Is-sliem

L-Erbatax-il Ħadd ta' Matul is-Sena Ċ

Bħalma kienet il-Ħadd li għadda, it-tema tal-lum hija d-dixxipulat u d-diffikultajiet, l-isfidi u l-premji li jiġu meta wieħed jimxi wara Ġesù. Aħna lkoll imsejħa biex inkunu missjunarji u nwasslu l-Aħbar it-Tajba tal-Evanġelju u nkabbru s-Saltna ta’ Alla.

Mhux faċli li naqsmu l-missjoni ta’ Ġesù, iżda hemm numru ta’ okkażjonijiet meta nistgħu inkunu missjunarji. Tista’ tkun fuq il-post tax-xogħol jew id-dar, inkella fil-komunità jew mal-ħbieb, fejn nistgħu inwasslu l-imħabba ta’ Alla b’ġest li juri li jimpurtak minn dak li jkun. Meta naċċettaw lill-oħrajn, nifhmuhom u naħfrulhom, huwa mod kif nuru li s-Saltna ta’ Alla waslet. 

Ġesù jibgħat lit-72 dixxiplu qablu biex iħejjulu l-post. Bagħathom ixandru li s-Saltna ta’ Alla kienet fil-qrib. Jibgħathom tnejn tnejn, jista’ jkun minħabba l-periklu li setgħu jiltaqgħu miegħu, iżda skont il-Liġi ta’ Mosè, kien hemm bżonn żewġ xhieda biex ix-xhieda tagħhom tkun emmnuta. Ma kellhom jieħdu xejn magħhom, “la but, la ħorġa u lanqas qrieq,” kulma kellhom bżonn kien it-tagħlim u fejqan ta’ Ġesù. Meta jidħlu f’dar, il-messaġġ tagħhom kellu jkun sempliċi, “is-sliem.” It-tweġiba setgħet tkun pożittiva jew negattiva. Ġesù, jiddependi fuqna, kif għamel fuq l-ewwel dixxipli, biex iwassal il-messaġġ ta’ paċi lill-oħrajn, hu għandu bżonna biex nevanġelizzaw. Meta jmorru lura, id-dixxipli jkunu ferħana għax il-missjoni tagħhom irnexxiet. Ix-xjaten qagħdu għalihom, minħabba l-isem ta’ Ġesù. Għalkemm Ġesù bagħathom qishom ħrief qalb l-lpup, hu jassigurhom li ma kienx ser jiġrilhom l-ebda deni, la mis-sriep u lanqas mill-iskorpjuni.

Meta nitkellmu mal-oħrajn dwar il-paċi li jagħtina Alla, inkunu qegħdin nevanġelizzaw. Bħala nsara, aħna msejħa biex nagħtu xhieda tal-imħabba ta’ Alla, li tingħata lil kulħadd. Aħna nevanġelizzaw bl-imġieba tagħna ta’ kuljum, bil-kliem u bil-ħidma pastorali u sagramentali tagħna. Anke ġisimna jista’ jevanġelizza, speċjalment mal-familji tagħna. Papa Franġisku jfakkarna li “Hu x’inhu, kollha kemm aħna msejħin biex noffru lill-oħrajn xhieda ċara tal-imħabba feddejja tal-Mulej, li ’l hemm min-nuqqas ta’ perfezzjoni tagħna, toffrilna li hu jkun qrib tagħna, il-Kelma tiegħu, il-qawwa tiegħu, u tagħti sens lil ħajjitna.” (Evangelii Gaudium – Il-ferħ tal-Vanġelu)

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Lq 10:1-12, 17-20)

F’dak iż-żmien, il-Mulej għażel tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien se jmur hu. U qalilhom: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit! Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu! Morru: araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup. Teħdux magħkom la but, la ħorġa u lanqas qrieq, u fit-triq issellmu lil ħadd.

Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu: ‘Is-sliem lil din id-dar’. U jekk fiha jkun hemm min iħobb is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-tislima tagħkom terġa’ lura għandkom. Ibqgħu għand dik il-familja, u kulu u ixorbu milli jkollhom huma, għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. Toqogħdux idduru minn familja għal oħra. F’kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom quddiemkom; fejqu l-morda li jkun hemm; u lin-nies għidulhom: ‘Is-Saltna ta’ Alla waslitilkom’. Imma l-belt li fiha tidħlu u ma jilqgħukomx, oħorġu fil-pjazez tagħha u għidu: ‘Sat-trab ta’ beltkom infarfru minn ma’ riġlejna, u nħalluh għalikom. Imma kunu afu dan: is-Saltna ta’ Alla waslet’. Ngħidilkom li dak il-jum ikun eħfef għal Sodoma milli għal dik il-belt”.

