Il-Ħeġġa

20-il Ħadd ta' Matul is-Sena Ċ

Fl-Evanġelju tal-lum, nisimgħu lil Ġesù jitkellem mad-dixxipli tiegħu; hu qiegħed fit-triq lejn Ġerusalem, fejn jaf x’qiegħed jistennih. Is-salib qiegħed quddiemu u jaf li l-għedewwa tiegħu ma kienux ser juru l-ebda ħniena. Għalkemm wera tant imħabba u ħniena u ġab il-paċi, miegħu ma kienux ser jimxu bi ħniena. 

Bħala segwaċi ta’ Ġesù aħna wkoll irridu nkunu mħejjija għal żminijiet diffiċli. Mhux faċli li nimxu warajh u jitlob minna sagrifiċi ta’ kuljum li jeffetwaw il-ħajja tagħna u wkoll tal-familja tagħna. Il-konflitt li għadda minnu Ġesù, hu tagħna wkoll. Fis-silta li nisimgħu llum, Ġesù juża l-immaġini tan-nar u l-magħmudija, biex jispjega dak li kien qiegħed jistennih Ġerusalemm. Jgħid li hu ġie biex iqabbad nar fuq l-art. Fit-3 kapitlu tal-Evanġelju ta’ Luqa, Ġwanni l-Battista, jgħid li hu jgħammed bl-ilma, iżda li xi ħadd akbar minnu, kien għad irid jiġi u jgħammed bl-Ispirtu s-Santu u bin-nar. In-nar li jitkellem fuqu Ġesù llum, huwa d-dwejjaq u t-taqlib li kellu jġib miegħu l-Ġudizzju. Huwa wkoll in-nar tal-Ispirtu s-Santu li jinżel fuq id-dixxipli nhar Pentekoste. Huwa nar li jagħtihom il-qawwa biex joħorġu u jwasslu l-Aħbar it-Tajba lid-dinja kollha, li Ġesù qam mill-mewt. Il-konflitt u d-dwejjaq li Ġesù kellu jgħaddi minnhom, fi triqtu lejn is-salib kellhom jixduh id-dixxipli. Meta Ġesù twieled, l-anġli ħabbru l-paci lid-dinja kollha; fit-Tempju, Xmun jerfa’ lit-tarbija Ġesù, u jindirizza lil Alla, waqt li jgħid li issa, Alla seta’ jieħdu fis-sliem, għax hu kien ra lill-Mulej. Lill-Madonna, jgħidilha li binha għad “iġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna u jkun sinjal li jmeruh.” Il-paċi huwa l-għan aħħari tas-Saltna ta’ Alla, iżda l-paċi tiġi bi prezz. Ġesù jwissi li meta wieħed jilqa’ l-Kelma ta’ Alla u jgħixha, tinħoloq il-firda. Ikun hemm firda, anke fil-familji stess. Dawn ma humiex kliem faċli; meta nagħtu lilna nfusna lil Ġesù se jkollna sfidi fir-relazzjonijiet tagħna u saħansitra fil-ħajja tagħna. Għandna bżonn li niftakru li meta nieħdu d-deċiżjoni li nagħmlu dak li hu tajjeb, dan mhux ser ikun faċli jew mingħajr konflitt. Ġesù stess, ma evitax il-konflitt u lanqas ma ħa deċiżjonijiet faċli. Għalkemm mhux bil-fors se naffaċċjaw tbatija fiżika minħabba t-twemin tagħna, nistgħu nesperjenzaw tbatija emozzjonali u wkoll il-firda. Per eżempju, aċċettajt xogħol b’anqas paga, iżda li jagħtik aktar ħin mal-familja tiegħek. Forsi waqqgħuk għaċ-ċajt għax ma rajtx film partikolari, minħabba li dan imur kontra t-twemmin tiegħek. Li timxi wara Ġesù tfisser li jkollok mumenti ta’ qtiegħ il-qalb, iżda jekk tibqa’ fidil għal dak li temmen, tirċievi l-wegħda ta’ sliem u l-ħajja ta’ dejjem.

