Illum jaħbat r-raba u l-aħħar Ħadd tal-Avvent. Bdejna billi niċċelebraw it-tama, il-paċi, il-ferħ, u issa, din il-ġimgħa, nippreparaw biex niċċelebraw l-imħabba – l-akbar rigal li wieħed jista’ jirċievi – dak li fl-aħħar mill-aħħar lkoll nixtiequ! Fl-ewwel qari tagħna, nitkellmu dwar it-twelid ta’ tarbija – tarbija li se tissejjaħ “Emmanuel”. L-isem Emmanuel ifisser, “Alla magħna”. Għalhekk, hawnhekk niskopru li mill-bidu nett, mit-Testment il-Qadim, it-twelid ta’ Alla kien mistenni!
Il-qari tal-Evanġelju tagħna jiffoka ħafna fuq il-mod ta’ kif Ommna Marija ħarġet tqila. Huwa enfasizzat li kien permezz tal-Ispirtu s-Santu li Marija setgħet iġorr lil Ġesù. Dan huwa punt kruċjali. L-ewwel nett, peress li Ġesù hu Alla u Alla m’għandux “bidu”, jagħmel sens li Ġesù ma tnissilx b’mod naturali – għax il-fertilizzazzjoni tinvolvi “bidu ta’ ħajja”. Il-fatt li Ommna Marija nisslet lil Ġesù permezz tal-Ispirtu s-Santu, jixhed l-għaqda tagħha ma’ Alla l-Missier. Huwa minħabba li Marija kienet tant qrib il-Missier, li setgħet tirċievi l-Ispirtu s-Santu b’mod sħiħ u dirett! Kien minħabba li hi kienet mimlija mħabba (kemm għall-oħrajn u kif ukoll għal Alla), li setgħet twelled lill-Iben ta’ Alla – li huwa l-imħabba nnifisha.
Ejja issa nieħdu mument biex nirriflettu ftit fuq l-espressjoni “Alla magħna”. Xi tfisser verament din l-espressjoni? Alla b’liema modi huwa magħna?
1. Alla hu magħna meta jaħfrilna. L-isem “Ġesù” huwa l-verżjoni Griega ta ‘Joshua’, li tfisser “il-Mulej isalva”. Ġesù jsalvana billi jissostitwixxi ruħu magħna. Fit-tagħlim tiegħu, fil-ministeru tiegħu, fil-ħajja perfetta tiegħu bla dnub, fil-mewt tiegħu u fil-qawmien tiegħu, Ġesù wriena li Alla mhux sempliċiment magħna, imma li hu “għalina”.
2. Alla huwa magħna fil-karità tagħna u fir-relazzjonijiet tagħna. F’Mattew 18:20, Ġesù jgħidilna li fejn jinġabru tnejn jew tlieta minna f’ismu, hu jkun magħna! Filwaqt li m’għadniex naraw il-preżenza fiżika tiegħu fostna, nistgħu nkunu ċerti li hu magħna. Bħala Knisja, aħna l-ġisem tiegħu. Inkunu fejn inkunu, Alla qiegħed hemm ukoll.
1. Alla huwa magħna ukoll fl-uġigħ u fid-dubji tagħna. Salm 34:18 jgħidilna li “l-Mulej hu qrib dawk ta’ qalbhom maqsuma u li jsalva lil dawk li huma magħkusa fl-ispirtu”. L-imħabba ta’ Ġesù hija infinita u Hu jaf tajjeb xi jfisser li wieħed ikun imkisser u t-tradut. L-imħabba tiegħu testendi għalina anke fis-sigħat l-aktar mudlama tagħna – irridu sempliċiment inħalluh iħobbna.
Ovvjament, hemm aktar mumenti fejn Alla jkun magħna. Tabilħaqq, nistgħu ngħidu li Alla huwa magħna dejjem. Imma l-punt li għanna nenfasizzaw dan l-Avvent huwa l-ħtieġa tagħna li nagħmlu sforz sabiex nirċievu din l-imħabba u nesperjenzaw il-preżenza ta’ Alla! Alla jrid jitwieled fina. Imma aħna irridu niftħu qalbna wkoll – bħalma għamlet Ommna Marija, wara kollox. Ġesù twieled f’Marija, u jrid jitwieled fina ukoll. Se nħalluh?
“Aħna lkoll maħsuba biex inkunu ommijiet t’Alla. X’ġid hu jekk it-twelid tal-Iben divin iseħħ bla waqfien, imma ma jseħħx fija nnifsi? U, x’ġid hu għalija jekk Marija hi mimlija bil-grazzja jekk jiena m’iniex ukoll bil-grazzja? X’ġid hu għalija li l-Ħallieq iwelled lil Ibnu jekk jien ibnu ma jitwieledx ukoll fi żmieni u fil-kultura tiegħi? Din hi, mela, il-milja taż-żmien: Meta Bin il-bniedem jitnissel fina!” – Meister Eckhart, 1260-1328, Patri Dumnikan Ġermaniż