Fidi kbira

27 Ħadd ta' Matul is-Sena Ċ

Numru ta’ veritajiet huma diffiċli biex tispjegahom u tfiehmhom. Dan il-fatt, Ġesù kien konxju ħafna tiegħu, għalhekk kien juża l-parabboli, jew kif għamel fl-Evanġelju li se nisimgħu dan il-Ħadd, uża oġġetti u sitwazzjoni li s-semmiegħa tiegħu kienu familjari magħhom. L-ewwel tkellem dwar iż-żerriegħa tal-mustarda. Dak iż-żmien, mhux bħal-lum, kulħadd kien jaf x’kienet u kulħadd kien ra żerriegħa tal-mustarda. Is-siġar tal-mustarda kienu wkoll komuni. Wara, uża wkoll ir-relazzjoni bejn il-qaddej u s-sid, biex ikompli jispjega.

Qatt ġewkom mistoqsijiet jew ħsibijiet bħal dawn: ‘Kieku emmint aktar ma kienx jiġri dan’, ‘kieku tlabt aktar kien ifieq’, ‘kieku kelli aktar fidi kont inkun ġenitur/raġel/mara aħjar.’ Meta fl-aħbarijiet nisimgħu dwar gwerer u atroċitajiet, dwar atti ta’ terroriżmu u diżastri naturali, jista’ jkun li anke niddubitaw mill-preżenza ta’ Alla. Imma fil-fatt x’inhi l-fidi? Ġesù, illum jgħidilna li “Kieku kellkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din is-siġra tat-tut: ‘Inqala’ u mur tħawwel fil-baħar’, u hi kienet tisma’ minnkom.”  Il-fidi ma nistgħux inkejluha! Ġesù jitkellem dwar fidi daqs iż-żerriegħa tal-mustarda. Allura mhux il-kwantità li jimporta, iżda l-kwalità. F’sitwazzjonijiet diffiċli, il-problemi u diffikultajiet tal-ħajja m’ għandhomx iġiegħeluna niddubitaw mill-Mulej. Minflok għandna nduru lejh, għax hu fil-qrib u dejjem iżomm il-wegħdiet li jagħmel.

Il-fidi tissaħħaħ meta nagħrfu li kollox ġej mingħand Alla, meta dak li nagħmlu, nagħmluh għall-glorja tiegħu u b’umiltà. Irridu nħarsu lejna nfusna bħala l-qaddejja ta’ Alla. U għalhekk, wara li nagħmlu xi ħaġa, m’għandniex infittxu merti u ringrazzjamenti, għax inkunu “għamilna biss dak li kellna nagħmlu,” u nkunu għamilna dak li kien mistenni minna. 

Il-fidi għalhekk hija relazzjoni ta’ mħabba u fiduċja. Hija rigal li Alla jagħti lil kull wieħed u waħda minna. Il-fidi tgħinna nagħmlu dak li Alla jistenna minna. Għandna lil Ġesù li hu mudell perfett. Għalkemm matul ħajtu ltaqa’ ma’ diversi ostakli, anke diffiċli u fl-aħħar spiċċa msallab fuq salib, il-fidi tiegħu baqgħet sħiħa. Aħna għandna l-istess fidi li kellu Ġesù. Ir-relazzjoni li għandu Ġesù ma’ Alla l-Missier hija perfetta. Hija relazzjoni ta’ mħabba u ta’ fiduċja sħiħa. Allura nistgħu nħarsu lejn ix-xewqa tal-appostli “kattar fina l-fidi” bħala talba biex ir-relazzjoni tagħhom ma’ Alla tiżdied? Biex ikollhom aktar fiduċja f’Alla? Din għandha tkun ix-xewqa tagħna wkoll.

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Lq 17, 5-10) 