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Lq 12: 49-53)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad! Iżda hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed, u x’diqa għandi sa ma dan iseħħ! Taħsbu intom li jien ġejt inġib il-paċi fid-dinja? Le, ngħidilkom, imma l-firda; għax mil-lum ’il quddiem ħamsa min-nies f’dar waħda jkunu mifruda bejniethom, tlieta kontra tnejn u tnejn kontra tlieta; jinfirdu l-missier kontra l-iben u l-iben kontra l-missier, l-omm kontra l-bint u l-bint kontra l-omm, omm ir-raġel kontra mart binha u mart l-iben kontra omm żewġha”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Jekk inżommu lil Alla ċentrali fil-familja tagħna, ir-relazzjoni tagħna tissaħħaħ. Araw li matul din il-ġimgħa titolbu flimkien, kuljum. It-tfal b’hekk, jitgħallmu mill-eżempju li tagħtuhom. Inkoraġġuhom jaħsbu dwar Allau wkoll li ma jiddejqux jitkellmu ma’ oħrajn dwar il-fidi tagħhom. B’dan il-mod, ma jkollniex il-firda li tkellem dwarha Ġesù u nwasslu n-nar ta’ mħabba ta’ Ġesù lid-dinja. 
  4. X’inhuma dawk l-affarijiet li jġibu l-firda fil-familja tagħkom? Kif tista’ ssolvihom b’mod konkret? Meta nħobbu lil Ġesù, inkunu qegħdin inżommu għajnejna fuqu.
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Luqa (12: 49-53)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Illum, Ġesù jispjega lid-dixxipli tiegħu, xi tfisser meta aħna ngħidu, “Jiena nimxi wara Ġesù.” Meta nagħmlu dan, irridu nagħmlu ċerta għażliet. Ġesù jgħallimna kif għandna nagħmlu għażliet tajba, anke meta dan huwa diffiċli.

  • Mhux dejjem faċli nagħmlu dak li hu tajjeb. Ġesù jgħidilna li hemm drabi li se nsibuha diffiċli biex nimxu warajh
  • Kopja tal-attività tal-lum
  • Kuluri / lapes

Ħafna drabi matul il-ġurnata, ikollna nagħmlu għażla. Per  eżempju, xi ħwejjeġ ser nilbes? Jew nieħux ċikkulata qabel ma niekol, inkella npoġġix it-toys lura f’posthom. Għażla oħra tista’ tkun it-togħma tal-ġelat li ser nieħu jew għandix nagħmel il-homework issa jew aktar tard. Dawn huma xi għażliet li jkollna nagħmlu u m’humiex diffiċli li nagħmluhom. Iżda immaġina li qed tilgħab mal-ħbieb u tifel jew tifla li ma tantx intom ħbieb magħhom, jistaqsuk biex jilgħabu magħkom. L-akbar ħabib tiegħek jgħidlek: “Jien ma rridux/hiex tilgħab magħna. Jekk se tgħid ‘iva’ mhux se nibqa’ ħabib tiegħek.” Din mhijiex għażla faċli. Aħseb ftit dwar dak li jgħallimna Ġesù, dwar għażliet tajba u ħżiena. Hija ħaġa tajba, li ma nħallux lil dan it-tifel/din it-tifla, jilgħab/tilgħab magħna? Kieku Ġesù, kien jgħid ‘iva, jiġi/tiġi tilgħab magħna.’ Imma għalik mhux faċli, għax jekk il-ħabib tiegħek qal li mhux ser jibqa’ ħabib miegħek. Jekk tagħmel dak li hu tajjeb u tħalli lil dan it-tifel/din it-tifla tilgħabl, ser tiġi fl-inkwiet mal-akbar ħabib tiegħek. Mhux dejjem faċli li tagħmel dak li hu tajjeb. Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jgħidilna li hemm drabi li ser insibuha diffiċli biex nimxu warajh u jista’ wkoll ikun hemm firda minn mal- oħrajn. X’ried ifisser Ġesù b’dan il-kliem? Ġesù jistedinna biex ngħixu fil-paċi. Għalkemm hu miet fuq is-salib biex isalva lil kulħadd, dejjem ser ikun hemm min ma jridx jimxi warajh. Ġesù jixtieq li nagħmlu għażliet tajba, li nagħmlu dak li hu sew. 

Jekk irridu nimxu wara Ġesù, ma nistgħux nagħmlu għażla ħażina, biex ħaddieħor jieħu gost bina. M’għandniex ma nkunux ħbieb ma’ tfal, għax xi ħadd qalilna biex ma nkunux ħbieb magħhom. Se tkun diffiċli li nimxu wara Ġesù, iżda meta nagħmlu għażliet tajba ser nersqu aktar qrib ta’ Alla u jkollna ħafna paċi f’qalbna u f’moħħna. 

Jekk tixtieq timxi wara Ġesù u tixtieq tagħmel għażliet tajba, għamel kopja tal-attività tal-lum. Fis-sieq ikteb ismek u l-kliem, IRRID NIMXI WARA ĠESÙ. Tista’ tagħtiha l-kulur u tiddekorha. Meta tlestiha, ibagħtilna ħalli ntellgħuha fil-website ta’ BeKids.

Isma’ s-song,  I have Decided to Follow Jesus.

