L-onestà

25 Ħadd ta' Matul is-Sena Ċ

L-Evanġelju tal-lum minn San Luqa, huwa indirizzat lid-dixxipli ta’ Ġesù. Hu jgħidilhom parabbola dwar amministratur diżonest, imfaħħar għax kien għaqli fil-mod li ħa ħsieb l-investiment ta’ sidu. Għalkemm forsi dan il-qari fih xi dettalji kkomplikati, il-messaġġ huwa ċar. 

Meta l-amministratur isib ruħu mal-ħajt, u x’aktarx kien ser jitlef l-impieg, juri ċerta inizjattiva. Hu jħaddem rasu u jaħseb fi pjan li seta jgħinu aktar ’il quddiem. Hu wieġeb għall-kriżi u s-sinjur ippremjah. Bħala nsara, aħna wkoll imsejħa biex inwieġbu għat-tagħlim ta’ Ġesù. Għandna nistaqsu lilna nfusna kif qed inwieġbu għall-Aħbar it-Tajba. Aħna rridu nużaw dak kollu li tana Alla, sabiex inkunu xhieda u wkoll nwasslu l-Aħbar it-Tajba lill-oħrajn.

Il-parabbola hija dwar amministratur li jitkeċċa minħabba li ma ħaddimx sew il-propjetà tas-sinjur. Hu jissejjaħ diżonest. F’din is-sitwazzjoni fejn kien ser jitlef xogħlu, hu jsejjaħ lid-debituri kollha u jipprova jassigura l-futur tiegħu, billi naqqas b’mod sostanzjali l-ammont li kull wieħed kellu jagħti lis-sinjur. L-għan kien li meta jispiċċa bla xogħol, xi ħadd minn dawn kien jgħinu. Interessanti l-fatt, li sakemm hu ma kienx ser jitlef xogħlu, hu kien raġel ħali u inkompetenti, iżda meta ġie dahru mal-ħajt, ifassal pjan għaqli biex jassigura l-futur tiegħu! Hija din l-inizjattiva, fejn warrab ir-regħba u ppjana għall-futur, li faħħar is-sid.

Xi tfisser din il-parabbola għalina llum? Bħala nsara, irridu nħarsu lejn it-teżori tal-art, għal dak li tassew huma; huma l-azzjonijiet tagħna ta’ kuljum li ser ikollhom effett fil-ħajja eterna tagħna. Ġesù jaf li l-onestà tagħna se tkun ippruvata kemm-il darba. X’tagħmel jekk tingħata aktar bqija milli suppost? L-onestà hija għażla li nagħmlu kuljum. Dawk li huma fdati fil-ftit, huma fdati fil-ħafna wkoll. Ġesù jistedinna biex inħarsu lejn il-prioritajiet tagħna f’dawl ġdid. Bħala nsara, il-mod kif nużaw il-flus tagħna, jista’ joħloq komplikazzjonijiet għalina u għall-familja tagħna. Fl-aħħar, Ġesù jgħid, “Ebda qaddej ma jista’ jaqdi żewġ sidien, għax jew ikun jobgħod lil wieħed minnhom u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus”.

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Lq 16: 1-13)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kien hemm raġel għani li kellu amministratur, u lil dan xlewh lil sidu li kien qiegħed iberbaqlu ġidu. Għalhekk is-sid sejjaħlu u qallu: “Dan x’inhu li qiegħed nisma’ fuqek? Agħtini kont tal-amministrazzjoni tiegħek, għax ma tistax tibqa’ iżjed amministratur tiegħi”. L-amministratur bejnu u bejn ruħu qal: “Issa x’sejjer nagħmel, ladarba sidi se jneħħini mill-amministrazzjoni? Immur nagħżaq? Ma niflaħx. Nittallab? Nistħi. Naf x’nagħmel, ħalli meta nitwarrab minn fuq din l-amministrazzjoni, insib lil ħaddieħor li jilqagħni għandu”.

