Illum niċċelebraw il-festa tal-Epifanija, iż-żjara tal-Għorrief liċ-ċkejken Ġesù. Din il-ġrajja nsibuha biss fl-Evanġelju skont San Mattew. Bħala tradizzjoni, fil-presepju jitpoġġew tliet rejjiet, għalkemm qatt ma jissemmew tliet Maġi, jew rejjiet. Il-fatt li ġeneralment, dawn it-tliet irġiel jidhru bħala rġiel ta’ nazzjonalitajiet differenti, wieħed mill-Afrika, l-ieħor mill-Asja u l-ieħor Ewropew, tenfasizza s-sinifikat ta’ din il-ġrajja u festa. Tissuġġerixxi li b’hekk in-nazzjonalitajiet u r-razez kollha tal-umanità kienu preżenti għat-twelid ta’ Ġesù. Kulħadd hu inkluż għar-rivelazzjoni ta’ Alla ta’ Ibnu. Il-kelma ‘Epifanija’ tfisser ‘manifestazzjoni’ jew ‘wirja’. Alla qiegħed jirrivela lilu nnifsu lill-umanità.
Ftit li xejn nafu dwar dawn il-Maġi; huma ġew mil-lvant, imxew wara kewba, li hi sinjal astroloġiku. Għalhekk huma meqjusa bħala astrologi, mexxejja reliġjużi jew konsulenti rjali. Huma fittxew re li kien għadu kif twieled, dak li kellu jkun dawl għall-ġnus. Il-grazzja tar-rivelazzjoni ġegħlithom (lil Caspar, Melkjor, Baltasar) biex jimxu wara dawl ta’ kewba, li “waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel.” Bħall-Maġi, aħna l-insara qegħdin fuq pellegrinaġġ u għandna bżonn direzzjoni, għalhekk illum għandna nistaqsu lilna nfusna, ‘aħna wara liema kewba qegħdin nimxu?’ Meta kienu d-drabi li fittixt lill-Mulej? Sibt xi intoppi jew direzzjonijiet foloz, ħadt toroq b’oħra? Alla, kif mexxiek fid-direzzjoni t-tajba? Ħafna drabi, in-nies ta’ madwarna, jinfluwenzaw id-direzzjoni li nieħdu f’dan il-pellegrinaġġ tagħna.
L-iskop tal-kewba spiċċa, hekk kif wasslet lill-Maġi fejn kellhom jaslu, iżda d-dawl spiritwali tagħha huwa dejjem preżenti fil-Kelma tal-Evanġelju, illum ukoll tista’ tgħin lil kull persuna tasal għand Ġesù. Il-ġrajja tal-Epifanija tgħinna nistaqsu x’kien dak li ggwida lill-Maġi u dak li rrivela lilu nnifsu lilhom: Alla. Ilum Alla jsejħilna fl-attivitajiet ta’ kuljum tal-familja. X’rigali ser noffrulu? Il-Maġi tawh deheb, li juri li Ġesù hu Sultan, l-inċens, żejt li jintuża waqt adorazzjoni, għalhekk juri li Ġesù hu Alla, u l-mirra, fwieħa li kienet tintuża għad-dfin, ippuntat lejn il-passjoni u mewt ta’ Ġesù. X’rigal prezzjuż nista’ noffri lil Ġesù? Nistgħu nagħtuh lilna nfusna bħala rigal, għax aħna lkoll prezzjużi għal Alla. Lil Alla offrilu d-deheb tat-talenti tiegħek; l-inċens tal-qima u talb; u l-mirra tat-tbatijiet tiegħek. Meta nagħmlu dan, insiru dawl li jwassal oħrajn għand Ġesù.