Numru ta’ veritajiet huma diffiċli biex tispjegahom u tfiehmhom. Dan il-fatt, Ġesù kien konxju ħafna tiegħu, għalhekk kien juża l-parabboli, jew kif għamel fl-Evanġelju li se nisimgħu dan il-Ħadd, uża oġġetti u sitwazzjoni li s-semmiegħa tiegħu kienu familjari magħhom. L-ewwel tkellem dwar iż-żerriegħa tal-mustarda. Dak iż-żmien, mhux bħal-lum, kulħadd kien jaf x’kienet u kulħadd kien ra żerriegħa tal-mustarda. Is-siġar tal-mustarda kienu wkoll komuni. Wara, uża wkoll ir-relazzjoni bejn il-qaddej u s-sid, biex ikompli jispjega.
Qatt ġewkom mistoqsijiet jew ħsibijiet bħal dawn: ‘Kieku emmint aktar ma kienx jiġri dan’, ‘kieku tlabt aktar kien ifieq’, ‘kieku kelli aktar fidi kont inkun ġenitur/raġel/mara aħjar.’ Meta fl-aħbarijiet nisimgħu dwar gwerer u atroċitajiet, dwar atti ta’ terroriżmu u diżastri naturali, jista’ jkun li anke niddubitaw mill-preżenza ta’ Alla. Imma fil-fatt x’inhi l-fidi? Ġesù, illum jgħidilna li “Kieku kellkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din is-siġra tat-tut: ‘Inqala’ u mur tħawwel fil-baħar’, u hi kienet tisma’ minnkom.” Il-fidi ma nistgħux inkejluha! Ġesù jitkellem dwar fidi daqs iż-żerriegħa tal-mustarda. Allura mhux il-kwantità li jimporta, iżda l-kwalità. F’sitwazzjonijiet diffiċli, il-problemi u diffikultajiet tal-ħajja m’ għandhomx iġiegħeluna niddubitaw mill-Mulej. Minflok għandna nduru lejh, għax hu fil-qrib u dejjem iżomm il-wegħdiet li jagħmel.
Il-fidi tissaħħaħ meta nagħrfu li kollox ġej mingħand Alla, meta dak li nagħmlu, nagħmluh għall-glorja tiegħu u b’umiltà. Irridu nħarsu lejna nfusna bħala l-qaddejja ta’ Alla. U għalhekk, wara li nagħmlu xi ħaġa, m’għandniex infittxu merti u ringrazzjamenti, għax inkunu “għamilna biss dak li kellna nagħmlu,” u nkunu għamilna dak li kien mistenni minna.
Il-fidi għalhekk hija relazzjoni ta’ mħabba u fiduċja. Hija rigal li Alla jagħti lil kull wieħed u waħda minna. Il-fidi tgħinna nagħmlu dak li Alla jistenna minna. Għandna lil Ġesù li hu mudell perfett. Għalkemm matul ħajtu ltaqa’ ma’ diversi ostakli, anke diffiċli u fl-aħħar spiċċa msallab fuq salib, il-fidi tiegħu baqgħet sħiħa. Aħna għandna l-istess fidi li kellu Ġesù. Ir-relazzjoni li għandu Ġesù ma’ Alla l-Missier hija perfetta. Hija relazzjoni ta’ mħabba u ta’ fiduċja sħiħa. Allura nistgħu nħarsu lejn ix-xewqa tal-appostli “kattar fina l-fidi” bħala talba biex ir-relazzjoni tagħhom ma’ Alla tiżdied? Biex ikollhom aktar fiduċja f’Alla? Din għandha tkun ix-xewqa tagħna wkoll.