U wieħed wieħed bagħat għal dawk li kellhom jagħtu lil sidu. “Kemm għandek tagħtih lil sidi?” staqsa lill-ewwel wieħed. “Mitt barmil żejt”, wieġbu dak. Qallu l-amministratur: “Oħroġ il-karti tiegħek, oqgħod bilqiegħda malajr u ikteb ħamsin”. Lil ieħor staqsieh: “U int, kemm għandek tagħti?” “Mitt xkora qamħ”, wieġbu. Qallu: “Oħroġ il-karti tiegħek u ikteb tmenin”.

U s-sid faħħru lil dak l-amministratur ħażin talli ħadem b’rasu. Għax ulied din id-dinja jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl ma’ min hu tal-qatgħa tagħhom. U jiena ngħidilkom: agħmlu għalikom infuskom ħbieb ta’ qligħ il-ħżunija, ħalli meta jonqoskom, jilqgħukom fl-għerejjex ta’ dejjem.

Min hu fidil f’ħaġa tassew żgħira, hu fidil ukoll fil-ħafna; min hu diżonest f’ħaġa tassew żgħira, hu diżonest ukoll fil-ħafna. Jekk mela ma wrejtux ruħkom fidili fil-qligħ il-ħażin, min se jafdalkom il-ġid veru? U jekk ma wrejtux ruħkom fidili f’dak li hu ta’ ħaddieħor, min se jagħtikom dak li hu tagħkom? Ebda qaddej ma jista’ jaqdi żewġ sidien, għax jew ikun jobgħod lil wieħed minnhom u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Aħseb dwar l-attitudni li inti għandek għall-flus, teffettwalek id-deċiżjonijiet u l-mod li tgħix. Kif teffettwalek l-attitudni tiegħek lejn Alla? Kif tonfoq il-flus li għandek? Dan jeffettwa r-relazzjoni tiegħek ma’ Alla u mal-familja?
  4. Bħala ġenituri, intom amministraturi tat-tfal tagħkom. Matul din il-ġimgħa tkellmu magħhom dwar xi tfisser li tkun persuna responsabbli. Ir-responsabbiltà ġeneralment tfisser li jkollok titlef xi ħaġa li ma għandhiex valur dejjiemi, għal xi ħaġa li għandha aktar valur.
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Luqa (16, 1-13)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

 Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jgħallimna dwar l-onestà. Lid-dixxipli tiegħu, jgħidilhom parabbola dwar l-amministratur diżonest. Ġesù jgħallimna li huwa importanti li dejjem ngħidu l-verità,kemm għall-affarijiet kbar, kif ukoll żgħar.

  • Meta ngħidu l-verità, in-nies ikunu jafu li jistgħu jafdawna
  • Jekk aħna onesti, se nkunu onesti f’dak kollu li nagħmlu, kbir jew żgħir
  • Printout tal-attività
  • Kuluri / lapes

Kuljum, aħna nagħmlu deċiżjonijiet li jippruvaw l-onestà tagħna. Li nkunu onesti, tfisser li ngħidu l-verità u ma ngħidux gideb. Minbarra dan, anke l-azzjonijiet tagħna jridu juru l-verità. Bħala ħbieb ta’ Ġesù, dejjem għandna nagħmlu dak li hu tajjeb. Immaġinaw li qegħdin ġo supermarket mal-familja tagħkom. Mal-art taraw 10 euro. Ma tafux ta min hi. Jekk tiġbruha u żżommuha, ħadd ma se jkun jaf. X’taħsbu li suppost tagħmlu? Iżżommu dawn il-flus għalikom, jew tagħtuhom lil dawk li hemm fil-customer care? Inkella, per eżempju, l-iskola smajtu xi ħaġa dwar xi ħadd li qiegħed fil-klassi miegħek. Kulħadd qiegħed jitkellem fuqha, imma inti taħseb li dak li qed jgħidu mhux vera. X’tagħmel? Tkompli mal-oħrajn u titkellem dwar dak li smajt, jew tagħlaq ħalqek u ma tgħid xejn? Qatt ma hu sew li nxerrdu xnigħat li nkunu smajna, anke jekk dawn ikunu vera. Aħseb u ara jekk dak li tkun qed tirrepeti, tkun taf li ma huwiex vera, f’dan il-kas tkun diżonest għax tkun qiegħed tigdeb.

