Il-ġrajja tal-Evanġelju tal-lum, hija unika għall-Evanġelju ta’ San Luqa. Din issegwi l-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb. Iż-żewġ stejjer juru ’l fejn irid jipponta dak li jrid jimxi wara Ġesù, biex jobdi l-kmand tiegħu li jibda f’kapitlu 10: ħobb lil Alla (Marija) u lill-proxxmu tiegħek (is-Samaritan). Dawn huma essenzjali għall-ħajja fis-Saltna ta’ Alla. Bl-eżempju tas-Samaritan u ta’ mara, Ġesù qiegħed iwassal messaġġ ieħor, ejjew naraw kif.
Ġesù kien mistieden għall-ikel għand Marija u Marta. Marija, mal-ewwel intefgħet f’riġlejn Ġesù biex tisimgħu jitkellem. Marta bdiet il-preparazzjonijiet għall-ikel, kellha wisq x’tagħmel biex tieqaf tisma’ lil Ġesù! Fl-aħħar marret ħdejh u qaltlu, “Mulej, m’intix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi”. Ġesù wieġeb u qal, “Marta, Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex”. Għall-bidu nitħassruha lil Marta, tagħmel kollox waħedha. Madanakollu, meta wieħed jirrifletti, jara li hemm bżonn ta’ bilanċ fil-ħajja nisranija. L-għażla bejn imħabba altrwista u l-qadi u l-bżonn li wieħed jisma’ b’attenzjoni l-Kelma ta’ Alla. Ma hemmx firda bejn ix-xogħol ta’ Marta u l-kontemplazzjoni ta’ Marija. Wieħed mhux aħjar mill-ieħor, it-tnejn bżonnjużi. Ġesù ma kienx qed iwaqqa’ x-xogħol ta’ Marta. Hu enfasizza li Marija għażlet l-aħjar rwol bħala dixxiplu. Fi żmien Ġesù, kienu l-irġiel li joqgħodu jisimgħu l-għalliem. L-irwol tal-irġiel u tan-nisa kien distint, bħalma kienet ir-relazzjoni bejn il-Lhud u s-Samaritani (huma kienu għedewwa). Marija b’hekk qasmet din il-fruntiera, għamlet dak li soltu kienu jagħmlu l-irġiel; hi qagħdet f’riġlejn Ġesù. Meta Ġesù faħħar lil Marija, huwa kien ukoll qiegħed jinkorraġġixi lin-nisa biex ma jibqgħux imwaħħla mar-rwol li tagħthom il-kultura; Ġesù jridhom ikunu dixxipli wkoll.
Ħafna drabi jkollna wisq x’nagħmlu u nbatu biex insibu l-ħin biex inkunu fil-kwiet u noqgħodu “bilqiegħda f’riġlejn il-Mulej.” Staqsi lilek innifsek, inti lil min tixbaħ l-aktar, jekk hux lil Marija jew lil Marta? Kif tista’ tqassam il-ħin biex tkun tista’ tagħti lil Ġesù tal-anqas 10 minuti jew kwarta, kuljum? L-impenji tal-familja jfixkluk? Matul din il-ġimgħa, agħmel ħin biex b’mod regolari taqra mill-Bibbja u titlob, mhux bil-fors tuża kliem, tista’ toqgħod taħseb dwar Ġesù. Dan l-Evanġelju jitlobna biex ikollna bilanċ fil-ħajja tagħna. L-Evanġelju tal-ġimgħa l-oħra, spiċċa bil-kliem, “Mur, u agħmel hekk int ukoll.” Nistgħu nitgħallmu mit-tnejn.