Il-ġid

It-18-il Ħadd ta' Matul is-Sena Ċ

Il-parabbola tal-għani iblah, insibuha biss fl-Evanġelu ta’ San Luqa. It-tema hija l-kura tal-fqar, u l-messaġġ ewlieni huwa kontra r-regħba. Illum, Ġesù jgħidilna li l-flus u l-ġid, ma jagħmluniex sinjuri f’għajnejn Alla. Darba, waqt li Ġesù kien qiegħed jgħallem, xi ħadd mill-folla għajjat, “Mgħallem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi”. Ġesù ma joffrilux għajnuna lil dan ir-raġel. Minflok, juża din l-okkażżjoni biex jgħallem dwar dak li għandna nagħmlu f’din il-ħajja biex inħejju għal dik eterna. 

Ġesù jirrakonta parabbola. Raġel għani ġabar ħafna frott mill-għalqa tiegħu; ġabar ħafna aktar milli kien qiegħed jistenna. Għalhekk ma kellux maħżen kbir biżżejjed fejn iqegħdhom. Dan ħaseb li kienet idea tajba li jħott il-imħażen u jibni oħrajn akbar u b’dan il-mod ikollu ħażna kbira u bosta snin biex jiekol, jixrob u jiċċelebra. “Kemm inti iblah,” jgħidlu l-Mulej, għax dan kien il-lejl li fih kien ser imut. Għand min kien ser imur dan il-ġid kollu? Ġesù jagħtina l-moral ta’ din il-ġrajja. Din se tkun l-istorja ta’ dak li jaħżen il-ġid għalih innifsu u ma jaħsibx fil-ġid li jiswa quddiem Alla.  

Il-ġid tal-art, ingħata għal kulħadd. L-għani iblah ma kellu l-ebda sens ta’ responsabbiltà soċjali. Din il-parabbola turina kemm hu diffiċli li npoġġu lil Alla l-ewwel f’ħajjitna. Il-kultura li ngħixu fiha, tqis is-suċċess bl-ammont ta’ flus li wieħed ikollu u wkoll bil-ġid materjali, bħall-kobor tad-dar, karozza lussuża, ħwejjeġ tad-ditta, xi dgħajsa kbira. Ġesù mhux qiegħed jgħid li hu ħażin li wieħed ikun sinjur. Iżda qed jgħid li dan kollu ma rriduhx li jmexxi lil ħajjitna. Ma għandniex inħallu l-ġid materjali isir l-għan tal-ħajja tagħna. Minflok, dan għandu jwassalna għall-għan ewlieni, li hu l-laqgħa tagħna ma’ Alla fis-sema. Il-ħajja tal-familja tgħinna nifhmu l-valuri ta’ solidarjetà u l-ġid komuni li huma parti mit-Tagħlim Soċjali tal-Knisja. Bħala familja, nirrispettaw lil xulxin u naraw li d-deċiżjonijiet li nieħdu ma jkażbrux id-drittijiet tal-oħrajn, napprezzaw  il-bżonn li naqsmu dak li għandna, naħdmu flimkien u ma nkunux egoisti. L-għani iblah tal-parabbola, seta’ ħa deċiżjoni differenti, seta’ qasam il-ġid li kellu mal-fqar u dawk fil-bżonn. Il-ġid tal-art u x-xogħol ta’ idejna jistgħu jintużaw biex nibnu teżori fis-sema. Il-ġid materjali hu neċessarju, iżda xejn anqas il-valuri u l-virtujiet li jgħinuna nersqu lejn l-għan ewlieni bħala insara: ħajja ma’ Alla fil-ġenna. Biex tkun taf aktar dwar it-Tagħlim Soċjali tal-Knisja, ara hawn.

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Lq 12:13-21)

F’dak iż-żmien, xi ħadd mill-folla qal lil Ġesù: “Mgħallem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi”. Wieġbu Ġesù: “Ħabib, min qegħedni mħallef fuqkom, jew qabbadni nqassmilkom il-ġid bejnietkom?”. Imbagħad qal lin-nies: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu”.

