“Indmu għax is-saltna tas-smewwiet waslet.” Din hija t-twissija li kien jagħti Ġwanni. Is-sejħa ta’ Ġwanni, kienet biex in-nies jaħsbu dwar l-istil ta’ ħajja tagħhom, dwar il-prioritajiet tagħhom, u jinbidlu għall-aħjar. Hu kellu missjoni, u din kienet li jħejji lin-nies għat-tagħlim li Ġesù kien ser iwasslilhom.
Sabiex jisimgħu lil Ġwanni, in-nies kienu qed jitilqu mill-ibliet u l-irħula u jmorru fid-deżert. L-Avvent isejjaħ lilna wkoll biex immorru fid-deżert. Id-deżert huwa fejn ma hemmx distrazzjonijiet, post fejn jien inkun ma’ Alla, fis-silenzju jien niltaqa’ mhux biss ma’ Alla, iżda wkoll miegħi innifsi. Il-ħajja mgħaġġla li ngħixu, l-impenji tal-familja, ix-xogħol u d-dar iħalluna bla nifs. Imma jista’ jkun, li huwa tort tagħna wkoll, li aħna m’aħniex insibu ftit ħin fejn inkunu għall-kwiet? Jista’ jkun li dan is-silenzju lilna jbeżżagħna? Jista’ jkun li nibżgħu nħarsu lejn il-mera u naraw dak kollu li aħna? Dan hu li qed toffrielna l-Knisja permezz ta’ dan iż-żmien speċjali. Il-Knisja tistedinna nieqfu, nishru, kif qalilna l-Evanġelju tal-ġimgħa l-oħra, inħasru lejna nfusna kif iħares lejna Alla u nindmu. Li tindem ma jfissirx biss, li jien jiddispjaċini għall-għażliet ħżiena li għamilt, għad-dnubiet tiegħi, iżda wkoll li nieħu deċiżjoni ta’ kif jien ser ninbidel għall-aħjar, kif jien minn issa ’l quddiem se nimxi aktar fit-triq tal-Mulej.
L-Evanġelju tal-lum, qiegħed isejjaħ għall-indiema, għax id-dnub lilna ma jħalliniex ngħixu ħajja skont kif jixtieq Alla. Id-dnub itaqqalna, ma jippermettilniex li nikbru fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla, li nsiru nafuh aktar, li nħalluh iħobbna u jaħfrilna. Dan ma nistgħux nagħmluh waħedna. Irridu nħallu lill-Ispirtu s-Santu jaħdem fina, sabiex bil-qawwa tiegħu, aħna nistgħu ninbidlu u ngħixu l-ħajja li tagħtina ferħ u tama għax aħna wlied Alla.
Il-Fariżej u s-Sadduċej kienu bħal moħħhom mistrieħ li huma ser isalvaw għax “Għandna b’missier lil Abraham.” Ġwanni jwissihom li dan ma kienx biżżejjed. Aħna wkoll nistgħu naqgħu f’din in-nassa, naħsbu li la mgħammdin u mmorru l-quddiesa ta’ nhar ta’ Ħadd, aħna salvati. Il-ħajja tagħna trid tagħti l-frott; il-mod kif ngħixu jrid ikun xhieda ta’ dak li nemmnu.