Stilla tal-għeġubijiet

L-Epifanija tal-Mulej

Illum niċċelebraw il-festa tal-Epifanija, iż-żjara tal-Għorrief liċ-ċkejken Ġesù. Din il-ġrajja nsibuha biss fl-Evanġelju skont San Mattew. Bħala tradizzjoni, fil-presepju jitpoġġew tliet rejjiet, għalkemm qatt ma jissemmew tliet Maġi, jew rejjiet. Il-fatt li ġeneralment, dawn it-tliet irġiel jidhru bħala rġiel ta’ nazzjonalitajiet differenti, wieħed mill-Afrika, l-ieħor mill-Asja u l-ieħor Ewropew, tenfasizza s-sinifikat ta’ din il-ġrajja u festa. Tissuġġerixxi li b’hekk in-nazzjonalitajiet u r-razez kollha tal-umanità kienu preżenti għat-twelid ta’ Ġesù. Kulħadd hu inkluż għar-rivelazzjoni ta’ Alla ta’ Ibnu. Il-kelma ‘Epifanija’ tfisser ‘manifestazzjoni’ jew ‘wirja’. Alla qiegħed jirrivela lilu nnifsu lill-umanità.

Ftit li xejn nafu dwar dawn il-Maġi; huma ġew mil-lvant, imxew wara kewba, li hi sinjal astroloġiku. Għalhekk huma meqjusa bħala astrologi, mexxejja reliġjużi jew konsulenti rjali. Huma fittxew re li kien għadu kif twieled, dak li kellu jkun dawl għall-ġnus. Il-grazzja tar-rivelazzjoni ġegħlithom (lil Caspar, Melkjor, Baltasar) biex jimxu wara dawl ta’ kewba, li  “waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel.” Bħall-Maġi, aħna l-insara qegħdin fuq pellegrinaġġ u għandna bżonn direzzjoni, għalhekk illum għandna nistaqsu lilna nfusna, ‘aħna wara liema kewba qegħdin nimxu?’  Meta kienu d-drabi li fittixt lill-Mulej? Sibt xi intoppi jew direzzjonijiet foloz, ħadt toroq b’oħra? Alla, kif mexxiek fid-direzzjoni t-tajba? Ħafna drabi, in-nies ta’ madwarna, jinfluwenzaw id-direzzjoni li nieħdu f’dan il-pellegrinaġġ tagħna.

L-iskop tal-kewba spiċċa, hekk kif wasslet lill-Maġi fejn kellhom jaslu, iżda d-dawl spiritwali tagħha huwa dejjem preżenti fil-Kelma tal-Evanġelju, illum ukoll tista’ tgħin lil kull persuna tasal għand Ġesù. Il-ġrajja tal-Epifanija tgħinna nistaqsu x’kien dak li ggwida lill-Maġi u dak li rrivela lilu nnifsu lilhom: Alla. Ilum Alla jsejħilna fl-attivitajiet ta’ kuljum tal-familja. X’rigali ser noffrulu? Il-Maġi tawh deheb, li juri li Ġesù hu Sultan, l-inċens, żejt li jintuża waqt adorazzjoni, għalhekk juri li Ġesù hu Alla, u l-mirra, fwieħa li kienet tintuża għad-dfin, ippuntat lejn il-passjoni u mewt ta’ Ġesù. X’rigal prezzjuż nista’ noffri lil Ġesù? Nistgħu nagħtuh lilna nfusna bħala rigal, għax aħna lkoll prezzjużi għal Alla. Lil Alla offrilu d-deheb tat-talenti tiegħek; l-inċens tal-qima u talb; u l-mirra tat-tbatijiet tiegħek. Meta nagħmlu dan, insiru dawl li jwassal oħrajn għand Ġesù.

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (Mt 2: 1-12)

Meta twieled Ġesù f’Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-Lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh”. Is-sultan Erodi sama’ bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled il-Messija. U huma qalulu: “F’Betlehem tal-Lhudija, għax hekk inkiteb mill-profeta: “U int, Betlehem, art ta’ Ġuda, le, m’intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda, għax minnek joħroġ mexxej li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael”.

Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom Betlehem u qalilhom: “Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu”.

Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra. Imbagħad, billi kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Ir-rigali li taw il-Maġi huma speċjali għax jixhdu li huma għarfu min kien Ġesù, il-Mulej u Salvatur. Matul din il-ġimgħa, itlob li inti wkoll tagħraf lil Ġesù bħala Salvatur, f’dak kollu li tgħid u tagħmel.
  4. L-Epifanija turina li Alla ma jiddiskriminax bejnietna, hu ġie biex kulħadd isalva. Jien nilqa’ barranin li jiġu għall-Ewkaristija? Jekk le, kif nista’ nilqa’ lil dawn in-nies ta’ nazzjonalità u razza differenti minni?
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Mattew (2: 1-12)
    ii. Xemgħa 
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp abjad
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Illum il-festa tal-Epifanija. Niftakru fl-Għorrief, jew Maġi li marru għand Ġesù f’Betlehem u tawh rigali u adurawh. Ejjew nisimgħu l-ġrajja tal-vjaġġ tagħhom u dwar ir-rigali li taw lil Ġesù biex iqimuh.

  • Ir-rigali li l-Maġi taw lil Ġesù wrew li huma kienu jafu li Ġesù kien is-Salvatur imwiegħed minn Alla.
  • Kaxxa żgħira mgeżwra bir-wrapping paper, biex tidher bħala rigal
  • Printout tal-istilla
  • Lapes

Aħsbu dwar l-aqwa rigal li qatt irċevejtu. X’kien? Għalfejn kien ta’ daqs tant speċjali? Forsi għax kien xi ħaġa li kont ilek tixtieq? Inkella għax il-persuna li tathulek kienet persuna speċjali? Id-daqs tar-rigal hu importanti? Jew huwa aktar importanti l-ħsieb wara r-rigal? Illum qegħdin niċċelebraw il-festa tal-Epifanija, u ħafna nies madwar id-dinja jagħtu r-rigali tagħhom illum, u mhux fil-Milied. Meta nisimgħu l-Evanġelju tal-lum, nindunaw għalfejn jagħmlu hekk. L-għorrief (Maġi) kienu mil-Lvant. Huma sabu lil Ġesù, wara li mxew wara d-dawl ta’ stilla. Huma kienu barranin, vjaġġaturi minn pajjiż imbiegħed. L-istilla kienet quddiemhom, sakemm waqfet fuq il-post fejn kien hemm iċ-ċkejken Ġesù, ommu Marija u Ġużeppi. Il-Maġi taw tliet rigali lil Ġesù. Dawn kienu rigali speċjali biex iqimuh, deheb, inċens u mirra. Aħna nafu li d-deheb huwa prezzjuż u jiswa ħafna flus. Iġġegħilna naħsbu fis-sinjuri jew rejjiet. L-inċens huwa reżina ta’ gomma jfuħ, minn siġar fl-Afrika. Huwa jinħaraq fit-tempju bħala offerta lil Alla. Għalhekk meta tawh dawn ir-rigali, il-Maġi wrew li Ġesù huwa Alla u bniedem. Il-mirra hija fwieħa li tintuża biex ġisem ikun ippreparat għad-dfin. Meta l-Maġi tawh dan ir-rigal, urew li kienu jafu li Ġesù kellu jbati u jmut. Allura għalfejn taħsbu li dawn ir-rigali kienu speċjali? Kienu speċjali għax juru li l-Maġi għarfu min kienet dik it-tarbija ċkejkna. Huma qimuh bħala Salvatur tad-dinja, is-Salvatur ta’ kulħadd, anke tiegħi u tiegħek. Aħna wkoll bħala ħbieb ta’ Ġesù, nistgħu noffrulu rigali. Ir-rigali mhux bil-fors ikunu oġġetti, jistgħu jkunu azzjonijiet u anke kliem, li juru lill-oħrajn li aħna nħobbu lil Ġesù. 

Aħseb ftit dwar x’tista’ tagħmel biex tiddi bħal dik l-istilla li wasslet lill-Maġi għand Ġesù. Offri dawn ir-rigali lil Ġesù, billi tiktibhom fuq l-istillel u tpoġġihom ġol-kaxxa. Li jkollna qalbna tajba u ngħinu lill-oħrajn, huma xi ideat li jistgħu jkunu rigali għal Ġesù. Isimgħu s-song, We three Kings.

Inroddu s-Salib

Għażiż Alla, għinni dejjem nagħraf lil Ibnek Ġesù bħala l-Mulej u Salvatur. Għinni biex niddi bl-imħabba, bħall-istilla ta’ Betlehem. Dan nitolbu f’isem Ġesù. Ammen.

Illum niċċelebraw il-festa tal-Epifanija. Wara t-twelid ta’ Ġesù, il-Maġi (għorrief) imxew min-naħa tal-lvant, wara kewba tiddi u waslu fejn kien hemm Ġesù, huma offrewlu rigali u tawh qima. Illum niċċelebraw il-fatt li r-rigal ta’ Alla, ta’ salvazzjoni, huwa għal kulħadd.