U qalilhom parabbola: “Wieħed raġel għani ġabar kotra ta’ frott mir-raba’ tiegħu. U beda jaħseb u jgħid bejnu u bejn ruħu: ‘X’se nagħmel? Għax dan il-frott kollu ma għandix fejn naħżnu! Ara x’nagħmel’, qal, “inħott l-imħażen li għandi u nibni oħrajn akbar, u naħżen fihom il-qamħ u l-ġid kollu li għandi. Imbagħad ngħid lili nnifsi: Ruħi, għandek ħażna kbira ta’ ġid għal bosta snin; mela strieħ, kul, ixrob, ixxala!’. Iżda qallu Alla: ‘Iblah li int! Dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura. U l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?’. Hekk jiġrilu min jiġma’ l-ġid għalih innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  1. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  2. Il-qari tal-lum ipoġġu quddiema mistoqsijiet dwar il-prioritajiet f’ħajjitna. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: aħna fejn insibu l-milja ta’ ħajjitna? Kemm ninpenja ruħi fil-fidi tiegħi? Il-ġid materjali ma jibqax għal dejjem, mhux bħall-barka u mħabba ta’ Alla li hi eterna.
  3. Il-ġid ta’ vera huwa etern, u jagħmilna sinjuri ta’ vera. Irridu noqgħodu attenti li ma nħallux il-flus, is-suċċess u l-għana jmexxuna u jgħamuna, li ma nibqgħux nagħtu każ tat-tbatija u l-bżonnijiet tal-oħrajn. Ammont sostanzjali tal-popolazzjoni tad-dinja (1.4 biljun) huma fqar, lanqas għandhom ikla kuljum, u lanqas ma’ għandhom aċċess għal servizzi tas-saħħa. Il-parabbola tal-lum hija relevanti ħafna. 
  4. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Luqa (12: 13-21)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  5. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  6. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Illum ser nisimgħu parabbola oħra (storja b’messaġġ) ta’ Ġesù. Insejħula l-Parabbola tal-Għani l-Iblah. Tgħallimna l-importanza li jkollna lil Ġesù f’ħajjitna.

  • L-affarijiet li għandna (il-ġid materjali) mhux ser jagħmluna ferħana, għax dawn mhux ser jibqgħu għal dejjem. Huma l-barka u l-imħabba ta’ Alla li jibqgħu
  • Ġesù jgħidilna biex ma nixtiequx li dejjem ikollna aktar u aktar affarijiet, u li għandna naqsmu dak li għandna mal-oħrajn
  • Kopja tal-attività tal-lum
  • Kartonċina
  • Lapsijiet/kuluri
  • Imqass/gloj

Darba raġel irrabjat qal lil Ġesù li ħuħ ma kienx qed jimxi sew miegħu. Staqsa lil Ġesù biex jgħid lil ħuħ jaqsam il-wirt miegħu (jaqsam miegħu l-flus u l-ġid li l-ulied jieħdu wara li jmut il-papa tagħhom). Madanakollu Ġesù nduna li dan ir-raġel kien qed jgħid hekk għax ried aktar flus, għalhekk jgħid parabbola dwar raġel sinjur u iblah.

Darba, kien hemm bidwi sinjur u sena minnhom tant kellu frott fl-għelieqi tiegħu li ma setax ipoġġi kollox fl-imħażen li kellu. Għalhekk iddeċieda li jwaqqa’ l-imħażen li kellu u jibni oħrajn akbar biex fihom ipoġġi l-frott għas-snin ta’ wara. Hu qal, li imbagħad, kien ikun jista’ jieħu l-ħajja bil-mod, jiekol, jixrob u jieħu gost. Iżda Alla qallu, “Kemm inti iblah! Dal-lejl stess, inti se tmut. Issa min se jieħu dak kollu li inti ħdimt għalih?” Hekk se jiġri lil dawk kollha li jaħżnu t-teżori tagħhom għalihom infushom u ma jkollhomx it-teżori ta’ Alla.

