Introduzzjoni

It-12-il Jum tal-Milied

L-Avvent huwa żmien ta’ stennija, warajh jasal Żmien il-Milied. Intom tafu, li l-Milied mhux jum wieħed biss? Il-25 ta’ Diċembru hija l-festa tat-twelid ta’ Ġesù, u nibdew Żmien il-Milied. Dan ikompli għal 12-il jum sal-Epifanija. Il-Knisja, b’mod uffiċjali tagħlaq l-istaġun tal-Milied meta niċċelebraw il-Magħmudija tal-Mulej.

L-istaġun tal-Milied jibda fil-quddiesa tal-vġili tal-Milied, meta nirringrazzjaw lil Ġesù li ġie biex isalvana, f’nhar il-Milied niċċelebraw it-twelid ta’ Ġesù, ġo maxtura, f’Betlehem. Imbagħad fit-tnax-il jum ta’ wara, il-Knisja tiċċelebra numru ta’ festi oħra, l-ewwel waħda hija ta’ San Stiefnu, fis-26 ta’ Diċembru. Dan kien nisrani kuraġġuż, u l-ewwel wieħed li miet minħabba t-twemmin tiegħu, hu kien l-ewwel martri. Fis-sezzjoni, Eroj, tistgħu taqraw aktar dwaru. Fis-27 ta’ Diċembru, niċċelebraw il-festa ta’ San Ġwann appostlu (Evanġelista); jingħad li dan kien l-unika appostlu li miet minħabba x-xjuħija. L-għada, fit-28 ta’ Diċembru, hemm il-festa tal-Innoċenti. Dak in-nhar niftakru meta l-Familja Mqaddsa kellha taħrab lejn l-Eġittu biex tipproteġi lil Ġesù mir-Re Erodi, li kien ordna li jinqatlu t-trabi kollha, minħabba li beża’ li se jitlef is-saltna tiegħu. Niċċelebraw ukoll il-festa tal-Familja Mqaddsa, li hi ta’ eżempju għalina kollha. Festa kbira oħra hija fl-1 ta’ Jannar, meta nagħrfu lil Marija bħala Omm Alla. Permezz tal-ubbidjenza ta’ Marija u l-imħabba tagħha għal Alla, twieled Ġesù. Din hija festa kmandata, u aħna msejħa li nattendu l-quddies u nirringrazzjaw lil Marija. Fit-3 ta’ Jannar niċċelebraw il-festa tal-Isem Imqaddes ta’ Ġesù. Wara li l-anġlu Gabrijel deher lil Marija u staqsieha biex tkun omm Ġesù, hu deher ukoll lil Ġużeppi f’ħolma, u qallu li t-tifel ikun jismu Ġesù, li tfisser “Alla jsalva.” Tradizzjonalment, il-Knisja tiċċelebra l-Epifanija tal-Mulej, fis-6 ta’ Jannar. Epifanija tfisser ‘wirja, sejba ta’ xi ħaġa li qabel kienet moħbija’ u niċċelebraw iż-żjara tal-għorrief li lil Ġesù Bambin, ippreżentawlu r-rigali ta’ deheb, inċens u mirra (rigali prezzjużi). Niftakru wkoll fil-magħmudija ta’ Ġesù fix-xmara Ġordan u l-ewwel miraklu f’Kana. Dawn huma wkoll ġrajjiet meta Alla wera lilu nnifsu permezz tal-azzjonijiet ta’ Ibnu Ġesù. Il-festa tal-Magħmudija ta’ Ġesù twassal lill-Knisja fit-tmiem taż-Żmien il-Milied. Kif nistgħu naraw, dawn huma 12-il jum b’ħafna festi speċjali fejn nagħtu ġieh u niċċelebraw lil Marija, Ġesù u Ġużeppi. Niċċelebraw ġrajjiet importanti fil-ħajja ta’ Ġesù, mit-twelid tiegħu sakemm beda jgħallem lin-nies.

Hemm innu popolari tal-Milied, jismu The Twelve Days of Christmas. Jekk qatt ma smajtuh, isimgħuh issa.

Dan huwa innu dwar xi ħadd li jagħti 12-il rigal. Xi wħud minn dawn ir-rigali huma stambi, iżda hemm sinifikat għal kull rigal. F’dawn it-12-il jum li ġejjin, ħa naraw t-tifsira ta’ dawn it-12-il rigal.

Hu maħsub li dan l-innu nkiteb ħafna snin ilu (fis-16-il seklu), fl-Ingilterra. Kien mod kif it-tfal jitgħallmu dwar il-fidi nisranija, fi żmien meta ma kienux ta’ daqs tant f’libertà biex jagħmlu dan. Dan l-innu qisu fih kodiċi sigriet! Tridu tkunu tafu x’inhu l-messaġġ speċjali?