Bħalma kienet il-Ħadd li għadda, it-tema tal-lum hija d-dixxipulat u d-diffikultajiet, l-isfidi u l-premji li jiġu meta wieħed jimxi wara Ġesù. Aħna lkoll imsejħa biex inkunu missjunarji u nwasslu l-Aħbar it-Tajba tal-Evanġelju u nkabbru s-Saltna ta’ Alla.
Mhux faċli li naqsmu l-missjoni ta’ Ġesù, iżda hemm numru ta’ okkażjonijiet meta nistgħu inkunu missjunarji. Tista’ tkun fuq il-post tax-xogħol jew id-dar, inkella fil-komunità jew mal-ħbieb, fejn nistgħu inwasslu l-imħabba ta’ Alla b’ġest li juri li jimpurtak minn dak li jkun. Meta naċċettaw lill-oħrajn, nifhmuhom u naħfrulhom, huwa mod kif nuru li s-Saltna ta’ Alla waslet.
Ġesù jibgħat lit-72 dixxiplu qablu biex iħejjulu l-post. Bagħathom ixandru li s-Saltna ta’ Alla kienet fil-qrib. Jibgħathom tnejn tnejn, jista’ jkun minħabba l-periklu li setgħu jiltaqgħu miegħu, iżda skont il-Liġi ta’ Mosè, kien hemm bżonn żewġ xhieda biex ix-xhieda tagħhom tkun emmnuta. Ma kellhom jieħdu xejn magħhom, “la but, la ħorġa u lanqas qrieq,” kulma kellhom bżonn kien it-tagħlim u fejqan ta’ Ġesù. Meta jidħlu f’dar, il-messaġġ tagħhom kellu jkun sempliċi, “is-sliem.” It-tweġiba setgħet tkun pożittiva jew negattiva. Ġesù, jiddependi fuqna, kif għamel fuq l-ewwel dixxipli, biex iwassal il-messaġġ ta’ paċi lill-oħrajn, hu għandu bżonna biex nevanġelizzaw. Meta jmorru lura, id-dixxipli jkunu ferħana għax il-missjoni tagħhom irnexxiet. Ix-xjaten qagħdu għalihom, minħabba l-isem ta’ Ġesù. Għalkemm Ġesù bagħathom qishom ħrief qalb l-lpup, hu jassigurhom li ma kienx ser jiġrilhom l-ebda deni, la mis-sriep u lanqas mill-iskorpjuni.
Meta nitkellmu mal-oħrajn dwar il-paċi li jagħtina Alla, inkunu qegħdin nevanġelizzaw. Bħala nsara, aħna msejħa biex nagħtu xhieda tal-imħabba ta’ Alla, li tingħata lil kulħadd. Aħna nevanġelizzaw bl-imġieba tagħna ta’ kuljum, bil-kliem u bil-ħidma pastorali u sagramentali tagħna. Anke ġisimna jista’ jevanġelizza, speċjalment mal-familji tagħna. Papa Franġisku jfakkarna li “Hu x’inhu, kollha kemm aħna msejħin biex noffru lill-oħrajn xhieda ċara tal-imħabba feddejja tal-Mulej, li ’l hemm min-nuqqas ta’ perfezzjoni tagħna, toffrilna li hu jkun qrib tagħna, il-Kelma tiegħu, il-qawwa tiegħu, u tagħti sens lil ħajjitna.” (Evangelii Gaudium – Il-ferħ tal-Vanġelu)