Il-parabbola tal-għani iblah, insibuha biss fl-Evanġelu ta’ San Luqa. It-tema hija l-kura tal-fqar, u l-messaġġ ewlieni huwa kontra r-regħba. Illum, Ġesù jgħidilna li l-flus u l-ġid, ma jagħmluniex sinjuri f’għajnejn Alla. Darba, waqt li Ġesù kien qiegħed jgħallem, xi ħadd mill-folla għajjat, “Mgħallem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi”. Ġesù ma joffrilux għajnuna lil dan ir-raġel. Minflok, juża din l-okkażżjoni biex jgħallem dwar dak li għandna nagħmlu f’din il-ħajja biex inħejju għal dik eterna.
Ġesù jirrakonta parabbola. Raġel għani ġabar ħafna frott mill-għalqa tiegħu; ġabar ħafna aktar milli kien qiegħed jistenna. Għalhekk ma kellux maħżen kbir biżżejjed fejn iqegħdhom. Dan ħaseb li kienet idea tajba li jħott il-imħażen u jibni oħrajn akbar u b’dan il-mod ikollu ħażna kbira u bosta snin biex jiekol, jixrob u jiċċelebra. “Kemm inti iblah,” jgħidlu l-Mulej, għax dan kien il-lejl li fih kien ser imut. Għand min kien ser imur dan il-ġid kollu? Ġesù jagħtina l-moral ta’ din il-ġrajja. Din se tkun l-istorja ta’ dak li jaħżen il-ġid għalih innifsu u ma jaħsibx fil-ġid li jiswa quddiem Alla.
Il-ġid tal-art, ingħata għal kulħadd. L-għani iblah ma kellu l-ebda sens ta’ responsabbiltà soċjali. Din il-parabbola turina kemm hu diffiċli li npoġġu lil Alla l-ewwel f’ħajjitna. Il-kultura li ngħixu fiha, tqis is-suċċess bl-ammont ta’ flus li wieħed ikollu u wkoll bil-ġid materjali, bħall-kobor tad-dar, karozza lussuża, ħwejjeġ tad-ditta, xi dgħajsa kbira. Ġesù mhux qiegħed jgħid li hu ħażin li wieħed ikun sinjur. Iżda qed jgħid li dan kollu ma rriduhx li jmexxi lil ħajjitna. Ma għandniex inħallu l-ġid materjali isir l-għan tal-ħajja tagħna. Minflok, dan għandu jwassalna għall-għan ewlieni, li hu l-laqgħa tagħna ma’ Alla fis-sema. Il-ħajja tal-familja tgħinna nifhmu l-valuri ta’ solidarjetà u l-ġid komuni li huma parti mit-Tagħlim Soċjali tal-Knisja. Bħala familja, nirrispettaw lil xulxin u naraw li d-deċiżjonijiet li nieħdu ma jkażbrux id-drittijiet tal-oħrajn, napprezzaw il-bżonn li naqsmu dak li għandna, naħdmu flimkien u ma nkunux egoisti. L-għani iblah tal-parabbola, seta’ ħa deċiżjoni differenti, seta’ qasam il-ġid li kellu mal-fqar u dawk fil-bżonn. Il-ġid tal-art u x-xogħol ta’ idejna jistgħu jintużaw biex nibnu teżori fis-sema. Il-ġid materjali hu neċessarju, iżda xejn anqas il-valuri u l-virtujiet li jgħinuna nersqu lejn l-għan ewlieni bħala insara: ħajja ma’ Alla fil-ġenna. Biex tkun taf aktar dwar it-Tagħlim Soċjali tal-Knisja, ara hawn.