Dejjem jismagħna

29 Ħadd ta' Matul is-Sena Ċ

L-Evanġelju ta’ din il-ġimgħa forsi jista’ jolqotna ftit iktar mis-soltu. F’xi punt jew ieħor, ilkoll sibna ruħna nitolbu lil Alla – biex jisma’ t-talb tagħna u jgħinna. Tabilħaqq, ħafna drabi nitolbu, imma l-mistoqsija hija – kemm-il darba nkomplu nitolbu meta nħossu li t-talb tagħna mhux qed jinstema’? Kemm-il darba naqtgħu qalbna nitolbu jew nispiċċaw nemmnu li Alla qed jinjorana u ma jimpurtahx? Nafu verament nagħrfu il-valur prezzjuż li għandu t-talb?

Dawn il-mistoqsijiet huma importanti. Din il-ġimgħa, Ġesù jgħidilna xi ħaġa kruċjali. Alla l-Missier iridna nibqgħu nitolbuh! Xi drabi, Alla ma jridniex nitolbu ftit drabi biss imma irid li nibqgħu nitolbu. Ejjew nirriflettu ftit: li kieku Alla ma riedx jgħinna, kien se jitlobna nkomplu nitolbuh? Kieku int stess ma kontx lest li tgħin lil xi ħadd, toqgħod tħeġġeġ lil din il-persuna sabiex tkompli titolbok l-għajnuna? “L-imħallef” ma ħax gost jiġi mistoqsi, imma dan għax ma riedx jgħin lill-mara armla. Jekk xi ħadd iħeġġiġna nitolbu, dan għaliex ikun irid jgħinna! Iżda xorta waħda, hawn, wieħed għandu mnejn ikompli jgħid, jekk Alla verament irid jgħinna, allura għaliex kultant, anki wara li nitolbu għal żmien twil, ma nħossuniex mismugħa jew megħjuna?

Sabiex inwieġbu din il-mistoqsija hemm bżonn li nippruvaw naħsbu ftit ‘barra mill-kaxxa’. Jeħtieġ nippruvaw naħsbu bil-mod ta’ kif jaħseb Alla – mhux ta kif jaħseb il-bniedem. X’inhu l-għan aħħari tagħna bħala bnedmin? X’jgħinna niffjorixxu tassew? It-tweġiba għal din il-mistoqsija hija fundamentali. Il-verità hi li dak li jgħinna nikbru tassew, hu li nkunu aktar bħal Alla u li nkunu magħqudin ma’ Alla (jiġifieri li nikbru iktar qrib tiegħu). Wara kollox, aħna magħmula xbieha tiegħu! Xi drabi, l-affarijiet li nixtiequ, anki jekk fuq din l-art naħsbuhom importanti u prezzjużi, ma jkunux aktar prezzjużi minn dawk l-affarijiet li jgħinuna nersqu qrib lejn Alla. Xi drabi, għalhekk, l-att li nitolbu u nikbru fil-fidi jgħinna aktar milli nirċievu dak li qed nitolbu – anke jekk dak li qed nitolbu jidher l-aktar importanti. Ir-raġel agħma jista’ jitlob biex il-vista tiegħu tiġi imfejqa, iżda fil-verità, ikun ħafna aħjar jekk ‘il-vista-spiritwali’ tiegħu tiġi mfejqa, sabiex jesperjenza lil Kristu b’mod iktar ċar! Dan ifisser li kulmeta nkunu qed nitolbu u nħossu li mhux qed nirċievu dak li qed nitolbu għalih, jeħtieġ nistaqsu lilna nfusna: ‘dak li qed nitlob, huwa iktar importanti mit-tkabbir tiegħi fil-fidi u fix-xebh tiegħi ma’ Alla?’. ‘Jista’ jkun li Alla sempliċement qed jgħinni nikber fil-fidi u l-perseveranza?’. Ladarba Alla hu mħabba, għandna nibqgħu ċerti li Alla qatt ma huwa qed jinjorana, u li bil-grazzja tiegħu, dak kollu li jagħmel ikun għall-ġid tagħna!

Jekk nafdaw lil Alla fiż-żminijiet tajbin u ta’ ferħ biss, il-fiduċja tagħna tkun waħda superfiċjali. X’jiġri jekk ir-raġel jew il-mara tiegħek, il-ħbieb jew il-qraba tiegħek, jafdawk biss meta l-affarijiet ikunu sejrin tajjeb, verament ikunu jafdawk? 

