Mimlija bil-grazzja

Marija Omm Alla

Għadna fi Żmien il-Milied u llum, l-Ewwel tas-Sena, il-Knisja tiċċelebra s-solennità ta’ Marija, Omm Alla, Theotokos. Kieku kellu xi ħadd jiddeskrivi lil Marija fi ftit kliem, konna ngħidu li hi dejjem kienet qrib ta’ Alla u għamlet ir-rieda tiegħu. Aħna mħeġġa li nużaw lil Marija bħala mudell għalina, u l-Evanġelju tal-lum jagħtina ħjiel ta’ kif Marija rnexxielha tgħix il-ħajja qaddisa li għexet.

L-Evanġelju tal-lum diġà rrifflettejna fuqu l-ġimgħa l-oħra, għax huwa s-silta minn San Luqa, meta r-ragħajja jmorru jżuru lill-familja mqaddsa wara li l-anġli jħabbrulhom it-twelid tal-Messija. Tiżdied biss, sentenza dwar ċ-ċirkonċiżjoni ta’ Ġesù u l-għotja ta’ ismu. L-ispjega tal-ġimgħa l-oħra kienet dwar ir-ragħajja, illum se nikkonċentraw fuq Marija.

“Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha.” Marija kienet tirrifletti u taħseb dwar il-ġrajjiet li għaddew u li kienu għaddejjin. Hi kienet timmedita fuqhom. Permezz tagħha Ġesù sar bniedem. Kienet Marija, għalhekk li wasliltilna lil Ġesù. Għidna li aħna, għandna nużaw lil Marija bħala eżempju għal ħajjitna. Allura, jekk inħarsu lejna nfusna, aħna, kemm fil-fatt inwasslu lil Ġesù għand l-oħrajn, nibdew mill-familja tagħna stess? Marija kienet taħseb u tirrifletti. Aħna ngħixu ħajja mgħaġġla sfrenata, niġru minn ħaġa għal oħra, kemm għandna ċans nieqfu u nirriflettu fuq dak li qiegħed jgħaddi minna, u naraw l-id ta’ Alla fihom? Marija ma kinitx tirrifletti għax kellha ħafna ħin fuq idejha, Marija kienet timmedita, għax kienet tagħmel il-ħin fir-rutina tagħha. U aħna dan li rridu nagħmlu, inkella mhux ser nintebħu li Alla hu magħna (Għimmanu-El). 

Marija ma fhemitx mal-ewwel dak li Alla ried minnha. Kienu dawn ir-riflessjonijiet u meditazzjonijiet li għenuha tgħid “iva.” Aħna wkoll irridu ‘ngħożżu f’qalbna dawn il-ħwejjeġ kollha’ u nafdaw f’Alla, anke ma nifhmux. Marija kienet “mimlija bil-grazzja,” aktar ma ninfetħu għas-sejħa ta’ Alla u naċċettawha, aktar se tikber il-grazzja fina u nimtlew, bħal Marija, bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu. 

Meta ngħidu t-talba tar-rużarju, qabel kull misteru ngħidu, “nikkunsidraw u nikkontemplaw.” Dan hu wieħed mill-għanijiet ta’ din it-talba, li kull misteru jgħinna nirriflettu dwar dak li ġara, u kif jolqotna, u wkoll kif jista’ jgħinna biex bħal Marija ngħidu “iva” għal dak li qiegħed jitlob minna Alla. 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Lq 2, 16-21) 

F’dak iż-żmien, ir-ragħajja marru jgħaġġlu, u sabu lil Marija u lil Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f’maxtura. Kif raw dan, bdew jgħarrfu b’kulma kien intqal lilhom dwar dik it-tarbija, u kull min semagħhom baqa’ mistagħġeb b’dak li qalulhom ir-ragħajja. Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha.