Darba minnhom, Ġesù qal parabbola, dwar raġel sinjur li akkuża lill-amministratur tiegħu li kien qiegħed jaħlilu l-flus. Hu sejjaħlu fl-uffiċċju tiegħu u ried ikun jaf kif, dan l-amministratur kien qiegħed jonfoq il-flus. Dan l-amministratur kien jaf li ma kienx qed jagħmel sew, u nduna li x’aktarx kien ser jitlef ix-xogħol. Għalhekk għamel pjan kif jista’ jkollu aktar ħbieb. Hu sejjaħ lil dawk kollha li kellhom jagħtu flus lis-sinjur, u staqsiehom l-ammont li kellhom jagħtuh. Meta qalulu l-ammont, qalilhom li kellhom jagħtu anqas! Tistgħu timmaġinaw kemm ferħu dawn in-nies meta qalilhom li kellhom jagħtu lura anqas flus. B’hekk l-amministratur kellu aktar ħbieb li setgħu jgħinuh meta hu jispiċċa bla xogħol. Ġesù ried jgħallimna li ‘dawk li nistgħu nafdawhom fl-affarijiet iż-żgħar, nistgħu nafdawhom b’affarijiet akbar ukoll, u dawk li huma diżonesti fil-ftit, ser ikunu diżonesti wkoll fil-ħafna.’ Jiġifieri, jekk aħna onesti fl-affarijiet żgħar li nagħmlu, se nkunu onesti wkoll meta nagħmlu affarijiet kbar. Jekk dawk ta’ madwarna, jafu li jistgħu jafdawna fl-affarijiet iż-żgħar, ikunu jafu li jistgħu jafdawna fl-affarijiet il-kbar ukoll.

Bl-istess mod li fjura tikber minn żerriegħa, aħna nistgħu nikbru fl-onestà. Għandkom il-printout tal-‘fjura tal-onestà.’ Fin-nofs iktbu l-kelma, ONESTÀ. Fuq kull petala iktbu kif tistgħu tkunu onesti, pereżempju, tgħidu l-verità, tisimgħu mill-ġenituri tagħkom, tkunu tfal li jistgħu jafdawkom, ma tiċċitjawx, ma xxerdux għajdud li tisimgħu. Ippruvaw aħsbu f’eżempji oħra. Ftakru li jekk tiżirgħu l-onestà, tkabbru l-fiduċja!

Isimgħu s-song, I Wanna do right.

Radd tas-salib

Missierna li inti fis-smewwiet, għinna niftakru li Ġesù għallimna, li għandna nkunu onesti. Għinna nkunu onesti u dejjem ngħidu l-verità. Dan nitolbuh f’isem Ġesù. Ammen.

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jitkellem dwar il-flus, u jfakkarna li dak kollu li għandna huwa rigal mingħand Alla, u li għandna nużawh sew u b’responsabbiltà. Dan insejħulu ‘amministrazzjoni’. Iwissina biex ma nippruvawx naqdu lil Alla u fl-istess ħin naqdu l-flus ukoll. Lid-dixxipli jgħidilhom il-parabbola tal-amministratur diżonest.

  • Il-ferħ ta’ vera jiġi mingħand Alla
  • Xi tfisser li tkun ta’ min jafda fik, f’għajnejn Alla
  • Printout tal-attività tal-lum
  • Kuluri / lapes
  • Stickers bħala dekorazzjoni

Aktar ma nikbru, aktar il-ġenituri u l-għalliema, jagħtuna responsabbiltajiet. Aħna nkunu fdati nagħmlu ċerta affarijiet, wara li nkunu wrejna li ta min jafda fuqna, jiġifieri li nobdu regoli u li nkunu attenti. Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jgħid parabbola dwar amministratur diżonest, u aħna nitgħallmu xi tfisser li tkun ta’ min jafda fuqek, f’għajnejn Alla.  

