L-Evanġelju tal-lum, ikompli ma’ tal-Ħadd li għadda u ma’ ta’ qablu, meta bdejna nisimgħu dak li hu msejjaħ, id-Diskors fuq il-Muntanja.
Il-Lhud kienu jafu sew x’kien hemm miktub fil-Liġi u fil-Profeti (l-Ikrittura). Ġesù jassigurahom li hu ma ridtx imur kontra dak li kien hemm miktub. Dak li kien miktub kien verità, imma ma kienx kollox. Ġesù ried jimxi pass aktar. Ġesù ried iwassal dawn il-kittbiet “għall-milja tagħhom.” Ġesù jrid li d-dinja li ngħixu fiha tkun aktar umana, post fejn l-imħabba, il-paċi u ħbiberija jirrenjaw. Ġesù jrid jurina x’għandna nagħmlu biex nobdu r-rieda ta’ Alla b’mod sħiħ.
Għalhekk Ġesù jgħid mhux biżżejjed li wieħed ma joqtolx, irridu nagħmlu aktar minn hekk. Meta aħna ninsultaw u ngħajjru lill-oħrajn, meta aħna naqilgħu qlajjiet fuq dawk ta’ madwarna, meta rridu ta’ bil-fors nivvendikaw ruħna għad-deni li għamlulna, meta bi kliemna nitfgħu suspett fuq l-oħrajn, inkunu qed immorru kontra l-kmandament ‘la toqtolx’, xorta waħda. Ngħixu f’dinja fejn it-toleranza hija nieqsa ħafna, jekk taqra l-kummenti fuq is-social media, dan joħroġ ċar kristall. Għalkemm fiżikament ma nkunux qtilna lill-persuna, inkunu qtilna l-moral, u l-ispirtu tagħha. U f’qalbna dan il-kliem jibda jibni l-mibgħeda, qalbna tibbies u ma nkunux nistgħu ngħixu ta’ aħwa bejnietna. Il-kmandament ‘la toqtolx’ jinkludi dak kollu li jmur kontra d-dinjità tal-persuna.
Mal-adulterju, Ġesù jinkludi l-ħsibijiet li wieħed ikollu biex jagħmel adulterju. Għalfejn jagħmel dan? Aħna ngħidu li dnub huwa meta wieħed iwettaq l-azzjoni. Imma bħal kull dnub ieħor, il-ħsieb li tagħmel il-ħażin, l-ewwel jibda jinbed fil-qalb u fil-moħħ, id-dnub jitwettaq wara li jkun inħema fil-moħħ.
Lealtà lejn Alla u lejn il-proxxmu tagħna tibda fil-qalb, fid-dispożizzjoni interjuri tagħna. Illum Ġesù qed jistaqsina biex dak li nafu li jrid Alla minna, aħna insarfuh f’azzjoni. Fl-aħħar mill-aħħar, kif insibu fl-Evanġelju ta’ San Mattew stess (25, 31-46), aħna ser inkunu ġġudikati fuq l-għażliet u l-azzjonijiet tagħna.