Fi triqtom!

It-Tielet Ħadd tal-Għid

L-Evanġelju tal-lum meħud minn San Luqa, u bħal tal-ġimgħa l-oħra juri kif l-ewwel komunità tad-dixxipli saru jemmnu li Ġesù verament qam mill-mewt. Għinna naraw ukoll, kif bdiet din l-ewwel komunità tal-Knisja. Turina li Ġesù dejjem ħa l-inizjattiva u jiġi għandna f’sitwazzjonijiet differenti u stadji differenti tal-ħajja tagħna. Anke jekk mixjin għall-għonq it-triq!

Il-ġrajja tirrakkonta l-istorja ta’ żewġ dixxipli li telqu minn Ġerusalemm lejn Għemmaws, wara l-mewt ta’ Ġesù. Il-vjaġġ tagħhom huwa wieħed uman għall-aħħar, huma kienu mnikktin għall-mewt u telfa ta’ Ġesù. Il-persuna li kienu mxew warajha, sostnewha u ddedikaw ħajjithom għaliha, kienet ingħatat mewt l-aktar kiefra. Wiċċhom kien xhieda ta’ din it-telfa, “ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom.” Xi darba jew oħra, aħna lkoll mxejna dan il-vjaġġ ta’ telfa. Hawn pajjiżi sħaħ li mexxjin dan il-vjaġġ flimkien, minħabba l-gwerra. Mingħajr ma jintebħu, il-persuna li kienu poġġew it-tama kollha tagħhom fiha, kienet miexja magħhom, tinkorraġġihom biex jitkellmu dwar din it-telfa tagħhom. Din il-persuna kienet qed tirrivela stampa ħafna aktar ta’ tama, minn dak li kien hemm miktub fl-Iskrittura. Kienet ġrajja li spiċċat fil-glorja u mhux bil-mewt. Il-kliem ta’ dan il-barrani, kebsitilhom qalbhom. F’din il-laqgħa, aħna għandna mudell għal-Liturġija tal-Kelma li niċċelelbraw meta ninġabru bħala komunità għall-quddiesa. Fil-parti l-oħra ta’ din il-ġrajja, insibu mudell għal-Liturġija Ewkaristika. Id-dixxipli jistiednu lil dan il-barrani (Ġesù) biex jibqa’ magħhom, u fil-qsim tal-ħobż jagħrfu min kien dan l-istranġier. Fil-qsim tal-ħobż, għajnejn id-dixxipli nfetħu, u jagħrfu li l-istranġier kien Ġesù. Meta aħna niċċelebraw il-Liturġija Ewkaristika, Ġesù jiġi fostna, ikun preżenti f’nofsna. Kristu Rxoxt, dejjem qiegħed magħna, kemm jekk qegħdin il-knisja, id-dar, l-isptar jew sempliċiment waqt mixja fit-triq. Hu jfarraġna meta nkunu mdejqa, mbeżża, waħedna, inċerti, eċitati. L-inizjattiva dejjem jeħodha hu, u hekk kif id-dixxipli reġgħu lura Ġerusalem biex jirrakuntaw l-esperjenza li kellhom ma’ Kristu Rxoxt, aħna wkoll mibgħuta mill-quddiesa biex naqsmu l-esperjenza ta’ Ġesù, ma’ oħrajn, u nwieġbu għas-sejħa tiegħu.

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Lq 24: 13-35)

Dakinhar stess fl-ewwel jum tal-ġimgħa, ġara li tnejn mid-dixxipli kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kull ma kien ġara. Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. U hu qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?”. U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom. Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Inti waħdek il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?”.

“X’ġara?”, staqsiehom Ġesù. Qalulu: “Dak li ġara lil Ġesù ta’ Nazaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja!

Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!”.

Qalilhom Ġesù: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kulma qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?”. U beda minn Mosè u l-profeti kollha jfissrilhom kulma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.

Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel tabirruħu li kien se jibqa’ sejjer aktar ’il bogħod. Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm”. Imbagħad daħal biex joqgħod magħhom. U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?”.

Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!”. U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. It-tema tal-lum hija ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. X’inhu l-impenn tiegħi biex tal-anqas, kull nhar ta’ Ħadd nattendi għall-quddiesa, flimkien mal-familja? It-tfal iħarsu lejn il-ġenituri bħala mudell għalihom. X’eżempju qed tagħti lit-tfal rigward l-importanza li jiċċelebraw il-liturġija tal-Ewkaristija?
  4. L-ikla flimkien, tista’ ssir laqgħa ta’ talb. Tibqax lura milli qabel l-ikel trodd is-salib u tgħid talba ta’ ringrazzjament. Għandek tagħmel dan, anke jekk qed tiekol ġo restaurant.
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn  San Luqa (24, 13-35)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp abjad
    v. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Illum nisimgħu dwar żewġ dixxipli, li wara l-mewt ta’ Ġesù, telqu minn Ġerusalemm biex imorru f’raħal jismu Għemmaws. Matul it-triq, huma jiltaqgħu ma’ xi ħadd speċjali, iżda għall-ewwel ma jagħrfuhx. Ejjew nisimgħu l-ġrajja biex naraw min kien.

