F’dan il-Ħadd u fil-Ħadd li ġej, il-Knisja tagħtina żewġ festi kbar oħra. Illum niċċelebraw il-festa tat-Trinità Qaddisa. Il-Ħadd li ġej, niċċelebraw il-festa tal-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Ġesù.
Il-fidi tagħna, kif nistqarru fil-Kredu, hija msejsa fuq twemmin ta’ Alla wieħed. Nemmnu li Alla huwa wieħed fi tliet persuni: il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Dan aħna ma nistgħux nispjegawh b’mod li nifhmuh. Fil-fatt insejħulu misteru. Bl-għajnuna tat-tagħlim tal-Knisja u t-talb, nistgħu nifhmu partijiet mill-misteri tal-fidi, iżda qatt ma hu ser jirnexxielna nifhmu kollox. Dan m’għandux għalfejn jaqtagħlna qalbna jew joħolqilna diffikultà fil-fidi tagħna. Alla huwa tant kbir u infinit, li impossibli li aħna nifhmu kollox. Aħna m’aħniex Alla; nifhmu kollox meta nkunu miegħu fil-ġenna. Filfatt, dan kien id-dnub tal-ewwel bniedem; hu ried li jkun bħal Alla u daqsu.
Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jitkellem dwar ir-relazzjoni li għandhom bejniethom dawn it-tliet persuni tat-Trinità. It-tliet persuni huma ndaqs f’kollox, anke fid-divinità. Lid-dixxipli, Ġesù jgħidilhom li dak kollu li għallimhom kien ġej mill-Missier u ser jgħaddi mingħandu għand l-Ispirtu s-Santu. Ġesù għadda t-tagħlim tal-Missier lid-dixxipli, u bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu huma għaddewh lill-oħrajn. Aħna wkoll imsejħa biex bħala Knisja, bħala familja u bħala individwi, inwaslu dan it-tagħlim b’mod sħiħ. Dan nistgħu nagħmluh biss bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu.
Alla huwa mħabba (1 Ġwanni 4,8). Bħala ġenituri, aħna responsabbli biex inwasslu lit-tfal biex isiru jafu dejjem aktar lil Alla. Huma ma jsirux jafu lil Alla biss permezz tat-tagħlim. Isiru jafuh ukoll permezz tal-attitudnijiet tagħkom. Lil Alla ma jistgħux jarawh, iżda lilkom jarawkom. Kif jistgħu it-tfal jagħrfu li Alla jħobbhom, jaħfrilhom, jgħinhom, jagħtihom dak li għandhom bżonn, jekk intom ma tagħmlux hekk magħhom? Alla ta lilu nnifsu għalina. Alla ma kellux għalfejn isir bniedem bħalna, għamel hekk għax lilna jħobbna b’mod sħiħ. Kull darba li aħna nħobbu u ningħataw għall-oħrajn, inkunu qegħdin nirriflettu lit-Trinità mingħajr ma nafu.