Ċertament, xi drabi Alla jipprova jikkultiva l-fiduċja u l-fidi tagħna billi “jagħtina” u billi jġegħelna nħossuna maħbubin! Dan jiġri wkoll. Tabilħaqq, hemm modi differenti li bihom nikbru. Imma hawnhekk, il-punt li jeħtieġ inżommu f’moħħna hu li l-ebda talb m’huwa inutli. Anke jekk it-talb ġieli jinħass inutli, mhuwiex inutli għax f’kull att ta’ talb qed nidderieġu l-attenzjoni tagħna u lil qalbna lejn Alla. Meta nidderieġu qalbna u ħsibijietna lejn Alla, ngħinu lil ruħna tikber f’għaqda u fil-ħbiberija ma’ Alla. Din hija l-akbar virtù li xi ħadd jista’ jaspira għaliha! Huwa minħabba dan li Ġesù tant talab. Fl-aħħar mill-aħħar, din hija bħal ħbiberija umana. Tista’ tingħaqad ma’ xi ħadd biss jekk issir tafhom u tqatta’ ħin magħhom. U dan hu l-irwol tat-talb. Li titlob ifisser li sempliċement inkunu preżenti m’Alla. U meta nkunu hemm, Alla jkun hemm ukoll, dejjem, kif qaltilna Ommna Marija f’Medjugorje:

“Intom tafu, għeżież tfal, li Alla jagħti grazzji speċjali fit-talb… Insejħilkom, għeżież tfal, għat-talb bil-qalb.” (25 ta’ April 1987).

U,

“Mingħajr talb bla waqfien, ma tistawx t’esperjenzaw is-sbuħija u l-kobor tal-grazzja li Alla qed joffrilkom. Għalhekk, itolbu! Nixtieq li permezz ta’ kull wieħed minnkom jitwettaq il-pjan ta’ Alla, biex dak kollu li Alla ħawwel f’qalbkom iseħħ.” (25 ta’ Frar 1989).

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Lq 18:1-8)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal parabbola lid-dixxipli tiegħu biex jurihom li għandhom dejjem jitolbu bla ma jaqtgħu. Qalilhom: “Kien hemm f’belt wieħed imħallef, li la kien jibża’ minn Alla u lanqas iħabbel rasu minn ħadd. F’dik il-belt kien hemm waħda armla, u kienet tmur għandu u tgħidlu: “Agħmilli ħaqq kontra l-għadu tiegħi”. Hu ma riedx, u dam ħafna hekk; iżda mbagħad bejnu u bejn ruħu qal: “Mhux għax nibża’ minn Alla jew għax se nħabbel rasi min-nies, imma għall-inqas għax din l-armla dejqitni; ħa nagħmlilha ħaqq, biex ma tibqax ġejja u sejra sa ma tifnini”.

U l-Mulej qal: “Isimgħu ftit x’jgħid l-imħallef il-ħażin. Imbagħad Alla, lill-magħżulin tiegħu li jgħajtulu lejl u nhar, sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq? Se joqgħod itawwal magħhom? Jiena ngħidilkom li malajr jagħmlilhom ħaqq. Imma taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Ħu mument biex tirrifletti fuq l-imħabba profonda  ta’ Alla. Alla tagħna qatt ma jinjora t-talb tagħna – u madankollu, għal dawk il-mumenti meta nħossuna injorati, ejjew nitolbu biex Hu jagħtina “l-grazzja” li nafdawh u nitgħallmu kif naħsbu b’moħħu. 
  4. Ġieli kien hemm xi punt fejn it-talb tiegħek ma ġiex imwieġeb u allura, b’riżultat ta’ dan, għadek qed iżżomm xi forma ta’ rabja kontra Alla? Jekk iva, itlob biex il-Missier jagħtik il-grazzja li tkun paċenzjuż/a u biex tkun kapaċi tagħraf dawk ir-rigali li hu ikun tak minflokhom.
  5. L-affarijiet li nitolbu għalihom huma affarijiet li għad għandna tama u fidi għalihom. Meta nkunu waqafna nitolbu, dak li nkunu għamilna hu li qtajna qalbna li t-talb tagħna qatt xi darba jinstema’ jew jitwieġeb! Ħu mument biex tirrifletti fuq it-tip ta’ talb li qed titlob – hemm xi talb li qtajt qalbek minnu? Ġesù jitlobna nagħżlu li nitolbu aktar, u mhux naqtgħu qalbna.
  6. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Luqa (Lq 18:1-8)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  7. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  8. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Intom titolbu? Qatt tlabtu lil Ġesu umbad staqsejt lilek innifsek jekk hux se jwieġeb it-talba tiegħek?