  • Bit-twelid ta’ Ġesù, Alla tana l-akbar rigal. L-imħabba salvifika ta’ Alla hija għal kulħadd, u Ġesù jilqa’ lil kulmin ifittxu
  • Ġibs li tikteb biha

Jekk inkunu ser imorru għand xi ħadd li qatt ma morna għandu, f’xi raħal jew belt oħra, u ma nkunux nafu kif ser naslu, x’aktarx nistaqsu lil xi ħadd biex jagħtina d-direzzjonijiet. Inkella nistgħu nużaw il-GPS jew Google maps! Il-mappa turina bl-eżatt kif naslu, fl-aqsar ħin possibbli. Matul il-vjaġġ tagħna nkunu rridu l-ħin kollu naraw li sejrin fid-direzzjoni t-tajba u b’hekk inkunu ċerti li naslu fil-post it-tajjeb. Wara t-twelid ta’ Ġesù, kewba tiddi dehret fil-lvant, u xi għorrief rawha. Huma kienu jissejħu Maġi, u emmnu li din l-istilla ħabbret it-twelid ta’ re. Huma mxew wara dan id-dawl għal ħafna ġranet, sakemm waslu Ġerusalemm. Hemmhekk bdew jistaqsu fejn setgħu jsibu lil dan ir-re l-ġdid, għax xtaqu jqimuh. Erodi, il-mexxej Ruman, ma ħax gost b’din l-aħbar ta’ re ġdid. Għalhekk iltaqa’ ma’ dawn il-Maġi u staqsiehom biex wara li jsibu lil dan ir-re, jgħaddu għandu fi triqithom lura, biex jgħidulu fejn jista’ jmur, sabiex hu wkoll ikun jista’ jadurah. Iżda r-raġuni vera kienet, li Erodi ried joqtol kull re ġdid li seta’ jhedded l-awtorità tiegħu.

Il-Maġi ma kellhomx mappa biex turihom it-triq, iżda xorta sabu liċ-ċkejken Ġesù, bl-għajnuna tal-istilla li waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tarbija Ġesù ma’ ommu Marija, u ma’ Ġużeppi. Meta sabu lit-tarbija Ġesù, huma ppreżentawlu rigali prezzjużi ta’ deheb, inċens u mirra, u niżlu jadurawh. Kellhom ħolma, u kienu mwissija biex ma jmorrux għand Erodi, u għalhekk marru lura minn triq oħra. Illum għad hawn nies ifittxu lil Ġesù. Ma hawn l-ebda mappa biex turina t-triq, lanqas kewba biex nimxu warajha, iżda nistgħu nisimgħu nies jitkellmu u huma jgħinnuna nsibu lil Ġesù. Dawn in-nies huma l-ġenituri, saċerdoti, għalliema u katekisti. Għandna wkoll il-Bibbja. Aħna nistgħu nsibu t-triq għal għand Ġesù, meta naqraw il-Kelma Qaddisa ta’ Alla. Il-Bibbja hija l-kewba u l-mappa li twassalna għand Ġesù. Għalhekk għandna naqrawha biex inkunu żguri li mixjin fid-direzzjoni t-tajba.

Biex niċċelebraw il-festa tal-Epifanija, flimkien mal-familja tagħkom tistgħu tagħmlu tradizzjoni kattolika fejn bil-ġibs timmarkaw il-bieb ta’ barra. Din hija bħall-barka għad-dar u għall-ħajjitna. Inkunu qegħdin nistiednu l-preżenza ta’ Alla fid-djar tagħna u nistaqsuh ibierek lil dawk kollha li joqgħodu fid-dar u wkoll lil dawk kollha li jżuruna matul is-sena. Staqsu saċerdot iberikilkom biċċa ġibs. Fuq il-bieb ta’ barra iktbu hekk: 20 + C + M + B + 23. 

Din tfisser “Kristu bierek din id-dar.” L-ittri huma l-ismijiet tal-Maġi: Caspar, Melchior u Balthassar. Is-slalleb jirrappreżentaw lill-Kristu.

Isimgħu s-song, We three Kings.

Inroddu s-salib

Għażiż Mulej, grazzi ta’ dawk in-nies kollha li huma bħall-istilla ta’ Betlehem u jwassluna għandek. Grazzi tal-akbar rigal, ir-rigal ta’ Ibnek Ġesù. Ammen.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.