San Tumas Aquino

28 ta' Jannar

Tumas twieled fl-1225 f’kastell f’Roccasecca fir-reġjun li llum magħruf bħala Lazio, fl-Italja.  Missieru kien il-Konti Landulf ta’ Aquino u ommu kienet il-kuntessa Theodora ta’ Teano.  Kellu tliet aħwa subien u ħames aħwa bniet.

Tumas qatta’ t-tfulija tiegħu (bejn il-ħames u tlettax-il sena) f’Monte Cassino, monasteru famuż, fejn zijuh kien l-Abbati (Superjur) tal-Benedittini. Hawn hu beda jirċievi l-ewwel edukazzjoni tiegħu.  Il-ġenituri tiegħu kienu qegħdin jittamaw li jilħaq Abbati, pożizzjoni għolja għan-nobilità f’dawk iż-żminijiet.  Iżda minħabba f’konflitti politiċi u militari, Tumas kellu jitlaq minn Monte Cassino u mar ikompli l-istudji tiegħu fl-Università ta’ Napli li kienet għadha kemm twaqqfet.

Bħala żagħżugħ, Tumas kien twil, qawwi u kwiet ħafna.  Kien inteliġenti ħafna fl-istudji tiegħu.  Il-laqam tiegħu kien ‘gendus mutu’ minħabba l-fatt li ma kienx iħobb jitkellem.  Meta ma jitkellimx kien ikun qiegħed jisma’, jaħseb u jirrifletti.  

Probabbilment kien waqt l-istudji universitarji tiegħu li beda jinteressa ruħu fil-filosfu Grieg Aristotile, li l-prinċipji filosofiċi tiegħu qajmu l-interess ta’ Tumas. Kien ukoll f’din l-Università li ltaqa’ mad-Dumnikani, Ordni ta’ predikaturi foqra  li kien għadu kemm twaqqaf minn San Duminku ta’ Guzmán.

Meta Tumas kellu dsatax-il sena tilef lil missieru.  F’dan iż-żmien, Tumas iddeċieda li jidħol mad-Dumnikani.  Il-familja ta’ Tumas rrabjaw ħafna għax il-pjan tagħhom kien li jidħol fl-Ordni Benedittin li kien jgħodd aktar għall-persuni nobbli.  Tumas ġie maħtuf mill-familja tiegħu u nżamm magħluq f’kastell tal-familja għal aktar madwar sena.  Matul dan iż-żmien ippruvaw jikkonvinċuh biex ibiddel fehmtu, iżda hu kompla bl-istudji tiegħu tal-Iskrittura u baqa’ jżomm kuntatt mad-Dumnikani b’xi mod jew ieħor.

Fl-aħħar mill-aħħar, ommu għenitu jaħrab matul il-lejl! Tumas reġa’ ngħaqad mad-Dumnikani u ġie ordnat saċerdot fl-1250. Huwa mar Pariġi, fejn kompla l-istudji tiegħu taħt San Albertu il-Kbir u wera ħila eċċezzjonali fl-oqsma kollha tal-istudju. Meta kellu 26 sena, il-Papa tah it-titlu ta’ “Mgħallem tat-Teoloġija.”

Tumas qatta’ l-bqija ta’ ħajtu jikteb kummentarji fuq l-Iskrittura, priedki u kotba, kif ukoll diversi innijiet liturgiċi.  Fl-istess waqt, kompla jgħallem u jippriedka, jikkumbatti kontroversji f’taħdidiet fejn iddefenda l-Fidi Kattolika u jivvjaġġa lejn Pariġi, Napli, Oriveto u Ruma bħala t-Teologu tat-Papa.

San Tumas D’Aquino jibqa’ magħruf għas-‘Summa Theologiae’, (sommarju tat-Teoloġija) tiegħu, kapulavur fil-filosofija u teoloġija li ma laħaqx lesta qabel mewtu.