Meta tħossu li Ġesu ma weġibx, ġieli waqaftu titolbu?

  • Dwar l’importanza li nkomplu nitolbu ghaliex Alla dejjem jisma it-talb tagħna.

Marker tal-Whiteboard

• Whiteboard

Fl-Evanġelju ta’ din il-ġimgħa, Ġesù jirrakkonta Parabbola biex jgħallimna sabiex nitolbu dejjem. Nisimgħu storja dwar armla u imħallef li ma kienx iħobb lil Alla u lanqas lil nies oħra. 

Darba waħda, l-armla ħarset lejn ir-razzett tagħha u ħasset dispjaċir kbir. “Mhux ġust,” qalet lill-kelb tagħha. “Il-ġar tiegħi jippretendi li ma jarax iċ-ċint imkisser tiegħu. Irid li l-baqar tiegħu jieklu mir-razzett tiegħi.”

Umbad qalet, “ejja mmorru inkeċċu dawk il-baqar lura fir-razzett tagħhom!”. L-armla u l-kelb ħarġu l-annimali, imbagħad wara, l-armla ħadet l-għodda tagħha u rranġat iċ-ċint sabiex ma jidħlux iktar baqar. Izda l-għada, iċ-ċint reġa’ tkisser u l-baqar reġgħu daħlu fir-razzett tagħha.

Dan ġara aktar, jum wara jum. “Jien sejra għand l-imħallef!”, l-armla qalet lill-kelb tagħha, “Oqgħod hawn u ħu ħsieb il-baqar tagħna.” Il-kelb fidil ra lill-armla titlaq, imbagħad mar joqgħod jara l-baqar. L-armla waslet il-belt u minnufiħ marret sal-bieb tad-dar tal-imħallef.

“Imħallef,” qalet, “il-ġar tiegħi mhux qed ikun ġust. Għandi bżonnok tgħinni.” L-imħallef ippretenda li jismagħha, iżda meta marret lura d-dar, hu ma għamel xejn biex jgħinha. Hu ma impurtahx x’ġara mill-armla. Ma impurtahx jekk il-ġar tagħha kienx qed jisraq l-ikel ta’ l-annimali tagħha. L-imħallef kien egoist, jaħseb biss dwaru nnifsu.

L-armla marret id-dar u stenniet li l-imħallef jgħinha. Xorta l-baqar tal-ġar daħlulha fir-razzett. “L-imħallef mhux ġej,” qalet. “se mmur lura u nerġa’ nistaqsih.” Għalhekk l-armla reġgħet libset il-ħwejjeġ tagħha u marret id-dar tal-imħallef. “Imħallef,” reġgħet qalet. “Il-ġar tiegħi għadu mhux qed ikun ġust. Trid tgħinni!” Għal darb’oħra l-armla marret id-dar u għal darb’oħra l-imħallef ma għamel xejn.

L-Armla ma qatgħetx qalbha. Marret lura għand l-imħallef għal darb’oħra. Imbagħad darba l-imħallef qal bejnu u bejn ruħu, “jien għajjietni din l-armla – tiġi għandi l-ħin kollu. Se ngħinha biex ma tibqax idejjaqni”.

L-imħallef tkellem mal-ġar tal-armla. Hu qallu, “ġar, se nikkastigak jekk ma tkunx ġust mal-armla.” “imħallef,” qal il-ġar. “iva, iva, se nkun ġust magħha.” Wara dan, il-ġar żgura li iċ-ċint tiegħu jkun imwaħħal sew u li l-baqar tiegħu ma jieklux mir-razzett tal-armla. Sa fl-aħħar, L-armla kienet ferħana. “Ninsab kuntenta li ma waqafx nitlob lill-imħallef biex jgħinni. Il-ġar huwa ġust magħna issa.”