F’dak iż-żmien, l-appostli qalu lill-Mulej: “Kattar fina l-fidi!”. Weġibhom il-Mulej: “Kieku kellkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din is-siġra tat-tut: “Inqala’ u mur tħawwel fil-baħar”, u hi kienet tisma’ minnkom. Wieħed minnkom ikollu qaddej qiegħed jaħrat jew jirgħa; meta jidħol mill-għalqa x’se jgħidlu: “Ejja, isa, u oqgħod għall-ikel”? jew: “Lestili x’niekol, ilbes il-fardal u newwilli sa ma niekol u nixrob jien, u mbagħad tiekol u tixrob int”? Jaqaw se jroddlu ħajr lill-qaddej talli jkun għamel li ordnalu? Hekk ukoll intom, meta tagħmlu kulma tkunu ordnati, għidu: “Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Kieku kellek tiddeskrivi l-fidi tiegħek, kif tiddeskrivieha? 
  4. It-talb u l-qari tal-Kelma ta’ Alla, jgħinuna biex insiru nafu aktar lil Alla u għalhekk tissaħħaħ ir-relazzjoni tagħna miegħu, li tissarraf f’fidi aktar soda. Evalwa t-tqassim tal-ġurnata tiegħek u agħmel ħin biex titlob kuljum u taqra l-Kelma ta’ Alla. Tibdiex b’ħin twil, biex dan l-impenn iżommu, żid il-ħin, wara li dan isir parti mir-rutina tiegħek.
  5. Bħala ġenitur, kif qed tgħin biex it-tfal isaħħu l-fidi tagħhom? Tagħti prijorità lill-formazzjoni nisranija tagħhom u tiegħek?
  6. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Luqa (Lq (17, 5-10)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  7. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  8. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Intom qatt rajtu lill-mama jew lill-papa jew lil xi ħaddieħor jiżra’ xi żerriegħa? X’jagħmlu meta jiżirgħuha? Jieħdu ħsiebha jew iħalluha fil-qasrija u ma jagħtux kasha? U meta jagħtu kasha, x’jiġri? (tikber u ssir pjanta jew siġra sabiħa) Ġesù llum isemmi żerriegħa tal-mustarda. Il-mustarda tintuża fl-ikel. Staqsu lill-mama jew lill-papa, u araw jużawx mustarda meta jsajru.

  • Li jkollok fidi f’Alla tfisser li tafdah għax taf li hu jrid biss, dak li hu tajjeb għalik
  • Maktur skur u kbir biżżejjed biex jintuża bħala għamad
  • Globu tad-dinja jew stampa tal-mappa tad-dinja (tista’ ssibha mill-internet)
  • Araw il-logħba fl-attività

Illum ħa nibdew b’logħba. Se toħorġu mill-kamra, imbagħad se jiġu għalikom il-mama jew il-papa. Ħarsu sew lejn l-affarijiet fil-kamra qabel ma toħorġu. (nota lill-ġenituri, qabel ma tibda din l-attività għamlu diversi ostakoli fil-kamra, meta joħorġu t-tfal, neħħuhom min-nofs. Qabel ma jidħol xi ħadd mit-tfal għamlulhom l-għamad ma’ għajnejhom

Issa l-mama jew il-papa ser jgħinukom biex taqsmu min-naħa għall-oħra tal-kamra. Ftakru fejn kien hemm l-affarijiet fin-nofs, huma ser jgħinukom, imma tajjeb li tiftakru kemm kienu għoljin jew kbar l-affarijiet, biex ma taħbtux magħhom u ma tweġġgħux. 

(nota lill-ġenituri: żommulhom idejhom u ħuduhom min-naħa tal-kamra għall-oħra, u jekk per eżempju ħdejn il-pultruna kien hemm kaxxa, għidulhom li waslu ħdejn il-pultruna, meta jaslu n-naħa l-oħra jneħħu l-għamad).

Kif ħassejtukom f’din il-logħba? Qabel ma ħriġtu mill-kamra kien hemm ħafna affarijiet fin-nofs hux hekk? Meta dħaltu lura ma stajtu taraw xejn. Għalfejn lill-mama/papa afdajtuhom li jmexxukom huma? (ħallu lit-tfal iwieġbu, jekk ma jaslux għat-tweġiba, għinuhom jagħrfu li huma fdawkom, għax intom tħobbuhom u mintomx ser tħalluhom iweġġgħu)

Intom afdajtu lill-ġenituri tagħkom, għax tafuhom u tafu li jħobbukom ħafna u li se jipproteġukom, mhux se jħallukom tweġġgħu. Il-fidi hija xi ħaġa simili. Meta aħna nsiru nafu lil Alla, insiru nafu li Alla jħobbna ħafna, li dak li jixtieq li nagħmlu huwa għal ġid tagħna. Alla qatt ma jitlob xi ħaġa ħażina mingħandna. Il-fidi hija meta aħna nafdaw f’Alla, għalkemm ma narawhx, bl-istess mod li aħna nafdaw fil-ġenituri waqt il-logħba. 

