Għadna fi Żmien il-Milied u llum, l-Ewwel tas-Sena, il-Knisja tiċċelebra s-solennità ta’ Marija, Omm Alla, Theotokos. Kieku kellu xi ħadd jiddeskrivi lil Marija fi ftit kliem, konna ngħidu li hi dejjem kienet qrib ta’ Alla u għamlet ir-rieda tiegħu. Aħna mħeġġa li nużaw lil Marija bħala mudell għalina, u l-Evanġelju tal-lum jagħtina ħjiel ta’ kif Marija rnexxielha tgħix il-ħajja qaddisa li għexet.
L-Evanġelju tal-lum diġà rrifflettejna fuqu l-ġimgħa l-oħra, għax huwa s-silta minn San Luqa, meta r-ragħajja jmorru jżuru lill-familja mqaddsa wara li l-anġli jħabbrulhom it-twelid tal-Messija. Tiżdied biss, sentenza dwar ċ-ċirkonċiżjoni ta’ Ġesù u l-għotja ta’ ismu. L-ispjega tal-ġimgħa l-oħra kienet dwar ir-ragħajja, illum se nikkonċentraw fuq Marija.
“Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha.” Marija kienet tirrifletti u taħseb dwar il-ġrajjiet li għaddew u li kienu għaddejjin. Hi kienet timmedita fuqhom. Permezz tagħha Ġesù sar bniedem. Kienet Marija, għalhekk li wasliltilna lil Ġesù. Għidna li aħna, għandna nużaw lil Marija bħala eżempju għal ħajjitna. Allura, jekk inħarsu lejna nfusna, aħna, kemm fil-fatt inwasslu lil Ġesù għand l-oħrajn, nibdew mill-familja tagħna stess? Marija kienet taħseb u tirrifletti. Aħna ngħixu ħajja mgħaġġla sfrenata, niġru minn ħaġa għal oħra, kemm għandna ċans nieqfu u nirriflettu fuq dak li qiegħed jgħaddi minna, u naraw l-id ta’ Alla fihom? Marija ma kinitx tirrifletti għax kellha ħafna ħin fuq idejha, Marija kienet timmedita, għax kienet tagħmel il-ħin fir-rutina tagħha. U aħna dan li rridu nagħmlu, inkella mhux ser nintebħu li Alla hu magħna (Għimmanu-El).
Marija ma fhemitx mal-ewwel dak li Alla ried minnha. Kienu dawn ir-riflessjonijiet u meditazzjonijiet li għenuha tgħid “iva.” Aħna wkoll irridu ‘ngħożżu f’qalbna dawn il-ħwejjeġ kollha’ u nafdaw f’Alla, anke ma nifhmux. Marija kienet “mimlija bil-grazzja,” aktar ma ninfetħu għas-sejħa ta’ Alla u naċċettawha, aktar se tikber il-grazzja fina u nimtlew, bħal Marija, bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu.
Meta ngħidu t-talba tar-rużarju, qabel kull misteru ngħidu, “nikkunsidraw u nikkontemplaw.” Dan hu wieħed mill-għanijiet ta’ din it-talba, li kull misteru jgħinna nirriflettu dwar dak li ġara, u kif jolqotna, u wkoll kif jista’ jgħinna biex bħal Marija ngħidu “iva” għal dak li qiegħed jitlob minna Alla.