Enjoy the videos and music that you love, upload original content and share it all with friends, family and the world on YouTube.
  • Aħna lkoll maħluqa fuq xbieha ta’ Alla, u Ġesù qiegħed f’kull wieħed u waħda minna, iżda xi drabi, aħna, dan ninsewh
  • Għajnejna jistgħu jinfetħu bħalma għamlu tad-dixxipli fl-Evanġelju tal-lum, jekk nisimgħu l-Kelma ta’ Alla u niċċelebraw ir-rigal ta’ Ġesù fil-quddiesa
  • Printout tal-qalb
  • Lapes / kuluri
  • Imqass 

L-istorja tal-Evanġelju tal-lum, tiġri ftit wara li salbu lil Ġesù, u hu miet fuq is-salib. Tnejn minn dawk li kienu jkunu miegħu, kienu mixjin lejn raħal jismu Għemmaws, qrib ta’ Ġerusalemm. Kienu qegħdin jitkellmu dwar dak li kien ġara fl-aħħar jiem. Waqt li kienu mixjin, raġel li ma kienux jafuh beda miexi ħdejhom. Fil-fatt kien Ġesù, iżda huma ma għarfuhx mal-ewwel. Ġesù staqsiehom dwar xhiex kienu qegħdin jitkellmu. Huma kienu mdejqa u sorpriżi li dan ir-raġel ma kienx jaf x’kien ġara lil Ġesù ta’ Nazaret. Huma qalulu dwar il-mewt ta’ Ġesù, fuq is-salib, u kif xi nisa li kienu marru ħdejn il-qabar, sabuh vojt. Minbarra hekk qalu li raw xi anġli li qalulhom li hu kien ħaj. Kif seta’ jkun dan? Ġesù beda jispjegalhom dak li kien hemm miktub dwaru fl-Iskrittura, u beda mill-ktieb ta’ Mosè. Hu spjega l-Iskrittura biex huma jifhmu li Ġesù kien qam mill-mewt. Iżda xorta waħda, id-dixxipli baqgħu ma għarfuhx. Fl-aħħar id-dixxipli staqsew lil Ġesù biex jibqa’ magħhom u jiekol magħhom. Waqt l-ikel, Ġesù ħa l-ħobż, bierku, qasmu u tahulhom. F’daqqa waħda, f’dan il-ħin, huma għarfu li dan ir-raġel kien Ġesù li kien qam mill-mewt. Għalfejn taħsbu li għarfu lil Ġesù f’dak il-ħin? Tiftakru xi ġrajja oħra, meta Ġesù qasam l-ikel mal-ħbieb tiegħu? Meta bierek u qasam il-ħobż magħhom? Dan għamlu fl-aħħar ikla, fil-lejl qabel ma miet. Aħna lkoll maħluqa fix-xbieha ta’ Alla, u Ġesù qiegħed f’kull wieħed u waħda minna, għalkemm aħna, xi drabi, dan ninsewh. Aħna bħad-dixxipli ta’ Għemmaws, ma nagħrfux lil Ġesù fin-nies li niltaqgħu magħhom. Iżda għajnejna jistgħu jinfetħu, bħalma għamlu tad-dixxipli li dwarhom qrajna llum. Irridu l-ħin biex insiru nafu lil dawk ta’ madwarna, meta naqsmu l-ikel ma’ oħrajn, dan huwa mod tajjeb biex insiru nafuhom. Meta nieklu flimkien, aħna naqsmu idejat u esperjenzi. Waqt il-quddiesa nisimgħu l-Iskrittura, u flimkien niċċelebraw ir-rigal ta’ Ġesù, meta naqsmu din l-ikla speċjali flimkien. Xi wħud minnkom qed tippreparaw għall-Ewwel Tqarbina, u xi wħud forsi diġà tqarbintu għall-ewwel darba; dejjem ftakru, li din hija ikla speċjali, fl-Ewkaristija aħna niċċelebraw ir-rigal ta’ Ġesù.

Agħmlu printout tal-qalb u fuqha iktbu talba qasira biex tgħiduha qabel l-ikel. Kull darba li tieklu jew taqsmu l-ikel, ftakru biex tfittxu lil Ġesù fl-oħrajn u aħsbu f’dawk in-nies kollha li taw sehemhom biex jasal l-ikel għandek. Ftakru f’dak li kabbru, ipproduċew u ppreparawh.

Isimgħu s-song, Jesus is alive.

Inroddu s-salib

Għażiż Ġesù, inti d-dawl tagħna, u dak li turina t-triq. Iftħilna għajnejna, biex nagħrfuk fin-nies li niltaqgħu magħhom kuljum. Iftħilna qalbna biex naqsmu b’ġenerożità dak li għandna, mal-oħrajn. Ammen.