Fit-tieni parti tal-Evanġelju, Ġesù tkellem dwar il-qaddej u s-sinjur. Hawnhekk Ġesù qiegħed jgħidilna li meta nħobbu lil Alla, inkunu nixtiequ nagħmlu dak li jrid hu. Anke meta nagħmlu xi ħaġa żgħira, Alla jieħu gost biha u jista’ juża dak li nagħmlu biex biha jagħmel affarijiet kbar. Per eżempju, tkunu deħlin l-iskola u taraw ħabib tagħkom li jkun qed jibki fil-karozza u ma jkunx irid jidħol l-iskola. Intom tmorru ħdejh u tgħidulu jidħol magħkom, u huwa jagħmel hekk. Intom m’għamiltu xejn kbir; kemm dħaltu l-iskola miegħu, iżda biddiltu b’mod tajjeb il-ġurnata ta’ dik il-persuna! Kieku ma mortux ħdejh, forsi kien jibqa’ mdejjaq matul il-ġurnata kollha! (nota: biddlu fil-femminil jekk hemm bżonn).

Ħarsu lejn il-globu tad-dinja. Tistgħu ssibu lil Malta? Issa tistgħu ssibu pajjiż jismu Israel? Dan huwa l-pajjiż li fih kien jgħixu Ġesù u l-ħbieb tiegħu. Ġesù kien jgħallem f’dan il-pajjiż, u wara ried li l-ħbieb tiegħu jgħallmu aktar nies. Issa kieku l-ħbieb tiegħu m’għamlux kif ried Ġesù, x’kien jiġri? Aħna li ngħixu f’Malta, ma konniex insiru nafu dwar it-tagħlim ta’ Ġesù! Qegħdin taraw tfal? Qatt ma għandna naqtgħu qalbna milli nagħmlu affarijiet tajba, għax Alla jista’ jagħmel affarijiet kbar b’dak li nagħmlu aħna!

Isimgħu din is-song, li tgħid li jekk ikollna fidi daqs żerriegħa tal-mustarda nistgħu mmexxu muntanja! Fl-Evanġelju tal-lum, smajna lil Ġesù jgħidilna li nistgħu mmexxu siġra tat-tut. Ġesù mhux qiegħed jgħid li ser nagħmlu xi magic, imma kif għidna qabel, li meta aħna nagħmlu dak li jixtieq Alla, Alla jista’ jagħmel xi ħaġa ħafna akbar li aħna waħedna żgur li ma nistgħux nagħmlu, bħalmeta l-ħbieb ta’ Ġesù komplew jgħallmu lin-nies u oħrajn għamlu bħalhom, u dan it-tagħlim wasal għandna wkoll. Faith as small as a mustard seed.

Radd tas-salib

Illum, 2 ta’ Ottubru, hija l-festa tal-Anġlu Kustodju. L-Anġlu Kustodju jgħinna biex nagħmlu għażliet tajba, kif jixtieq Alla. Nidraw ngħidu din it-talba kuljum, meta nqumu u qabel norqdu. Sibu t-talba Talba tal-Anġlu Kustodju.


Illum Ġesù ser jgħallimna dwar il-fidi u li dak li nagħmlu, għandna nagħmluh biex nogħġbu lil Alla. Ġesù jibda din is-silta billi jgħid din il-frażi, “fidi daqs żerriegħa tal-mustarda.” Taħsbu li din iż-żerriegħa hija kbira jew żgħira? (nota lill-ġenituri, fittxu fuq l-internet u uruhom id-daqs taż-żerriegħa tal-mustarda) Ġesù qiegħed jgħid li jrid ikollna ħafna jew ftit fidi? Ejjew nisimgħu x’ser ikompli jgħid Ġesù.

  • Aktar ma nsiru nafu lil Alla, aktar ser inkunu nafdaw fih, u l-fidi tagħna tkun soda
  • L-istampa tas-siġra
  • Lapes

Intom temmnu f’Alla? (ħallu lit-tfal iwieġbu huma)

Xi tfisser li temmen f’Alla?

Ejjew naraw filmat qasir dwar raġel li kien jimxi fuq ħabel u jaqsam minn post għall-ieħor minn fuq il-ħbula!

X’laqatkom minn dan il-filmat? 

