L-Evanġelju tal-lum minn San Luqa, huwa indirizzat lid-dixxipli ta’ Ġesù. Hu jgħidilhom parabbola dwar amministratur diżonest, imfaħħar għax kien għaqli fil-mod li ħa ħsieb l-investiment ta’ sidu. Għalkemm forsi dan il-qari fih xi dettalji kkomplikati, il-messaġġ huwa ċar.
Meta l-amministratur isib ruħu mal-ħajt, u x’aktarx kien ser jitlef l-impieg, juri ċerta inizjattiva. Hu jħaddem rasu u jaħseb fi pjan li seta jgħinu aktar ’il quddiem. Hu wieġeb għall-kriżi u s-sinjur ippremjah. Bħala nsara, aħna wkoll imsejħa biex inwieġbu għat-tagħlim ta’ Ġesù. Għandna nistaqsu lilna nfusna kif qed inwieġbu għall-Aħbar it-Tajba. Aħna rridu nużaw dak kollu li tana Alla, sabiex inkunu xhieda u wkoll nwasslu l-Aħbar it-Tajba lill-oħrajn.
Il-parabbola hija dwar amministratur li jitkeċċa minħabba li ma ħaddimx sew il-propjetà tas-sinjur. Hu jissejjaħ diżonest. F’din is-sitwazzjoni fejn kien ser jitlef xogħlu, hu jsejjaħ lid-debituri kollha u jipprova jassigura l-futur tiegħu, billi naqqas b’mod sostanzjali l-ammont li kull wieħed kellu jagħti lis-sinjur. L-għan kien li meta jispiċċa bla xogħol, xi ħadd minn dawn kien jgħinu. Interessanti l-fatt, li sakemm hu ma kienx ser jitlef xogħlu, hu kien raġel ħali u inkompetenti, iżda meta ġie dahru mal-ħajt, ifassal pjan għaqli biex jassigura l-futur tiegħu! Hija din l-inizjattiva, fejn warrab ir-regħba u ppjana għall-futur, li faħħar is-sid.
Xi tfisser din il-parabbola għalina llum? Bħala nsara, irridu nħarsu lejn it-teżori tal-art, għal dak li tassew huma; huma l-azzjonijiet tagħna ta’ kuljum li ser ikollhom effett fil-ħajja eterna tagħna. Ġesù jaf li l-onestà tagħna se tkun ippruvata kemm-il darba. X’tagħmel jekk tingħata aktar bqija milli suppost? L-onestà hija għażla li nagħmlu kuljum. Dawk li huma fdati fil-ftit, huma fdati fil-ħafna wkoll. Ġesù jistedinna biex inħarsu lejn il-prioritajiet tagħna f’dawl ġdid. Bħala nsara, il-mod kif nużaw il-flus tagħna, jista’ joħloq komplikazzjonijiet għalina u għall-familja tagħna. Fl-aħħar, Ġesù jgħid, “Ebda qaddej ma jista’ jaqdi żewġ sidien, għax jew ikun jobgħod lil wieħed minnhom u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus”.