It-tnejn u sebgħin reġgħu lura ferħana jgħidu: “Mulej, ix-xjaten ukoll joqogħdu għalina minħabba f’ismek”. U hu qalilhom: “Iva, jien kont narah lix-Xitan jaqa’ bħal berqa mis-sema. Araw, tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq sriep u skorpjuni u li tegħlbu kull qawwa tal-għadu u ebda ħsara ma jagħmlulkom. Madankollu mhux b’dan ifirħu, li l-ispirti joqogħdu għalikom, imma ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Matul din il-ġimgħa, inkoraġġixxi lill-familja tiegħek biex ikunu missjunarji li Ġesù bagħat biex iwasslu l-Evanġelju. Kulfejn tmorru ħudu l-paċi ta’ Kristu u wassluha għand dawk li tiltaqgħu magħhom. Fl-aħħar tal-ġimgħa, iddiskutu dwar kif l-azzjonijiet tagħkom, effettwaw lill-oħrajn.
  4. Kif tista’ tkun aktar attiv/a fil-parroċċa tiegħek? Tkellem mal-kappillan, biex tara kif tista’ tagħti sehmek. 
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Luqa (10:1-12, 17-20)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jibgħat lil dawk li kienu miegħu fuq missjoni. Hu jibgħathom tnejn tnejn, biex ikunu jistgħu jgħinu lil xulxin. Huma kellhom imorru jgħidu lin-nies dwar is-Saltna ta’ Alla u jfejqu lill-morda. Meta  jiġu lura, kollha jkunu ferħanin. 

  • Alla jħobbna u jsalvana permezz ta’ Ġesù. Bħala nies li nimxu wara Ġesù, aħna msejħa biex ngħidu lill-oħrajn l-Aħbar Tajba dwar Ġesù.
  • Printout tal-attività
  • Kuluri
  • Lapes / imqass

Intom qatt għamiltu jigsaw puzzle? Il-jigsaw puzzle hija stampa li tkun stampata fuq kartonċina jew injama. Din tkun maqtugħha f’forom differenti li meta tgħaqqadhom jiffurmaw l-istampa. Hemm xi wħud li huma żgħar, li fihom ftit biċċiet, u malajr tgħaqqad l-istampa. Imma oħrajn li fihom aktar minn 1,000 biċċa, mhux faċli li tagħmluha waħedkom. Jigsaw puzzle li tkun kbira, tista’ tfixklek u ssibha diffiċli biex tagħmilha waħdek, għalhekk tistaqsi li xi ħadd biex jgħinek tirranġa l-biċċiet biex tifforma l-istampa. Meta naħdmu flimkien u ngħinu lil xulxin, il-biċċa xogħol li rridu nagħmlu teħfief! Nistgħu nagħmlu aktar affarijiet, meta ma nkunux waħedna.

Dan Ġesù kien jafu. Ġesù kien jaf li kellu bżonn l-għajnuna biex iwassal il-messaġġ tal-imħabba u l-maħfra ta’ Alla lill-oħrajn. Min taħsbu li għen lil Ġesù f’din il-missjoni? Kienu t-tnax-il dixxiplu, imma llum nisimgħu li Ġesù bagħat 72 dixxiplu fuq din il-missjoni biex imorru fl-irħula. Hu bagħathom tnejn tnejn. 

Ġesù jgħidilhom li huma kellhom ifejqu lill-morda u jwasslu l-Aħbar it-Tajba dwar is-Saltna ta’ Alla. Ġesù jrid li dawk li jimxu warajh, jgħinu lil xulxin. Huma kellhom iwasslu l-paċi lil kull dar li jidħlu fiha. Ġesù, iwissihom li mhux dejjem kienu ser ikunu milqugħa, imma ma kellhomx iħallu dan jaqtgħalhom qalbhom. Meta waslu lura, id-dixxipli kollha kienu eċitati u ferħana, għax kien irnexxielhom ikabbru s-Saltna ta’ Alla. Ġesù qalilhom li isimhom kien se jkun miktub fis-sema u li għad ikunu ma’ Alla għal dejjem. Din l-aħbar għamlithom ferħana ħafna. Aħna wkoll nimxu wara Ġesù u huwa jixtieq li aħna nitkellmu ma’ oħrajn dwaru. Hu jixtieq li meta nitkellmu dwaru u meta ngħinu lill-oħrajn, inkunu ferħana.

Agħmlu printout tal-attività tal-lum, u agħtu l-kulur lil dawk l-uċuh daħkana. Fuq wara, iktbu  kif tistgħu tgħidu lill-oħrajn dwar Ġesù. Aqtgħuhom u żommuhom ħdejn is-sodda tagħkom. Qabel ma torqdu, aqraw xi tkunu ktibtu, u matul din il-ġimgħa ppruvaw kellmu lil tal-familja u lill-ħbieb, dwar Ġesù.

Isimgħu s-song, Jump Around.