Radd tas-salib

Ġesù, aħna nħobbuk, u rridu nimxu warajk, kuljum. Nafu li dan mhux ser ikun dejjem faċli li nagħmluh. Grazzi li tatina l-kuraġġ biex nimxu warajk, u li dejjem tibqa’ magħna. Ammen.

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jgħid “Nar ġejt inqiegħed fuq l-art.” X’aktarx naħsbu li din hija ħaġa stramba li qiegħed jgħid Ġesù! Ovvjament, Ġesù ma jridx ifisser li jrid jaħraq id-dinja kollha! Hu ried ifisser li jrid li n-nar tal-Ispirtu s-Santu jaqbad ġewwa qalbna, ġewwa l-qalb tan-nies tad-dinja kollha.

  • Fil-magħmudija, l-Ispirtu s-Santu jiġi fuqna għall-ewwel darba u jgħinna nagħmlu għażliet tajba u nimxu wara Ġesù
  • L-Ispirtu s-Santu, jgħinna biex inżommu għajnejna fuq Ġesù
  • Printout tal-attività tal-lum
  • Kuluri/lapes
  • Imqass
  • Kartonċina 
  • Gloj

Illum Ġesù jgħid li se jġib nar fid-dinja, iżda mhux biex jeqridha. Hu juża l-immaġini ta’ nar li diġà qiegħed jaqbad, bħala simbolu tal-Ispirtu s-Santu. Ejjew naraw Ġesù, x’kien qiegħed jispjega lid-dixxipli tiegħu. 

L-Evanġelju tal-lum, jibda b’dawn il-kliem ta’ Ġesù, “Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad!” In-nar jista’ jkun kemm tajjeb, kif ukoll ħażin. Jista’ jsaħħanna, f’ġurnata kiesħa, in-nar tax-xemgħa tagħti d-dawl fejn hemm id-dlam, in-nar tal-BBQ, isajjrilna l-ikel. Madanakollu, n-nar jista’ jeqred meta dan ma jkunx ikkontrollat. Jista’ jaħraq u jeqred kollox, u kollox isir irmied. Ġesù hawnhekk qiegħed jirreferi għan-nar li kellu jagħti l-qawwa lid-dixxipli, dakinhar ta’ Pentekoste. Qiegħed juża n-nar bħala simbolu tal-Ispirtu s-Santu.

Tafu meta nirċievu l-Ispirtu s-Santu għall-ewwel darba? Fil-magħmudija, l-Ispirtu s-Santu jiġi jgħix ġewwa fina. Permezz tas-sagramenti l-oħra, jagħtina aktar qawwa b’mod speċjali fis-sagrament tal-Griżma tal-Isqof, meta nirċievu s-seba’ doni tal-Ispirtu s-Santu. Għalkemm l-Ispirtu s-Santu jgħix ġewwa fina, aħna xorta għandna l-libertà. Hu jiggwidana, meta nkunu miftuħa għalih. Hu jfarraġna u jgħinna nagħmlu għażliet tajba, jgħinna wkoll biex nimxu wara Ġesù. Madanakollu, rridu nkunu aħna li nħallu lill-Ispirtu s-Santu jaħdem fina, irridu nħalluh aħna, jgħinna nagħmlu dak li hu tajjeb. Ġwanni l-Battista, kien jgħammed lin-nies, bl-ilma tax-xmara tal-Ġordan. Hu kien jgħidilhom li xi ħadd kien ser jiġi u dan kien ser “jgħammed bl-Ispirtu s-Santu u bin-nar.” Ġwanni, kien qiegħed jitkellem dwar Ġesù. L-Ispirtu s-Santu niżel fuq l-Appostli bħala fl-ilsna tan-nar u Huwa jibqa’ mal-Knisja għal dejjem. Ġesù jrid li n-nar tal-Ispirtu s-Santu jħeġġeġ fil-qalb tan-nies tad-dinja kollha. Itlob biex l-Ispirtu s-Santu jgħix ġo qalbek u jgħinek tħobb lil Alla dejjem aktar. 

Agħmel kopja tal-attività tal-llum. Għandkom door hanger. Fuqha ikteb SPIRTU SANTU, JIENA NILQGĦEK HAWN. Iddekorha kif tixtieq. Waħħalha fuq kartonċina u aqta’ max-xifer. Issa tista’ ddendilha mal-pum tal-bieb tal-kamra tas-sodda tiegħek.

Isma’ s-song, Heartbeat.

Inroddu s-salib.

Ejja Spirtu s-Santu, imla l-qlub tal-fidili tiegħek
U kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek.
Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, u jinħalqu.
U Inti ġġedded il-wiċċ tal-art.

Ammen

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.