Ir-ragħajja mbagħad reġgħu lura, isebbħu u jfaħħru lil Alla għal kulma kienu raw u semgħu, kif l-anġlu kien qalilhom. Meta wasal it-tmien jum biex lit-tifel jagħmlulu ċ-ċirkonċiżjoni, semmewh Ġesù, bl-isem li kien tah l-anġlu qabel ma tnissel fil-ġuf.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Illum l-ewwel jum tas-sena, hi x’inhi s-sitwazzjoni tiegħek, huma x’inhuma l-ħsibijiet tiegħek u d-dispożizzjoni tiegħek bħalissa, illum ieqaf minn dak li qed tagħmel u itlob lil Alla jbierkek u jbierek lill-familja tiegħek u jekk tixtieq iftaħ qalbek miegħu u għidlu dak li għaddej/ja minnu bħalissa.
  4. Fl-ewwel tas-sena, ħafna jagħmlu riżoluzzjonijiet ġodda. Għalfejn ma tagħmilx it-talba tar-rużarju riżoluzzjoni għalik u għall-familja tiegħek. Anke jekk titolbu posta kuljum, ieqfu u aħsbu, u tkellmu dwar dak il-misteru li tkunu ser titolbu dwaru.
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Luqa (2, 16-21)
    ii. Statwa, ikona jew inkwatru tal-Madonna
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp abjad
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Illum l-ewwel tas-sena u llum hija wkoll il-festa tal-mama ta’ Ġesù.

  • Il-Madonna tgħinna nsiru nħobbu aktar lil Ġesù u nsiru bħalu wkoll

Min kienet Marija? (il-mama ta’ Ġesù)

X’taħsbu li kienet tagħmel Marija, bħala l-mama ta’ Ġesù? (tħobbu, tieħu ħsiebu, issajjar, taħsel il-ħwejjeġ, tilgħab miegħu …)

Fl-aħħar sentenza tal-Evanġelju tal-lum, xi smajna li għamlet Marija? (semmiet lit-tifel, Ġesù)

Tafu li l-isem Ġesù jfisser ‘Alla jsalva’?

Intom tafu għalfejn il-mama u l-papa tawkom l-isem li għandkom? Staqsuhom jekk isimkom ifissirx xi ħaġa, jew jekk issemmejtux għal xi qaddis jew għal xi ħadd, bħal pereżempju għan-nannu jew nanna.

Minbarra li kienet il-mama ta’ Ġesù, x’tafu aktar dwar il-Madonna? (ħallu lit-tfal jgħidu dak li jafu)

Fil-Bibbja ma tantx hemm stejjer dwar il-Madonna, imma minn dak li hemm miktub nafu li:

  • Hi qalet ‘iva’ lil Alla, għamlet dak li xtaq Alla
  • Hi kienet l-aktar li taf lil Ġesù, għax kienet il-mama tiegħu
  • Marija hija l-mama tagħna wkoll. Ġesù tahielna bħala l-mama tagħna wkoll.

Fil-kamra tas-sodda tagħkom għandkom stampa tal-Madonna? Jekk ma għandkomx waħda, pinġu din . Iddekorawha kif tixtiequ u ħalluha fil-kamra. Qabel ma torqdu tkellmu mal-Madonna u għidulha dwar il-ġurnata tagħkom. Itolbu lil Madonna biex tgħinnkom tkunu bħat-tifel tagħha, Ġesù. Tistgħu wkoll tagħmlulha l-fjuri. 

Inroddu s-Salib

Ġesù tana lill-Madonna bħala l-mama tagħna, imma tagħna wkoll mama, papa u nies oħra, bħan-nanniet biex iħobbuna u jieħdu ħsiebna. Illum ser nitolbu lill-Madonna biex tieħu ħsieb ta’ dawn in-nies li lilna jħobbuna u jieħdu ħsiebna.

Grazzi Ġesù li tajtni lill-mama tiegħek bħala l-mama tiegħi wkoll. Grazzi li tajtni lil (it-tfal isemmu dawk in-nies li jħobbuhom u jieħdu ħsiebhom). Madonna hu ħsieb ta’ dawn in-nies speċjali u għinnhom biex lili jkomplu jgħallmuni dwar it-tifel tiegħek, Ġesù. Ammen.
Kantaw it-talba tas-Sliema, Hail Mary.

Tiħdux qatgħa jekk ser terġgħu tisimgħu l-istess Evanġelju li smajtu l-ġimgħa l-oħra, ħadd ma ħa żball!

  • Marija dejjem għamlet dak li ried Alla
  • Statwa tal-Madonna
  • Fjuri
  • Xemgħa 
  • Jekk ma għandkomx statwa, ikona jew inkwatru tal-Madonna, it-tfal ipinġu din

Fl-Ewwel tas-Sena, niċċelebraw lil Marija, li hi Omm Alla. 