F’din il-parabbola Ġesù qiegħed jgħidilna biex noqgħodu attenti u mhux dejjem nixtiequ aktar milli għandna. Mhux ħażin li jkollna ħwejjeġ sbieħ, toys, jew ikollna xi rota jew scooter. Madanakollu, jekk dawn huma aktar importanti għalina milli huwa importanti Alla, din tkun problema. F’dan il-każ, inkunu fil-periklu li nħobbu dawn l-affarijiet, aktar milli nħobbu lil Alla. Ġesù mhux qiegħed jgħidilna li ma għandniex inġemmgħu l-flus. Hu qiegħed ifakkarna li xi darba aħna se mmutu u dak li nkunu ġemmajna ma se jkun jiswa xejn. Ġesù jrid li nużaw dak li għandna sew u li ma norbtux qalbna żżejjed ma affarijiet li jispiċċaw.

Intom qatt vera ridtu xi toy u meta tawhielkom, sibtu li wara kollox ma ridtuhiex daqstant? Ħafna drabi, naraw ir-riklami fuq it-televsion u juru l-affarijiet b’mod attraenti ħafna, imma meta nixtruhom, insibu li ma jkununx daqstant sbieħ. Jiġrielna li ma nifirħux bihom, daqskemm ħsibna. Ġesù jgħidilna li għandna nkunu ferħana bil-barkiet li jagħtina Alla u li għandna nkunu lesti li naqsmu dak li għandna mal-oħrajn. Meta nagħmlu dan, inkunu qegħdin nippreparaw għall-ħajja tagħna fil-ġenna. Nistgħu nistaqsu lil Alla, biex inkunu kuntenti b’dak li għandna u nirringrazzjawh għall-barkiet kollha li nirċievu. 

Jekk tixtiequ tibqgħu tiftakru dak li tgħallimtu llum mill-Evanġelju, għamlu printout tal-maħżen. Aħsbu dwar it-teżori u l-barkiet li għandkom, bħall-familja, il-ħbieb, il-logħob, il-pets, il-flus, id-dar, il-kamra tagħkom… Ippruvaw aħsbu f’eżempji oħra wkoll u iktbuhom ġol-maħżen. Aqtgħu iċ-ċentru u n-naħa ta’ fuq tal-bieb u itwu l-bibien. Aqtgħu il-maħżen u waħħluh fuq kartonċina (il-bibien ħalluhom miftuħa, twaħħluhomx bil-gloj). Fuq il-kartonċina, fid-daħla tal-bieb, iktbu l-barkiet ta’ Alla, bħat-tama, l-imħabba, l-paċenzja, il-ħniena, il-ġenerożità, il-maħfra, li naqsmu dak li għandna. Ikteb ismek fin-naħa ta’ fuq u żomm il-maħżen fil-kamra tiegħek.

Isma’ is-song, Priceless Treasure.

Radd tas-salib

Mulej inti ġeneruż u tagħtina ħafna rigali. Għinna naqsmu dak li għandna mal-oħrajn, u ma nkunux egoisti. Grazzi tal-tjieba tiegħek u tal-barkiet li tagħtina. Dan nitolbuh, f’isem Ġesù. Ammen.

Illum Ġesù, jgħidilna parabbola (storja b’messaġġ) dwar raġel sinjur li jinsa xi ħaġa. Hu jinsa lil Alla u jinsa wkoll li xi darba hu ser imut. Din insejħulha l-Pararbbola tal-Għani Iblah.

  • Alla jrid li hu jkun l-ewwel f’ħajjitna; meta nagħmlu hekk, il-ġid li jkollna ma jibqax daqstant importanti
  • Alla jagħtina ħafna affarijiet tajba (barkiet) biex naqsmu mal-oħrajn
  • Kopja tal-attività tal-lum
  • Kartonċina
  • Lapsijiet/kuluri
  • Gloj/imqass
  • Stickers ileqqu jew gloj ileqq

L-Evanġelju tal-lum jisħaq dwar dak li hu l-aktar importanti fil-ħajja tagħna. Alla huwa l-aktar importanti. Iżda xi drabi, inħallu affarijiet oħra jfixklu r-relazzjoni tagħna miegħu. L-Evanġelju jibda bi twissija dwar meta nkunu rgħejba (jiġifieri li dejjem irridu aktar u aktar, dak li jkollna qatt ma jkunx biżżejjed). Ġesù jgħidilna din il-parabbola biex jgħina nifhmu li l-ġid vera jinstab biss f’Alla.