Fl-Evanġelju tal-lum nisimgħu ġrajja ta’ żewġ dixxipli ta’ Ġesù,  li, wara l-mewt tiegħu, huma telqu minn Ġerusalem. Kienu mixjin lejn raħal jismu Għemmaws; kien madwar 7 mili ’l bogħod minn Ġerusalem. Waqt li kienu qed jitkellmu u jaħsbu dwar dak li kien ġara, Ġesù beda miexi ma’ ġenbhom. Iżda huma ma għarfuhx.

Enjoy the videos and music that you love, upload original content and share it all with friends, family and the world on YouTube.
  • Il-ġrajja tal-Evanġelju tal-lum tfakkarna f’dak li jiġri waqt il-quddiesa
  • Kull darba li niċċelebraw il-quddiesa, nagħrfu li Ġesù huwa preżenti kemm fil-Kelma, kif ukoll b’mod speċjali ħafna, fl-Ewkaristija
  • Printout tal-ostja
  • Imqass / gloj
  • Kuluri 
  • Brad fastener (butterfly clip)

Meta Ġesù ingħata l-mewt, xi dixxipli telqu minn Ġerusalemm. Kif taħsbu li kien qed iħossuhom, wara dak li kienu raw? X’aktarx kienu konfużi u diżappuntati. Waqt li kienu sejrin lejn Għemmaws, raġel beda jimxi ma ġenbhom. Kien Ġesù, li kien qam mill-mewt, iżda huma ma għarfuhx. Ġesù tkellem mad-dixxipli u staqsiehom jirrakuntawlu dak li kien ġara Ġerusalemm. Wara Ġesù beda jispjegalhom dak li kien hemm miktub fl-Iskrittura dwar dak li ġara. Ħassewhom vera tajjeb waqt li Ġesù kien qiegħed ikellimhom, u fil-fatt, meta waslu fir-raħal, staqsewh jibqa’ magħhom għall-ikel. Ġesù baqa’ magħhom u waqt l-ikel, bierek il-ħobż u qasmu u newwlu lid-dixxipli. F’dan il-mument, għajnejn id-dixxipli nfetħu, u huma għarfu li kien Ġesù nnifsu. Huma reġgħu marru lura Ġerusalemm biex jgħidu lid-dixxipli l-oħra li huma kienu raw lil Ġesù. Din il-ġrajja tfakkarna dwar dak li jiġri f’quddiesa. Aħna nisimgħu l-Kelma ta’ Alla mill-Iskrittura, fil-parti msejħa l-Liturġija tal-Kelma. Wara naqsmu ikel speċjali, u nagħmlu dak li kien għamel Ġesù. Is-saċerdot ibierek u jaqsam il-ħobż, din il-parti nsejħulha l-Liturġija Ewkaristika. Kull darba li niċċelebraw il-quddiesa, nagħrfu li Ġesù huwa preżenti fil-Kelma u b’mod speċjali fl-Ewkaristija. Fl-aħħar tal-quddiesa, is-saċerdot jgħid, “Morru fil-paċi ta’ Kristu.” Din il-parti tissejjaħ il-Rit tal-Għeluq. Bħad-dixxipli li kienu sejrin Għemmaws, aħna mibgħuta biex naqsmu l-aħbar tajba ta’ Ġesù mal-oħrajn. 

Biex niftakru l-messaġġ tal-lum, agħmlu printout tal-istampa. Aqtgħu l-partijiet kollha u agħtuhom il-kulur. Waħħlu l-istampa ta’ Ġesù (3) f’nofs l-ostja (1), aqtgħu l-ostja (4) min-nofs, u waħħlu kollox bil-brad fastener, biex b’hekk meta tinfetaħ, jidher Ġesù. Fuq wara tal-ostja (1) waħħlu l-kliem, “għarfuh fil-qsim tal-ħobż.” (2)

Isimgħu s-song, Jesus is Alive.

Inroddu s-salib

Alla Missier, għinna nagħrfu li Ġesù huwa preżenti fl-Iskrittura u fl-Ewkaristija. Għinna biex bħad-dixxipli li ltaqgħu ma’ Ġesù fit-triq lejn Għemmaws, aħna wkoll naqsmu l-esperjenza ta’ Ġesù mal-oħrajn. Ammen.

X’kulur kien liebes is-saċerdot illum?

Correct! Wrong!

Mil-liema ktieb kien l-Ewwel Qari?

Correct! Wrong!

Dan il-qari kien dwar

Correct! Wrong!

Min kiteb l-ittra li nqrat fit-Tieni Qari?

Correct! Wrong!

Biex fdiena Ġesù?

Correct! Wrong!

L-Evanġelju tal-lum kien skont

Correct! Wrong!

Fejn kienu sejrin id-dixxipli?

Correct! Wrong!

Min ingħaqad magħhom fil-mixja tagħhom?

Correct! Wrong!

Ġesù fissrilhom?

Correct! Wrong!

Id-dixxipli għarfu lil Ġesù meta,

Correct! Wrong!

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.