Il-henjin

Ir-Raba' Ħadd ta' Matul is-Sena A

L-Evanġelju tal-lum, meħud minn San Mattew, jissejjaħ “il-Priedka fuq il-Muntanja” jew il-Beatitudnijiet. Hawnhekk, Ġesù jagħtina stampa tal-kwalitajiet li Alla jixtieq li jkollu l-poplu tiegħu, huma kwalitajiet li jgħinuna wkoll, nagħrfu lil Alla f’din id-dinja.

Numru ta’ nies, jagħmlu ħajjithom kollha jfittxu s-sigriet għall-ferħ. Kollha naqblu li l-ferħ jagħmilna nħossu lilna nfusna aħjar. Ġesù, ma kienx qiegħed jitkellem dwar mumenti ta’ ferħ li jgħaddu. Hu ried jgħallem dwar affarijiet u nies li jagħtuna ferħ dejjiemi. Il-Beatitudnijiet huma fil-qalba tat-tagħlim ta’ Ġesù, huma jinkludu u jibnu fuq l-għaxar kmandamenti li kienu miktuba fuq il-ġebel. Il-Beatitudnijiet huma miktuba f’qalbna. Huma l-qafas ta’ ħajja nisranija, li jwassluna għal dak li nixxenqu: li nkunu ma’ Alla fis-saltna tas-smewwiet, fejn il-mewt ma għandhiex l-aħħar kelma, imma hija bidu ta’ ħajja ġdida. Aħna msejħa biex ngħixu dawn il-Beatitudnijiet kuljum. Dan xi jfisser? Jekk nittraduċu l-kelma “henjin” fl-Evanġelju bħala “ferħ,” allura Ġesù qiegħed isejjaħ lill-fqar fl-ispritu, lill-imnikkta, dawk li huma ppersegwitati, bħala ferħana! Xi ħaġa li mhux soltu nassoċjaw ma’ nies bħal dawn. Ġesù qiegħed jgħid li Alla jħares b’ħarsa speċjali lejn dawk li huma fqar, dawk li huma mnikkta, dawk li huma ppersegwitati. Ġesù qiegħed jgħidilna li s-Saltna ta’ Alla mhix dwar poter, qawwa jew ġid, iżda dwar dak li hemm fil-qalb. Hija attitudni, stil ta’ ħajja u wkoll reazzjoni għal dawk ta’ madwarna li għandhom bżonn l-għajnuna tagħna. Hija tibdil radikali tal-ħajja, kważi kważi xokkanti. Il-Beatitudnijiet jistiednu t-tweġiba tagħna għal Alla u għall-oħrajn. Il-Beatitudnijiet juru min hu Ġesù, minħabba li hu għexhom kollha. Il-Beatitudnijiet jgħinuna naraw lil Alla fid-dinja u aħna mistiedna biex nimxu ma’ dawk li huma ppersegwitati, dak li huma mnikkta, dawk li huma fqar, fil-bżonn u mwarrba. Aħna msejħa biex inġibu l-paċi u naraw li jkun hemm il-ġustizzja fid-djar tagħna, f’pajjiżna u fid-dinja. Ġesù jgħallimna li jekk irridu nkunu ferħana u nkunu sodisfatti, allura rridu ngħixu l-Beatitudnijiet. Hekk biss nagħrfu l-preżenza ta’ Alla fid-dinja u wiċċ Kristu f’dawk lanqas li stennejna li narawh u nkunu nistgħu nduqu l-ħajja eterna li aħna msejħa għaliha.

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (Mt 5: 1-12a)

F’dak iż-żmien, kif ra l-folol, Ġesù tala’ fuq il-muntanja, qagħad bilqiegħda, u resqu lejh id-dixxipli tiegħu. Fetaħ fommu u qabad jgħallimhom u jgħid:

“Henjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa.
Henjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b’wirthom l-art.
Henjin dawk li huma bil-ġuħ u bl-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħin.

Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena.
Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw lil Alla.
Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla.
Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija.
Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Matul din il-ġimgħa tkellem mal-familja dwar xi tfisser li tkun ferħan jew hieni. Spjega li l-ferħ li għallem dwaru Ġesù ma jiġix milli jkollna ġid materjali u flus. Dan huwa l-oppost ta’ dak li nisimgħu fid-dinja llum.
  4. Aħna nkunu ħienja meta ngħixu l-Beatitudnijiet. Ġesù jisteddina nħarsu lejn l-oħrajn, u nilmħuh f’dawk li lanqas nistennew li narawh. Fejn hu Alla f’dan il-kaos ta’ madwarna? Hu dak li hu kostanti u li jwassalna għall-ferħ dejjiemi fis-saltna tas-smewwiet. San Tumas d’Akwinu jgħid, “Alla biss jista’ jissodisfa lill-bniedem.”
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minnan Mattew (Mt 5:1-12a)
    ii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iii. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Illum Ġesù jgħallimna xi tfisser li tkun ferħan. Il-ferħ mhux dak li nħossu meta jiġrulna affarijiet sbieħ. Ġesù jkellimna dwar attitudni li jkollna minħabba dak li hemm f’qalbna. Huwa mod kif nirreaġġixxu ma’ dawk ta’ madwarna. Ġesù jgħallimna dan kollu fil-Beatitudnijiet.

  • Permezz tal-Beatitudnijiet, Ġesù jgħallimna xi tfisser li tkun verament ferħan
  • Kopji tal-qlub u rettangoli
  • Kartonċina
  • Żigarella/spag
  • Imqass/gloj/hole punch
  • Lapes/kuluri

Kif twieġeb lil xi ħadd li jistaqsik, x’jagħmlek ferħan? Forsi tgħid meta taqla rigal, bħal ġugarelli jew ħwejjeġ. Forsi meta ġġib kollox tajjeb f’xi test tal-iskola, jew it-team tiegħek jirbaħ bil-goal li tagħmel inti. Dawn huma tweġibiet tajba, għax iġibulna l-ferħ għal xi ħin. Iżda wara ftit ma nibqgħux daqstant ferħana. Il-ferħ li nħossu meta niksbu dak li xtaqna, ma tantx idum. Ġesù jgħallimna li l-veru ferħ jiġi minn xi ħaġa differenti.

Alla jrid li aħna nkunu ferħana. Iżda dak li qal Ġesù dwar il-ferħ, huwa ferm differenti minn dak li nistennew. Darba waħda, Ġesù kien fuq muntanja. Kien hemm ħafna li marru biex jisimgħuh. Ġesù beda jgħallimhom dwar il-ferħ. Din hi msejħa l-Priedka fuq il-Muntanja, il-Beatitudnijiet. Ġesù jgħidilna li nkunu ferħana jew imbierka, meta nuru ħniena mal-oħrajn, meta naħfru u meta ngħixu ma’ ta’ madwarna fil-paċi. Inkunu ferħana jew imbierka meta npoġġu l-fidi tagħna f’Alla, u nagħmlu dak li hu tajjeb, anke meta l-oħrajn ma jagħmlux l-istess. Xi drabi hu ferm diffiċli li nagħmlu dak li hu tajjeb u nagħmlu għażliet tajba. Jekk żewġt iħbieb jiġġieldu, diffiċli tara ma’ min ser taqbel. Imma Ġesù jinkoraġġina biex inkunu aħna li nġibu l-paċi. Fil-Beatitudnijiet, Ġesù jgħallimna kif għandna nġibu ruħna b’rispett u dinjità. Aħna lkoll parti mill-familja ta’ Alla, għalhekk għandna nġibu ruħna mal-oħrajn, bl-istess mod li nixtiequ li huma jġibu ruħhom magħna. Kunu ferħana, billi tgħinu lill-oħrajn u ġġibu l-paċi; hekk biss tistgħu tkunu ferħana. Il-ferħ li jibqa’ mhuwiex dak li nħossu meta jiġrielna xi ħaġa. Iżda huwa attitudni li jkollna f’qalbna għax aħna nimxu wara Ġesù.

Biex tibqgħu tiftakru minn fejn jiġi l-ferħ vera, agħmlu “Qalb Ferħana.” Aqtgħu 2 iqlub u waħħluhom fuq kartonċina. Max-xifer għamlu toqob u għaddu żigarella minnhom, tagħlqux fuq. Aqtgħu rettangoli biżżejjed biex tiktbu: IL-FERĦ. Poġġuhom fil-“Qalb Ferħana.” Fuq wara iktbu: Għażiż Alla, għinna biex ikollna l-ferħ li jiġi minn ġo fina. Ammen. 

Isimgħu s-song, The Beatitudes.

