissel, mhux magħmul, natura waħda mal-Missier;
u bih sar kollox.
Niżel mis-smewwiet
għalina l-bnedmin u għall-fidwa tagħna.
U ħa l-ġisem bis-setgħa ta’ l-Ispirtu s-Santu
Minn Marija Verġni u sar bniedem.
Sallbuh għalina, bata taħt Ponzju Pilatu,
miet u difnuh, u fit-tielet jum qam minn bejn l-imwiet,
skond il-Kotba mqaddsa,
u tela’ s-sema, u qiegħed fuq il-lemin tal-Missier.
U għandu jerġa’ jiġi bil-glorja
biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin,
u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem.

u fl-Ispirtu s-Santu, Mulej li jagħti l-ħajja;
li ġej mill-Missier u mill-Iben;
li hu mequum u mweġġaħ flimkien mal-Missier u ma’ l-Iben;
Hu li tkellem b’fomm il-profeti.

u fi Knisja waħda, qaddisa, kattolika, appostolika.

Nistqarr magħmudija waħda għall-maħfra tad-dnubiet.
U nistenna l-qawma mill-imwiet,
U l-ħajja taż-żmien li ġej. Ammen.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.