Darba waħda, raġel li kien fil-folla talab lil Ġesù biex jgħid lil ħuħ jaqsam miegħu il-wirt li ħallilhom missierhom (il-flus u l-ġid). Ġesù wieġbu u qallu li hu kellu joqgħod attent u ma jkunx rgħejb. Il-ħajja tagħna mhix biss dwar dak li għandna. Imbagħad Ġesù jgħid storja. Kien hemm bidwi sinjur u dan kellu ħafna frott u l-imħażen tiegħu ma kienux kbar biżżejjed biex jesgħu l-frott kollu. Hu ġietu idea. Qal, “Naf x’nagħmel. Ħa nwaqqa’ l-imħażen li għandi u nibdni mħażen akbar u hekk jista’ joqgħod il-frott kollu ġo fihom. Imbagħad ngħid, ‘Prosit! Għandek biżżejjed frott biex iservuk għal ħafna żmien, issa tista’ tistrieħ, tiekol, tixrob u tixgħala!” Iżda Alla, qal lil dan ir-raġel sinjur. “Kemm inti iblah. Dal-lejl, inti se tmut. Issa minn ser jieħu dan il-ġid kollu tiegħek?”

L-istess jiġri lil dawk li jinsew lil Alla; lil dawk li huma rgħejba u dejjem moħħhom biex ikollhom aktar ġid, u b’hekk jinsew kemm Alla huwa importanti għalihom.

Ejjew naħsbu kif nistgħu nsiru għonja f’għajnejn Alla u kif ser inpoġġu lil Alla l-ewwel. X’seta’ jagħmel dan ir-raġel bil-ġid kollu li kellu? Seta’ jagħti mill-frott li kellu lil dawk li ma kellhomx ikel, seta’ jaqsam dak li kellu u mhux iżomm kollox għalih.

Ġesù mhux qiegħed jgħidilna li hu ħażin li nkunu sinjuri jew ikollna l-ġid. Hu jrid jgħidilna li dawn mhux ser jagħmluna ferħana, xejn ma nistgħu nieħdu minnhom meta mmutu. Ġesù jrid li nkunu ġenerużi u naqsmu dak li għandna mal-oħrajn. Alla jrid li jkun l-ewwel fil-ħajja tagħna, irid li jkun aqwa minn kollox u li aħna nindunaw bil-barkiet li ġejjin mingħandu u li jmorru lura għandu. Ġesù jrid li naħsdu dak li hu importatni: il-fidi f’Alla u l-imħabba għall-oħrajn. Ġesù ma jridx li nkunu bħal dak is-sinjur li nesa lil Alla.

Jekk tixtieq li tibqa’ tiftakar kif tista’ ssir ‘sinjur’ f’għajnejn Alla, tista’ tagħmel salib sabiħ biex iżżommu fil-kamra tiegħek ħdejn is-sodda. 

Agħmlu printout tas-salib u aqtgħuh. Waħħluh fuq kartonċina. Fin-nofs iktbu INKUNU SINJURI F’GĦAJNEJN ALLA. 

Tista’ tiddekora s-salib bl-istickers jew glitter glue jew dekorazzjonijiet sbieħ oħra. Isma’ s-song, You say I am your treasure .

Inroddu s-salib.

Għażiż Mulej, għinni biex inżommok l-ewwel f’ħajti. Jiena naf kemm tħobbni, u jien irrid inħobbok ukoll. Grazzi li bgħatt lil Ibnek Ġesù biex jgħallimna kemm tħobbna u kif inġibu ruħna b’imħabba u rispett lejn xulxin. Ammen.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.