Inroddu s-Salib

Alla tal-imħabba, aħna lkoll membri tal-familja tiegħek. Għinna insibu l-ferħ li jibqa’ kull meta ngħinu lill-oħrajn, noqgħodu magħhom meta jkunu mdejqa, waħedhom jew qegħdin jibżgħu. Għinna biex nagħmlu għażliet tajba u ngħinu lill-oħrajn biex ikunu ferħana, u jindunaw li huma mbierka. Ammen.

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù se jgħallimna kif nistgħu inkunu dejjem ferħana. Dan l-Evanġelju xi drabi nsejħulu “il-Priedka fuq il-Muntanja” jew “il-Beatitudnijiet.” Beatitudni tfisser ‘barka’ jew ‘ferħ.’ Ġesù jgħallimna xi tfisser li tkun ferħan verament.

  • Il-messaġġ ta’ ‘ferħ’ ta’ Ġesù, mhux dejjem huwa dak li nistennew
  • Il-Beatitudnijiet juru li l-ferħ jista’ jinsab f’dak li hu oppost għal dak li tgħidilna s-soċjetà
  • Kopja tal-attività
  • Kartonċina
  • Imqass/gloj
  • Kuluri 

Illum ser nisimgħu kif Ġesù tela’ fuq muntanja u hemmhekk beda jgħallem lin-nies. Hu kien qiegħed jgħallem lilhom u lilna, xi jfisser ferħ ta’ vera u dak li jgħidilna, jissorprendina. Dan mhux il-mod li nistennew li nsibu l-“ferħ.” Dawn insejħulhom Beatitudnijiet u jsemmu nies li huma “imbierka” jew “ferħana.” Ġesù jsemmi lill-fqar, l-umli, dawk li jġibu l-paċi, dawk li jaħfru lil dawk li jweġġgħuhom. Hu jgħidilna li aħna nsibu l-“ferħ” eżattament bl-oppost ta’ dak li tgħidilna s-soċjetà.

Intom qatt  rajtu xi riklam li jwiegħed “il-ferħ?” Jista’ jkun riklam taż-żraben, tal-ikel, tal-logħob jew mudell ġdid ta’ xi rota. Inkella jista’ jkun riklam ta’ xi vaganza f’xi pajjiż partikolari, li jwiegħed gost u avventura. Il-messaġġ li jgħaddu dawn ir-riklami mhux bħall-messaġġ li jagħtina Ġesù meta jgħallimna l-Beatitudnijiet. Is-soċjetà tgħidilna li l-flus, il-ġid, it-tgawdija, il-poter, jagħmluna ferħana. Tgħidilna li jekk nixtru prodott partikolari, inkunu ferħana. Ġesù jgħallimna li dawn l-affarijiet jagħmluna ferħana għal ftit ħin, iżda dak li joffrielna hu, jibqa’ għal dejjem. Insibu dan it-tip ta’ ferħ f’nies li ma nistennewhomx li jkunu ferħana. Ġesù jgħidilna li dawk li huma fqar fl-ispirtu huma ferħana għax huma għad ikunu ppremjati fis-saltna tas-sema. L-imnikkta huma ferħana jew imbierka, għax huma għandhom fidi f’Alla. Dawk li jħennu huma ferħana; jiġifieri dawk li jaħfru lil min weġġagħhom huma hienja. Dawk li jġibu l-paċi jafu li l-paċi tiġi għax tkun parti mill-familja ta’ Alla. Intom taħsbu li dan il-messaġġ, huwa importanti? Huwa messaġġ li jgħidilna li l-ferħ vera jiġi meta nagħżlu li ngħixu l-valuri u nuru l-attitudnijiet li jgħallimna Ġesù. Dan mhux dejjem faċli, iżda jekk nippruvaw ngħixu kif jixtieq Ġesù, insiru nafu xi jfisser ferħ vera.

Jekk tixtieq tkun taf aktar dwar il-Beatitudnijiet, żur din il-link.

Agħmlu kopja tal-attività, biex ikollkom 4 kaxex bil-kliem tal-Beatitudnijiet. Intom tridu tqabbluhom. Kull wiċċ għandu l-ewwel parti jew l-aħħar parti tal-Beatitudni.

Isimgħu, The Beatitudes Song.

Inroddu s-salib

Alla, li inti kollok imħabba, grazzi tal-ħafna nies li jaħdmu għas-saltna tiegħek fuq din l-art. Aħna mbierka b’eżempji ta’ ħniena, qlub tajba, dawk li huma fqar fl-ispirtu u dawk li jġibu l-paċi, u li juruna kif għandna ngħixu. Għinna biex nimxu warajk ta’ kuljum. Ammen.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.