Fl-Evanġelju tal-lum ser nisimgħu tliet parabboli. Ġesù kien jirrakonta dawn il-parabboli biex jispjega aħjar u b’mod aktar ċar u ħafif, it-tagħlim tiegħu u biex jgħallem dwar min hu Alla l-Missier. Il-parabboli tal-lum, huma dwar il-karattru ta’ Alla. Alla li hu ħanin u li dejjem jaħfer, il-parabboli jixhdu għall-fatt li Alla hu mħabba.
Fit-tliet parabboli, xi ħaġa jew xi ħadd jintilef. Fl-ewwel parabbola nisimgħu kif ragħaj li kellu mitt nagħġa, tintiliflu waħda minnhom. Hu jħalli lid-disgħa u disgħin u jmur ifittex dik il-mitlufa. It-tieni parabbola tirrakkonta kif mara titlef waħda mill-għaxar muniti li kellha. Din taqla’ d-dar u ma tieqafx qabel ma ssib il-munita mitlufa. L-aħħar parabbola hija waħda li smajnieha kemm-il darba, il-parabbola tal-Iben il-Ħali.
Ix-xbieha ta’ Alla li jpoġġilna quddiema llum Ġesù, hija tal-iskantament u kważi kważi tmur kontra n-natura tagħna. Alla hu l-ewwel ħaġa rrappreżentat kemm fil-persuna ta’ raġel (ir-ragħaj u l-missier), kif ukoll ta’ mara (li tilfet il-munita). Huwa ma jagħmel differenza bejn ħadd. Alla jħobb lil kulħadd u lest li jaħfer lil kull midneb. Alla jagħmel minn kollox biex meta aħna nersqu ‘l bogħod minnu, nindmu u nitolbu skuża. Meta nitolbu maħfra, Alla ma jċanfarniex. Alla ma jitkabbarx, iżda Hu ‘jiġri lejna, jinxteħet fuq għonqna u jbusna, u jagħmel festa’! U kif kien qiegħed jistenna li jirritorna l-iben iż-żgħir b’imħabba, b’imħabba wkoll imur ħdejn l-iben il-kbir li rrifjuta li jidħol id-dar għall-festa, u jassigurah li “inti dejjem miegħi, u kulma hu tiegħi huwa tiegħek.” Din l-azzjoni turina li hemm drabi, fejn xi wħud minna, ikollhom bżonn ta’ aktar turija ta’ ħniena u mħabba. Dan ma jfissirx li hemm xi favoritiżmu. Għal Alla aħna kollha wliedu.
It-tifel il-kbir huwa rifless tal-fariżej u tal-kittieba u forsi tagħna wkoll li aħna nies tajba, li ‘nobdu’ lil Alla u naħsbu li għandna aktar dritt għall-imħabba u l-ħniena ta’ Alla, minn oħrajn li jagħmlu għażliet ħżiena b’kapriċċ. Illum Ġesù jwieġeb lill-fariżej u lill-kittieba u lilna wkoll, li nitkażaw meta naraw lil Ġesù jilqa’ għandu nies midinba u jiekol magħhom ukoll. It-tweġiba ta’ Ġesù insibuha f’dawn it-tliet parabboli.
L-ewwel waħda hi dwar ragħaj li kellu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom. Dan ir-ragħaj jitlaq id-disgħa u disgħin u jmur ifittex lil dik mitlufa. Hekk jagħmel Alla mal-midneb. U meta l-midneb jitlob maħfra, Alla jifraħ. Fit-tieni parabbola niltaqgħu mal-mara li kellha għaxar drakmiet u tilfet waħda minnhom. Din il-waħda kienet tiswa ħafna għaliha u taqla’ d-dar kollha u ma tieqafx tfittex qabel ma ssib il-munita mitlufa. Meta ssibha, tmur tifraħ mal-ġirien.
Wara dawn il-parabboli, Ġesù jirrakonta l-ġrajja tal-missier u żewġ ulied. Iż-żgħir iġib ruħu b’mod egoist u dispreġġjattiv u jispiċċa mal-ħnieżer. Għal din ir-raġuni, forsi tiġina t-tentazzjoni li ngħidu “Ħaqqu!” Forsi dan huwa l-mod kif nimxu ma’ wliedna wkoll, wara li nwissuhom biex ma jagħmlux xi ħaġa u huma jwebbsu rashom u jagħmluha. Kif tkun ir-reazzjoni tagħna meta jiġrilhom dak li wisseniehom kontrih?
Ir-reazzjoni tal-missier fil-parabbola hija sorprendenti, għax hu ma jitkabbarx, ma jilqgħux b’xi kliem bħal, “Ħadt dak li ħaqqek,” iżda minflok jilqgħu b’idejh miftuħa u b’ferħ kbir.
Imbagħad hemm it-tifel il-kbir li jħossu offiż li l-missier mhux biss laqa’ liż-żgħir lura, iżda wkoll agħmillu festa. Fit-talba tal-Missierna ngħidu, “aħfrilna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.” Din il-parabbola tgħallimna wkoll li rridu naħfru lill-oħrajn. Qabel ma naħfru, se nsibuha diffiċli li naċċettaw, b’mod sħiħ l-imħabba u maħfra li Alla joffrielna, għax nibqgħu mtaqqla’ bil-weġgħa ta’ dawk li dinbu kontrina.
Fl-aħħar, dan l-iben il-kbir, jiftħilna għajnejna wkoll dwar ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Il-kliem li juża ma humiex kliem ta’ iben li jħobb lill-missieru, iżda aktar ta’ xi ħadd li qiegħed jobdi lil dak ta’ fuqu. Kif inhi r-relazzjoni tagħna ma’ Alla? Aħna nobdu l-kmandamenti biex immorru l-ġenna u nibżgħu minn xi kastig, jew nobduhom għax inħobbu lil Alla u ma rridux immorru kontra x-xewqa tiegħu?