Amministratur, huwa xi ħadd li jieħu ħsieb flus u propjetà, jew xi ħaġa prezzjuża, għal xi ħadd ieħor. L-amministratur f’din il-parabbola qiegħed jieħu ħsieb il-flus u l-propjetà ta’ raġel sinjur. Is-sinjur mhux ferħan bil-mod li qiegħed jaħdem l-amministratur. Hu ssuspetta li kien qiegħed jittradieh. Is-sinjur sejjaħ lill-amministratur fl-uffiċċju tiegħu u dan tal-aħħar issuspetta li kien se jiġi mkeċċi. Għalhekk bla telf ta’ żmien jagħmel ħbieb ma’ dawk li kellhom jagħtu l-flus lis-sinjur. Hu qalilhom li kellhom jagħtu lis-sinjur anqas flus, milli fil-fatt kellhom jagħtu. B’hekk ħaseb li meta jkun bla xogħol, dawn il-ħbieb kienu jieħdu ħsiebu!

Minflok ma rrabja, is-sinjur faħħru lil dan l-amministratur għax wera li kien għaqli. X’qiegħed jgħallimna Ġesù permezz ta’ din il-parabbola? L-ewwel ħaġa, Ġesù ma jridx li naħsbu ż-żejjed dwar kemm għandna flus. Hu jfakkarna li kollox ġej mingħand Alla, u li għandna nużaw kollox b’għaqal. Uriena wkoll, li aħna nuru dak li għandu l-aktar valur, bl-azzjonijiet tagħna. Jekk aħna onesti, se nkunu onesti f’dak kollu li nagħmlu, żgħir jew kbir. Bħala ħbieb ta’ Ġesù, aħna għandna sfida quddiemna, biex inkunu amministraturi tajba tat-talenti tagħna, tal-ħin tagħna u tat-teżori tagħna. Tfisser li nkunu nies ta’ min jafda fuqna, u nkunu responsabbli għal dak li għandna. Xi drabi nistgħu nużaw il-flus tagħna biex ngħinu lill-oħrajn, bħal meta nagħtu flus lil min hu mweġġa’, fil-bżonn jew bil-ġuħ. Nistgħu nużaw ukoll il-ħin tagħna biex ngħinu lill-oħrajn, id-dar, l-iskola jew fil-parroċċa. Nistgħu per eżempju nkunu abbatini jew membri tal-kor. Meta nkantaw fil-knisja nkunu qegħdin naqsmu t-talenti u l-ħin tagħna. Meta naqsmu dak li għandna u nkunu amministraturi tajba, inkunu qegħdin inħobbu lil Alla. Il-ferħ veru, jiġi mingħand Alla. Aħna msejħa li nkunu amministraturi tal-ħolqien, tagħna nfusna, tat-talenti u l-ħin tagħna, tal-prioritajiet tagħna u tat-teżori u dak kollu li għandna.

Biex niftakru fil-messaġġ tal-Evanġelju tal-lum, ipprintjaw il-qalb u l-idejn. Fil-qalb iktbu dak li wieħed jista’ jafdakom fih, u kif qed tkunu amministraturi tajba. Per eżempju li żżommu l-kamra tagħkom nadifa, tlestu l-mejda għall-ikel, titolbu meta tqumu, tużaw il-pocket money biex tgħinu lill-fqar. Tistgħu mbagħad tagħtuha l-kulur u tiddekoraw l-istampa bl-istickers.

Isimgħu s-song,  Who I wanna be.

Inroddu s-salib.

Mulej Alla, aħna nfaħħru ’l ismek u nirringrazzjawk għall-barkiet kollha li tagħtina. Għinna biex inkunu amministraturi tajba ta’ dak kollu li għandna. Għinna biex nużaw tajjeb il-ħin, it-talenti u t-teżori tagħna. Mulej Alla, aħna nħobbuk b’qalbna kollha. Ammen.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.