Illum niċċelebraw il-festa ta’ Kristu Sultan. Huwa l-aħħar Ħadd tas-Sena Liturġika, il-Ħadd li ġej ikun l-ewwel Ħadd tal-Avvent. L-Evanġelju jħabbar l-akbar misteru tal-fidi tagħna, il-fidwa permezz tal-mewt ta’ Kristu fuq is-salib, meta Ġesù hu rivelat bħala Re, Mulej u Salvatur, tagħna lkoll.
Papa Piju XI waqqaf din il-festa fl-1925 biex jiġġieled iż-żieda fl-ateiżmu u s-sekulariżmu. Din il-festa tiċċelebra aspett mill-identità ta’ Ġesù; aħna nagħrfuh u nqimuh bħala Kristu, l-imgħallem tagħna.
Il-viżjoni ta’ Kristu Sultan, skont l-Evanġelju tal-lum, tikkontradixxi l-ideat li tagħti d-dinja, ta’ x’għandu jkun re jew mexxej. Ġesù mhux bilqegħda fuq tron, lanqas ma jgħix ġo palazz, imdawwar bis-servitu. Għall-kuntrarju, Ġesù ġie biex jaqdi u t-tron tieghu huwa s-salib. Hija xena ta’ vjolenza u qtil, ġrajja orribbli, li bil-qawwa ta’ Alla tinbidel fi ġrajja ta’ grazzja, fejn Ġesù huwa s-Salvatur u r-Redentur tagħna. B’dan il-mod, is-salib huwa t-tron ta’ Kristu Sultan li hu Sid u Mexxej ta’ kulħadd. Il-qawwa tiegħu hija radikalment differenti mill-qawwa tad-dinja; tiġi mill-imħabba li għandu għall-oħrajn, il-kuruna tiegħu mhix tad-deheb, imma tax-xewk iniggeż. B’ironija kbira, fuq is-salib hemm il-kitba, “Sultan tal-Lhud”, x’aktarx kienet kitba biex twaqqa’ għċ-ċajt, iżda minflok, kienet il-verità.
Il-ġrajja tal-ħalliel it-tajjeb, hija biss fl-Evanġelju ta’ San Luqa. Hekk kif il-folla qed tiżżufjetta, wieħed mill-ħallelin, imsallab ħdejh, jagħrfu bħala Ġesù l-Messija u Re. Meta għamel hekk, huwa kiseb is-salvazzjoni. Ġesù jgħidlu, “Illum tkun fil-Ġenna miegħi.” Dawk li kellhom il-fidi setgħu jaraw lil Ġesù bħala l-Mulej u Re. Bħala nsara, l-Evanġelju tal-lum, jistedinna biex nagħmlu l-ġudizzju tagħna u nintebħu li Ġesù hu Sultan. Bil-fidi, aħna wkoll, nirrealizzaw li Ġesù, l-imsallab, hu verament Re u Salvatur ta’ kulħadd. Staqsi lilek innifsek jekk dan huwiex dak li tħoss dwar Ġesù meta inti titlob quddiem il-kurċifiss. Anke waqt li kien fuq is-salib, Ġesù sab il-ħila biex jaħfer. Meta nkun fl-agħar mumenti ta’ ħajti, jien jirnexxieli naħfer?
Hu għalhekk li t-tifsir veru tas-Saltna tiegħu deher minn fuq l-għoli tas-Salib (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 440)