Minbarra li hu wieħed mid-Dutturi tal-Knisja, San Tumas huwa magħruf ukoll bħala ‘Id-Duttur Anġeliku’ forsi għax kiteb ħafna dwar it-teoloġija tal-Anġli, iżda aktar u aktar għax ġie deskritt bħala ‘l-għalliem li hu bħal Anġlu’ ‘pur, b’saħħtu, qrib Alla u messaġġier tad-dawl divin’.  

Il-kobor ta’ San Tumas mhux qiegħed biss fl-għerf tiegħu, imma ukoll għax kien jifhem veritajiet kumplessi tal-Fidi u wara kien jesprimihom b’modi li jistgħu jifthiemu. 

San Tumas miet meta kellu ftit aktar minn 50 sena. Ħalla warajh wirt ta’ argumenti filosofiċi u teoloġiċi li jgħidu li ‘l-Fidi u Raġuni jistgħu jaħdmu flimkien biex isostnu l-verità Waħda f’Alla’.

Please consider donating to help us make more videos. If you donate just $5, the price of your coffee, Christian Kids TV could keep thriving. Use this link t…

Hemm ħin biex titkellem, biex toqgħod sieket, biex tisma’ u biex tirrifletti.

  • San Tumas Aquino li kien jisma’ u jirrifletti għandu lezzjoni kbira għall- ġenituri!  Il-ħajja tagħna hija mgħaġġla, bilkemm insibu ħin biex nirriflettu.  Riflessjoni fuq il-Kelma ta’ Alla issaħħaħ ir-relazzjoni tagħna miegħu.  Meta nieqfu biex nisimgħu lit-tfal b’attenzjoni u mħabba, insaħħu r-relazzjoni tagħna magħhom waqt li jikbru u jimmaturaw.
  • Ejjew dejjem noqogħdu attenti biex nagħrfu l-mumenti meta wliedna juru li għandhom bżonn lil min jismagħhom ~ meta jiġu lura mill-iskola jew xi minn xi attività, jew qabel ma jmorru jorqdu speċjalment meta jkollhom xi sinjali ta’ ansjetà, dwejjaq jew rabja.
  • Meta jiġu għandna b’xi ħtieġa, ejjew nagħmlu sforz biex nevitaw ir-reazzjoni ta’ “bħalissa ninsab imħabbat” — biex nieqfu minn dak li nkunu qed nagħmlu (bħal nibagħtu l-messaġġi fuq il-mowbajl!) u nagħtu kas — jew inkella sempliċiment ngħidu “Tajjeb, għidli” waqt li nibqgħu għaddejjin b’dak li nkunu qed nagħmlu.
  • L-importanti hu li nisimgħu b’attenzjoni dwar dak li qegħdin iħossu, mhux dwar x’ġara!

Il-ħajja ta’ San Tumas Aquino kienet iċċentrata fuq l-istudju, it-tagħlim u l- kitba.

Sibu opportunità biex tkellmu lit-tfal dwar l-iskola.  Tistaqsihomx ‘Kif mort l-iskola llum?’ għax għidulek ‘Tajjeb’!   

  • Tkellmu dwar is-suġġetti li jħobbu u dawk li jsibu diffiċli.
  • Enfasizza t-talenti tat-tfal, imma fl-istess ħin, spjega li tfal oħra għandhom talenti u sfidi ukoll.  Qatt m’għandna nqabblu t-tfal tagħna ma’ tfal oħra.  Kull tifel jew tifla huma speċjali!
  • Tkellmu mat-tfal dwar kif iħossuhom meta jesprimu l-opinjoniiet tagħhom fil-klassi: il-biża’ li jaqgħu għaċ-ċajt jew jibżgħu li l-punt tagħhom ma jkunx validu jew li jidħku bihom.  
  • Irrikonoxxi u nkuraġġihom tal-isforzi tagħhom.

Ħin tat-Talb mal-Familja

Kompli bit-tema tat-tagħlim u l-edukazzjoni.

Aqraw mill-Bibbja l-istorja tat-Tfajjel Ġesù fit-Tempju jew araw:

 Boy Jesus lost in Temple.

Flimkien itolbu l-Ħames posta tar-Rużarju tal-Ferħ.

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.