Hemm drabi fejn aħna ngħidu, li nemmnu f’Alla. Nemmnu li Alla jħobbna u jrid dak li hu tajjeb għalina, iżda meta niġu biex nagħmlu għażliet, ġieli nagħmlu dak li jidhrilna aħna u mhux dak li jrid Alla. X’nagħmlu meta nagħmlu xi ħaġa u nkunu nafu li jkun ġej xi kastig minħabba dak li nkunu għamilna? Nigdbu jew ngħidu l-verità? X’nagħmlu meta sħabna jwaqqgħu lil xi ħadd għaċ-ċajt? Nagħmlu bħalhom? Jekk qabel ma tibda l-iskola jkun hemm quddiesa, x’nagħmel? Immur jew nibqa’ nilgħab ma’ sħabi? U jekk immur, inħajjar lil sħabi jiġu miegħi jew nistħi ngħidilhom li mmur għall-quddiesa?

Fil-filmat, kulħadd kien mistagħġeb bl-abbiltà ta’ Blondin, kulħadd emmen li hu seta’ jieħu lil xi ħadd minnhom min-naħa għall-oħra, fuq il-ħabel. Madanakollu ħadd ma ried li jkun hu li jafda lilu nnifsu f’idejn Blondin. F’dan il-filmat jgħid li ommu tmur u taqsam hi, fir-realtà ma sarx hekk, għalkemm darba kien hemm min ħalla lil Blondin jieħdu min-naħa għall-oħra. Il-filmat jurina, li omm Blondin, mhux biss qalet li temmen fl-abbiltà tiegħu, iżda wriet ukoll li temmen, meta fdat ħajjitha f’idejh. Ġesù dak li jixtieqna li nitgħallmu llum, li mhux biss ngħidu li nemmnu f’Alla, iżda wkoll nagħmlu dak li jixtieq Alla.

Dwar dak li nagħmlu, Ġesù xtaq jgħallimna xi ħaġa wkoll. Hu jitkellem dwar ir-relazzjoni ta’ qaddej u s-sinjur tiegħu. Aħna qisna l-qaddejja, Alla huwa s-sinjur. Meta aħna nagħmlu xi ħaġa tajba, m’għandniex nagħmlu hekk biex ifaħħruna n-nies. Għandna nagħmlu dak li hu tajjeb, għax Alla jrid li nagħmlu hekk. Dan ma jfissirx li ma nieħdux gost meta n-nies ifaħħruna ta’ dak li għamilna jew tal-kapaċitajiet tagħna. Madanakollu, t-tifħir m’għandux ikun ir-raġuni għalfejn nagħmlu dak li nagħmlu. 

Illum semmejna li għandu jkollna fidi f’Alla u nuru li nemmnu meta nagħmlu dak li jixtieq Alla minna. Kif nistgħu nkunu sodi fil-fidi tagħna? Il-fidi tagħna tissaħħaħ, aktar ma nsiru nafu lil Alla. Ġesù jqabbel il-fidi ma’ żerriegħa. Biex iż-żerriegħa tikber u ssir pjanta jew siġra, u jkollha l-fjuri jew frott, irridu nieħdu ħsiebha. L-istess il-fidi. Aħna ngħidu li l-fidi hija rigal li jagħtina Alla, iżda rridu nieħdu ħsiebha wkoll. Kif taħsbu li nistgħu nieħdu ħsieb u nagħmlu l-fidi tagħna aktar soda? (naqraw il-Bibbja, immorru l-quddies, ngħixu kif jixtieq Alla, nitolbu, naqraw il-ħajjiet tal-qaddisin, dak li nagħmlu nagħmluh biex Alla jieħu gost bina)

Fl-attività tal-lum, għandkom stampa ta’ siġra bl-għeruq. Mill-għeruq is-siġra tieħu dak li għandha bżonn biex tikber b’saħħitha. Fl-għeruq, iktbu dak li għandkom bżonn biex il-fidi tagħkom tkun b’saħħitha. Waħħlu din l-istampa fil-kamra tagħkom, biex meta tħarsu lejha tfakkarkom kif issaħħu l-fidi.Meta tlestu, isimgħu, Faith.

Inroddu s-salib.

Illum, 2 ta’ Ottubru, hija l-festa tal-Anġlu Kustodju. L-Anġlu Kustodju jgħinna biex nagħmlu għażliet tajba, kif jixtieq Alla. Nidraw ngħidu din it-talba kuljum, meta nqumu u qabel norqdu. Sibu t-talba fuq Talba tal-Anġlu Kustodju

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.