Staqsi dawn il-mistoqsijiet:

L-armla ttrattat lill-ġar tagħha kif ittrattaha hu? 

Fejn marret l-armla biex issib l-għajnuna? 

L-imħallef għenha? Għaliex le? 

L-armla kienet persistenti, baqgħet tipprova. Ġesu jgħidilna din il-parabbola sabiex jurina li, meta nitolbu, aħna irridu inkunu bħal l-armla. Kif nistgħu nkunu bħall-armla?

Logħba:

Għid: “se nagħmel xi azzjonijiet, imbagħad irridkhom tagħmlu eżattament dak li għamilt jien.”

B’mod mgħaġġel; għamel serje ta ‘azzjonijiet: 1. ċapċap, tektek sieqek bil-lemin u bix-xellug. 2. Faqqa subajk, ċapċap. 3. Tektek is-sieq il-lemin, tektek is-sieq il-lemin, tektek is-sieq ix-xellug, tektek is-sieq ix-xellug. 4. Ċapċap, ċapċap, ċapċap. 

Għid: “issa għamlu dak li għamilt jien.”

It-tfal mhux se jiftakru l-erba’ sekwenzi kollha.

Imbagħad staqsi: “kif tħossukhom meta ma tkunux tistaw tiftakaru? Hi xi ħaġa frustranti. Issa ejja nippruvaw:”

Erġa’ għamel kull sekwenza, imbagħad irrepetiha sakemm jitgħallmuha kollha. Żid sekwenza oħra u irrepeti sakemm it-tfal ikunu jistgħu jagħmlu t-tnejn. Kompli sakemm ikun hemm bzonn.

Għid: “kultant irridu nirrepetu xi ħaġa qabel ma nitgħallmuha. Ma nistgħux nistennew li nitgħallmu xi ħaġa mill-ewwel. Hekk hu bit-talb. Itolbu dejjem! Ibqaw itolbu anke jekk forsi ma jkollolkomx tweġiba mill-ewwel, imma maż-żmien, ikun hemm tweġiba.”

Fl-aħħar, għid li m’għandniex għalfejn ninżlu għarkobbtejna biex nitolbu. Nistgħu nitolbu bil-kwiet. Nistgħu ukoll nitolbu b’moħħna jew b’qalbna. Nistgħu nitolbu billi nitkellmu b’mod ‘normali’ ma Ġesu (i.e. bil-kliem ordinarju/mhux bit-talb).

Radd tas-salib

Għażiż Ġesù, għinna jkollna l-fidi u l-fiduċja fik meta nitolbu. Għinna nitolbuk kull darba li jkollna bżonn – għax aħna dejjem bżonnok. U għinna ma naqtgħux qalbna meta ma nirċievux dak li rridu mill-ewwel. Nitolbu biex tispirana biex inkunu bħall-armla tal-parabola!


Fl-Evanġelju tal-lum nisimgħu lil Ġesù jitkellem fuq kemm hu importanti li nitolbu b’mod konsistenti. Ġesù jassigurana li t-talb tagħna dejjem jinstema’ u li jekk verament nixtiequ xi ħaġa, irridu nibqgħu nitolbu sakemm nirċievu!

  • It-talb tagħna dejjem jinstema’ – anke jekk xi drabi dan ma jinħassx. Fil-fatt, Ġesù jgħidilna biex dejjem u qatt ma nieqfu nitolbu!
  • Marker tal-Whiteboard
  • Whiteboard
  • Karta
  • Pinna/lapes

Il-parabbola tal-armla u l-imħallef inġust (Luqa 18:1–8) hija parti minn sensiela ta’ lezzjonijiet illustrattivi li Ġesù uża biex jgħallem lid-dixxipli tiegħu dwar it-talb. Luqa jintroduċi din il-lezzjoni bħala parabbola intenzjonata biex turi lid-dixxipli “li għandhom dejjem jitolbu u qatt ma jaqtgħu qalbhom”.