Radd tas-salib

Għażiż Ġesù, grazzi li wassaltilna l-Aħbar it-Tajba. Għinna biex b’dak li nagħmlu u dak li ngħidu, aħna nwassluha lil dawk li niltaqgħu magħhom. Għinna biex nagħmlu dan b’mod ferrieħi. Dan nitolbuh f’ismek. Ammen.

Illum nisimgħu kif Ġesù għażel 72 minn dawk ta’ miegħu u bagħathom tnejn tnejn fuq missjoni, fl-irħula u l-ibliet, biex iwasslu l-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesù, lin-nies.  Qalilhom biex ma jieħdu xejn magħhom, “la but, la ħorġa u lanqas qrieq.” Kellhom jitkellmu kliem ta’ paċi fid-djar li jidħlu fihom. Huma reġgħu lura għand Ġesù, ferħana.

  • Aħna msejħa ngħidu lill-oħrajn l-Abħar it-Tajba, ta’ x’għamel Ġesù magħna
  • Meta nwasslu l-Aħbar it-Tajba dwar Ġesù, insejħulha Evanġelizzazzjoni
  • Ma għandix bżonn ħafna affarijiet biex nevanġelizzaw, kulma rridu nagħmlu hu li nuru lill-oħrajn kemm iħobbna Alla u li salvana, permezz ta’ Ġesù
  • Printout tal-bagalja
  • Lapsijiet / kuluri

Intom qatt mortu għal xi vaganza? Ġeneralment, ikollna nagħżlu dawk l-affarijiet li se nieħdu magħna, u npoġġuhom ġol-bagalja. Ma nistgħux nieħdu kulma għandna magħna! Kieku inti x’tieħu miegħek? Ħwejjeġ, żraben, toothbrush, hairbrush, camera…x’aktar? Irridu naħsbu x’inhuma dawk l-affarijiet importanti li ser ikollna bżonn. Xi drabi rridu nagħmlu differenza bejn dak li għandna bżonn u dak li nixtiequ nieħdu magħna. Fl-Evanġelju tal-lum, nisimgħu lil Ġesù, jibgħat 72 dixxiplu fuq missjoni, jibgħathom tnejn tnejn u jgħidilhom biex ma jieħdu xejn magħhom!  La flus, la portmoni, la basket, lanqas sandli. Jgħidilhom imorru fl-ibliet u fl-rħula u jwasslu l-Aħbar it-Tajba dwar Ġesù. Huma kellhom ifejqu lill-morda u jgħinu li dawk fil-bżonn. Imorru tnejn tnejn biex jgħinu lil xulxin. Kulma kellhom bżonn kienet il-grazzja ta’ Alla (l-imħabba) u l-għarfien li huma kienu qed jippriedkaw u jfejqu, f’isem Ġesù.

Għalfejn taħsbu li Ġesù qalilhom biex ma jieħdu xejn? Għax kulma kellhom bżonn kienet l-Aħbar it-Tajba li Ġesù tana l-imħabba ta’ Alla. Ġesù qalilhom, li mhux kulħadd kien ser jilqagħhom, iżda ma kellhomx jaqtgħu qalbhom. Bħat-72 dixxiplu, illum, Ġesù jrid lilna biex nuru lill-oħrajn, li aħna nimxu wara Ġesù, li aħna d-dixxipli tiegħu. Din insejħulha, evanġelizzazzjoni. Din hija kelma tqila, imma sempliċi biex nifhmuha. Irridu ngħidu lill-oħrajn li Alla jħobbna u li Ġesù salvana, permezz tal-ħajja, mewt u qawmien tiegħu. Għalkemm id-dinja, tgħidilna li għandna bżonn ħafna affarijiet biex inkunu kuntenti, Ġesù jgħidilna li kulma għandna bżonn hu li nemmnu fih u naqsmu dan it-twemmin mal-ħbieb u familja tagħna. Meta tkun qed tlesti l-bagalja għall-vaganza, tinsiex tieħu miegħek l-Aħbar it-Tajba wkoll.

Aħsbu ftit, kif tistgħu twasslu l-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesù lill-oħrajn (tevanġelizzaw). Kif tista’ twassal il-paċi lill-oħrajn? Agħmlu printout tal-bagalja u fiha iktbu dawn l-ideat tagħkom. Tista’ tkun xi att ta’ karità, tbissima, jew tgħannieqa lill-ġenituri, u tirringrazzjhom ta’ kulma jagħmlu għalik. Matul din il-ġimgħa, għamel l-almu tiegħek biex tkun missjunarju bħalma jrid Ġesù; kulfejn tmur, ħu l-paċi ta’ Kristu miegħek.

Isma’ s-song, Tell the World.

Inroddu s-salib.

Nirringrazzjak Mulej, ta’ dawk kollha li jwasslu l-Aħbar it-Tajba dwar Ġesù. Għinni biex jien ukoll nagħmel il-parti tiegħi u nuri li jiena dixxiplu tiegħek, f’dak li nagħmel u ngħid. Dan nitolbu, f’isem Ġesù. Ammen.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.