Tafu kif saret Omm Alla? (l-anġlu Gabrijel kien staqsieha riditx tkun il-mama ta’ Ġesù, u hi qalet ‘iva’)

Meta Marija qalet ‘iva,’ hi obdiet lil Alla, għamlet dak li ried Alla. Taħsbu li Marija dejjem għamlet dak li ried Alla? (iva)

X’inhuma xi affarijiet li Alla jridek tagħmel? (tobdi, tgħin, tħobb, titlob, tkun ħabib/a ta’ vera, taħfer …)

Dejjem huwa faċli li tagħmel dak li jrid Alla? (le)

Marija tgħinna u turina x’għandna nagħmlu. Fl-Evanġelju tal-lum, insibu din is-sentenza, “Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha,” u wkoll, “meta wasal it-tmien jum biex lit-tifel jagħmlulu ċ-ċirkonċiżjoni, semmewh Ġesù, bl-isem li kien tah l-anġlu qabel ma tnissel fil-ġuf.”

Marija kienet taħseb dwar l-affarijiet li kienu jiġru u titlob l-għajnuna ta’ Alla. Marija għalhekk tgħallimna li aħna wkoll irridu nitolbu dwar l-affarijiet li jiġrulna. Tistgħu pereżempju qabel ma torqdu, titkellmu ma’ Alla u tgħidulu dwar dawk l-affarijiet li għamiltu matul il-ġurnata, dwar l-affarijiet sbieħ jew koroh, jew diffiċli li għaddejtu minnhom. Irringrazzjawh tal-affarijiet tajba li kellkom, u itolbuh jgħinnkom fis-sitwazzjonijiet koroh jew diffiċli.

Meta Marija semmiet lil binha, Ġesù, hi obdiet lil Alla, għax meta kien kellimha l-anġlu Gabrijel kien qalilha li lit-tifel kellha ssemmieh Ġesù. Jista’ jkun li Marija ma fhemitx għalfejn bil-fors kellha ssemmih Ġesù, jew forsi anke xtaqet issemmih xi isem ieħor, imma għax hi kienet tħobb lil Alla u tafda fih, obdiet u semmiet lit-tarbija, Ġesù. Aħna bħal Marija, mhux dejjem se nifhmu għalfejn Alla jixtieq li nagħmlu ċerta affarijiet. Pereżempju, għalfejn jekk xi ħadd qal gidba fuqna, aħna ma għandnix ngħidu xi gidba oħra fuqu? Imma jekk bħal Marija, aħna nafdaw f’Alla u nħobbuh, ma nagħmlux dak li nixtiequ aħna, imma dak li jrid Alla, anke meta ma nifhmux.

Fl-Evanġelju hemm “meta wasal it-tmien jum.” Din kienet waħda mil-liġijiet ta’ dak iż-żmien. Iċ-ċirkonċiżjoni kienet mitluba li ssir. Marija u Ġużeppi obdew. X’inhuma xi liġijiet jew regoli li Alla jixtieqna li nobdu? (il-kmandamenti, il-beatitudnijiet)

Meta aħna nobdu u nagħmlu dak li jixtieq Alla, inkunu dixxipli ta’ Ġesù. Meta nsibuha diffiċli li nkunu dixxipli ta’ Ġesù, għandna nitolbu l-għajnuna tal-mama tiegħu, għax meta ngħidu t-talba tas-Sliema, inkunu wkoll qegħdin nitolbuha tgħinna (itlob għalina midinbin, issa)

La llum hija l-festa tal-Madonna, illum u matul din il-ġimgħa ser naħsbu aktar fuqha u nitolbuha tgħinna fil-bżonnijiet u diffikultajiet tagħna. Jekk għandkom xi statwa tal-Madonna jew inkwatru tal-Madonna, għamluh fil-kamra fejn l-aktar li tiltaqgħu. Poġġu xi fjuri quddiem il-Madonna u anke ixegħlu x-xemgħa. Kuljum, inġabru bħala familja quddiem il-Madonna u wara li toqgħodu ftit għall-kwiet, waqt li kulħadd jitlob lill-Madonna f’qalbu/ha, għidu posta tar-rużarju. Jekk ma għandkomx statwa jew stampa tal-Madonna, tistgħu tpinġu waħda intom.

Għat-talba oqgħodu quddiem l-istatwa/stampa ta’ Marija

Inroddu s-salib

Wara li titolbu posta tar-rużarju, isimgħu din is-song, Oh Mary, Mother of God.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.