Santa Marija Maddalena

21 ta' Lulju

Huwa maħsub li Santa Marija Maddalena ħadet isimha mir-raħal imsejjaħ Magdala, qrib il-Baħar tal-Galilija. Fil-fatt kienet magħrufa wkoll bħala Marija ta’ Magdala. 

Marija ta’ Magdala hi msemmija fl-Evanġelji aktar minn ħafna mill-Appostli.  L-Erba’ Evanġelisti kollha jirrakontaw il-preżenza ta’ Marija ta’ Magdala fil-waqtiet importanti tal-Fidi tagħna.  Meta Ġesù kien qed imut fuq is-salib, hi kienet hemm taħt is-salib, flimkien mal-Madonna u ma’ xi dixxipli, u għenet fid-difna tal-ġisem mejjet ta’ Ġesù. L-istqarrija tagħha ‘Rajt lill-Mulej’ tkompli ‘tidwi’ matul is-sekli hekk kif kienet hi l-ewwel waħda li ħabbret lill-Appostli l-aħbar il-kbira tal-Qawmien mill-Imwiet ta’ Sidna Ġesù Kristu. Wara dan l-episodju, Marija ta’ Magdala ma tissemiex izjed. Huwa possibli li kienet xhud tat-tlugħ ta’ Ġesù fis-Sema, kif ukoll li kienet preżenti f’Pentekoste. 

Fir-rigward ta’ ħajjitha aktar tard, it-tradizzjoni torbot lil Marija Maddalena ma’ żewġ aneddoti differenti.

Tradizzjoni waħda tgħid li marret Efesu flimkien mal-Madonna u baqgħet hemmhekk sa ma mietet.  Hemm ukoll tradizzjoni Franċiża li tgħid li flimkien ma’ Lazzru u sħabu, marret Marsilja fejn evanġelizzaw f’dawk l-inħawi.  Hemmhekk irtirat f’għar f’għolja sakemm mietet.

Santa Marija Maddalena ngħatat importanza bħala dixxiplu attiva, u kienet parti minn grupp ta’ nisa li kienu segwaċi ta’ Ġesù. Fil-fatt, San Tumas ta’ Akwinu sejħilha ‘l-Appostlu tal-Appostli’.

Marija Maddalena għaddiet minn passat mqalleb għall-indiema li fittxet il-maħfra u l-ħbiberija mal-Mulej, u saret is-segwaċi fidila Tiegħu. Kien x’kien il-passat tagħha, Ġesù qatt ma ċanfarha dwar il-fallimenti tagħha tal-passat.

L-attitudnijiet tagħna lejn il-fallimenti ta’ wliedna se jkollhom impatt fuqhom.  Jew se jwassalhom biex jirrealizzaw li għamlu għażla ħażina u għalhekk jistgħu jagħmlu għażliet aħjar, jew li ser jikbru u jemmnu li ˝jien persuna ħażina ̏ u ma nistax nagħmel aħjar.

Meta wliedna jkollhom bżonn jiġu mċanfra u ddixxiplinati, xorta nistgħu nkunu sodi u rispettużi fl-istess ħin. Ejjew niftakru kemm hu importanti li ma nużawx kliem aħrax ma’ wliedna u ma nċekknuhomx billi nfakkruhom dwar fallimenti tal-passat.

Ħeġġeġ lit-tfal b’diskors pożittiv, biex ikollhom l-istess attitudni ma’ ħuthom u uri dan b’ġest gentili ta’ aċċettazzjoni.

Marija Maddalena għarfet lil Ġesù meta Hu sejjaħilha b’isimha. Wara dan bagħatha tħabbar l-Evanġelju lill-Appostli.

Ġesù jafna kollha kemm aħna b’isimna!  Sejħilna meta tgħammidna! U permezz tal-Magħmudija aħna sirna xiehda tal-Qawmien ta’ Ġesù mill-mewt.

Iddiskuti mat-tfal kif nistgħu nkunu xiehda tat-twemmien tagħna. (Jista’ jkun li jkollok bżonn tispjega l-kelma ‘xhud’ lit-tfal ta’ età żgħira)

Inkoraġġihom biex jgħidu suġġerimenti tagħhom stess dwar kif jistgħu jagħmlu dan, skont l-esperjenzi tagħhom stess, bil-mod kif nitkellmu, kif inġibu ruħna, kif nittrattaw lil ħaddieħor mhux biss lil dawk li huma ħbieb tagħna.

Ħin tat-Talb mal-Familja

  • Permezz tal-Bibbja, agħmlu esperjenza ta’ talb dwar ir-rakkonti fl-Evanġelju fejn Santa Marija Maddalena kienet preżenti, b’mod speċjali r-rakkonti tal-Passjoni u tal-Qawmien ta’ Ġesù. Segwu b’talb fis-skiet.
  • Komplu billi titolbu l-Ħames Misteru tat-Tbatija u l-Ewwel Misteru tal-Glorja tar-Rużarju.

Ħeġġu lit-tfal jgħidu talba personali tagħhom biex jirringrazzjaw lil Alla talli hu Missierhom stess, talli jħobbhom u talli jafhom b’isimhom.

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.