Hekk kif fl-ewwel Ħadd tar-Randan, dejjem nisimgħu r-rakkont ta’ Ġesù fid-deżert u t-tentazzjonijiet li kellu, hekk ukoll fit-tieni Ħadd tar-Randan, il-Knisja tagħtina l-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù.
Ġesù jistaqsi lil Pietru, Ġakbu u Ġwanni, imorru miegħu fuq muntanja. Waqt li kienu hemm, Ġesù inbidel quddiemhom, ilbiesu sar jixgħel u wiċċu jiddi. Miegħu dehru wkoll Mosè u Elija. Minbarra hekk, instema’ leħen Alla li qal li Ġesù kien ibnu u li għandna nisimgħu lilu. Fit-tliet Evanġelji Sinottiċi (i.e., Mattew, Mark u Luqa huma magħrufa bħala t-tliet evanġelji Sinottiċi (i.e., mill-Grieg sun [flimkien] u ópsis [daqqa ta’ għajn]), għax tista’ tqegħedhom f’kolonni ħdejn xulxin u tarahom jaqblu ħafna saħansitra fl-ordni tar-rakkonti, għalkemm għandhom persepttivi ta’ teoloġija differenti, skont il-bżonnijiet tal-fidi tal-komunitajiet insara lil lilhom inkitbu, i.e., ara ) it-Trasfigurazzjoni, isseħħ wara li Ġesù jkun għadu kif ħabbar il-mewt tiegħu, u jitkellem dwar ir-rwol ta’ dixxiplu. Din it-trasfigurazzjoni, għalhekk hija sors ta’ tama, fil-wegħda tal-glorja ta’ Ġesù u l-qawmien tiegħu, u tagħna.
Il-qari li nisimgħu llum qabel dan l-Evanġelju, għinnuna nifhmu li hija l-fidi li twassal għat-trasformazzjoni tagħna. U l-fidi x’inhi? Il-fidi, bħalma naraw f’Abram hija l-ubbidjenza, ubbidjenza għad-direzzjoni li jurina Alla. Il-fidi mhux bil-fors se ġġib magħha fehim. Abram, raġel li kien diġà xjaħ, ma fhemx x’ridt Alla, fejn kienet se twasslu l-ubbiddjenza tiegħu, imma minkejja dan, hu għamel dak li qallu Alla. Fil-ħajja tagħna wkoll, hemm okkażżjonijiet fejn trid tkun il-fidi tagħna, l-ubbidjenza tagħna għal Alla, li twassalna li nieħdu ċerta deċiżżjonijiet, għax it-triq li nkunu se naqbdu meta nieħdu din id-deċiżjoni ma tkunx ċara. Iżda nafdaw f’Alla u neħduha.
It-trasfigurazzjoni ta’ Ġesù tagħtina tama, għal dak li għad jiġri lilna, ħajja ta’ glorja ma’ Alla fil-ġenna. Il-leħen ta’ Alla li jinstema f’din il-ġrajja, tagħtina l-mod ta’ kif ser inkunu trasfigurati aħna wkoll. Irridu nisimgħu lil Ġesù. Fejn ser nisimgħu lil Ġesù? Nisimgħuh fil-qari tal-Bibbja, fl-omeliji u fl-laqgħat spiritwali, nisimgħuh b’mod speċjali fit-talb u fil-mumenti ta’ skiet.
Ma nistgħux iżda nieqfu hemm, irridu naċċettaw dak li qiegħed jgħidilna u nagħmluh. It-tagħlim ta’ Ġesù, irid isir dak li jmexxina fid-deċiżjonijiet tagħna ta’ kuljum. Kemm hi sabiħa, kemm hi ta’ faraġ, il-parti fejn l-appostli jintefgħu mal-art bil-biża’, u Ġesù jersaq lejhom, imisshom u jgħidilhom biex ma jibżgħux. U magħna, Ġesù jagħmel u jgħid l-istess affarijiet. Ġesù qatt ma jħallina waħedna.
Dalwaqt.