Il-parabbola ta’ din il-ġimgħa tinsab f’belt anonima. F’din il-belt hemm imħallef inġust li m’għandu l-ebda biża’ minn Alla u l-ebda mogħdrija għan-nies taħt il-kontroll tiegħu. Fil-komunità Lhudija, l-imħallef kien mistenni li jkun imparzjali, li jiġġudika b’mod ġust, u li jagħraf li l-ġudizzju fl-aħħar mill-aħħar jappartjeni lil Alla (Dewteronomju 1:16–17). Għalhekk, l-imħallef f’din l-istorja hu inkompetenti u mhux kwalifikat għax-xogħol. Il-ġustizzja ma kienitx qed issir għax hu ma kienx jimpurtah minnha!

Armla tiġi quddiem l-imħallef biex tressaq il-każ tagħha. Issa, skont il-liġi Lhudija, ir-romol jistħoqqilhom protezzjoni speċjali taħt is-sistema tal-ġustizzja (Dewteronomju 10:18; 24:17–21; Ġakbu 1:27). Imma dan l-imħallef inġust jinjoraha. Madankollu, hi ma taqtax qalbha.

Eventwalment, l-imħallef jgħid lilu nnifsu, “jien ma nibżax minn Alla u anqas jimpurtani min-nies, imma din il-mara qed iġġeninni. Se nara li tieħu ġustizzja, għax qed iddejjaqni bit-talbiet tagħha!”. L-armla, fl-aħħar, tikseb il-ġustizzja li kienet qed tfittex. Imbagħad, wara li jgħidilna dan kollu, Ġesù jispjega l-punt tiegħu. Il-punt hu li jekk fl-aħħar imħallef li hu bla ħsieb, ħażin, u bla Alla jwieġeb bil-ġustizzja, kemm aktar Missierna li jħobbna jagħtina dak li hu tajjeb għalina?

Mhux dejjem niksbu riżultati immedjati meta nitolbu. Tabilħaqq, id-definizzjoni tagħna ta’ ġustizzja mhijiex l-istess bħad-definizzjoni tal-Mulej. Il-parabbola tal-armla li tibqa’ tistaqsi turi li talb effettiv jeħtieġ li jkollna l-fidi. Dixxiplu ġenwin irid jitgħallem ma jaqta’ qalbu qatt. Nistgħu nkunu żguri bis-sħiħ li l-Mulej iwieġeb meta, fejn, u kif jagħżel Hu! Alla jistenna li nibqgħu nistaqsu, infittxu, inħabbtu, u nitolbu sakemm jaslu t-tweġibiet (Mattew 7:7–8). Id-dixxipli ta’ Ġesù huma nies ta’ fidi persistenti. Għandna nkunu nafu li Alla jħobbna, u xi ħadd li jħobb dejjem jgħin!

Attività:
1. ħu ftit tal-ħin u agħmel lista tal-affarijiet/persuni li tixtieq titlob għalihom

2. aqraw it-talb kollu flimkien bħala grupp

3. wara li kulħadd ikun esprima t-talb tiegħu, itolbu flimkien

4. ħudu ftit ħin biex tirriflettu fuq kemm inti (kull żagħżugħ) tqatta’ ħin fit-talb matul il-ġurnata

Fl-aħħarnett, kellem liż-żgħażagħ dwar it-talb. Staqsihom: x’inhu t-talb? Jistaʼ jkollhom ideat differenti dwar x’inhu u x’jfisser it-talb. Hawnhekk, iddeskrivi li hemm modi differenti kif wieħed titlob. Per eżempju, wieħed m’għandux għalfejn jgħid il-Missierna jew l-Ave Marija biex jitlob. Wieħed jista ‘sempliċement jitkellem u jkellem lil Alla kif jaf hu/hi.

Fil-qosor, iddeskrivi x’m’għandniex nagħmlu meta nitolbu:

M’għandniex nitkellmu ma’ Alla biss meta rridu xi ħaġa.

Għandna nkunu nafu li Alla mhux dejjem se jagħtina dak li naħsbu li rridu (imma Hu jagħtina dak li għandna bżonn!)

Inroddu s-salib.

Għażiż Ġesù, għinna nagħrfu li inti dejjem tismagħna u tberikna b’dak li hu tassew l-aħjar għalina, anke meta kultant inħossu li t-talb tagħna mhux qed jinstema’. Għinna nitolbu Ġesù, għinna niskopru l-ferħ li jinsab meta aħna nkellmuk b’qalb miftuħa!

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.