Jiddi bħax-xemx

It-Tieni Ħadd tar-Randan Matul is-Sena A

Hekk kif fl-ewwel Ħadd tar-Randan, dejjem nisimgħu r-rakkont ta’ Ġesù fid-deżert u t-tentazzjonijiet li kellu, hekk ukoll fit-tieni Ħadd tar-Randan, il-Knisja tagħtina l-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù. 

Ġesù jistaqsi lil Pietru, Ġakbu u Ġwanni, imorru miegħu fuq muntanja. Waqt li kienu hemm, Ġesù inbidel quddiemhom, ilbiesu sar jixgħel u wiċċu jiddi. Miegħu dehru wkoll Mosè u Elija. Minbarra hekk, instema’ leħen Alla li qal li Ġesù kien ibnu u li għandna nisimgħu lilu. Fit-tliet Evanġelji Sinottiċi (i.e., Mattew, Mark u Luqa huma magħrufa bħala t-tliet evanġelji Sinottiċi (i.e., mill-Grieg sun [flimkien] u ópsis [daqqa ta’ għajn]), għax tista’ tqegħedhom f’kolonni ħdejn xulxin u tarahom jaqblu ħafna saħansitra fl-ordni tar-rakkonti, għalkemm għandhom persepttivi ta’ teoloġija differenti, skont il-bżonnijiet tal-fidi tal-komunitajiet insara lil lilhom inkitbu, i.e., ara ) it-Trasfigurazzjoni, isseħħ wara li Ġesù jkun għadu kif ħabbar il-mewt tiegħu, u jitkellem dwar ir-rwol ta’ dixxiplu. Din it-trasfigurazzjoni, għalhekk hija sors ta’ tama, fil-wegħda tal-glorja ta’ Ġesù u l-qawmien tiegħu, u tagħna. 

Il-qari li nisimgħu llum qabel dan l-Evanġelju, għinnuna nifhmu li hija l-fidi li twassal għat-trasformazzjoni tagħna. U l-fidi x’inhi? Il-fidi, bħalma naraw f’Abram hija l-ubbidjenza, ubbidjenza għad-direzzjoni li jurina Alla. Il-fidi mhux bil-fors se ġġib magħha fehim. Abram, raġel li kien diġà xjaħ, ma fhemx x’ridt Alla, fejn kienet se twasslu l-ubbiddjenza tiegħu, imma minkejja dan, hu għamel dak li qallu Alla. Fil-ħajja tagħna wkoll, hemm okkażżjonijiet fejn trid tkun il-fidi tagħna, l-ubbidjenza tagħna għal Alla, li twassalna li nieħdu ċerta deċiżżjonijiet, għax it-triq li nkunu se naqbdu meta nieħdu din id-deċiżjoni ma tkunx ċara. Iżda nafdaw f’Alla u neħduha. 

It-trasfigurazzjoni ta’ Ġesù tagħtina tama, għal dak li għad jiġri lilna, ħajja ta’ glorja ma’ Alla fil-ġenna.  Il-leħen ta’ Alla li jinstema f’din il-ġrajja, tagħtina l-mod ta’ kif ser inkunu trasfigurati aħna wkoll. Irridu nisimgħu lil Ġesù. Fejn ser nisimgħu lil Ġesù? Nisimgħuh fil-qari tal-Bibbja, fl-omeliji u fl-laqgħat spiritwali, nisimgħuh b’mod speċjali fit-talb u fil-mumenti ta’ skiet. 

Ma nistgħux iżda nieqfu hemm, irridu naċċettaw dak li qiegħed jgħidilna u nagħmluh. It-tagħlim ta’ Ġesù, irid isir dak li jmexxina fid-deċiżjonijiet tagħna ta’ kuljum. Kemm hi sabiħa, kemm hi ta’ faraġ, il-parti fejn l-appostli jintefgħu mal-art bil-biża’, u Ġesù jersaq lejhom, imisshom u jgħidilhom biex ma jibżgħux. U magħna, Ġesù jagħmel u jgħid l-istess affarijiet. Ġesù qatt ma jħallina waħedna.

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (Mt 17, 1-9) 

F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil ħuh Ġwanni, tellagħhom fuq muntanja għolja weħidhom, u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl. U dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu. Qabeż Pietru u qal lil Ġesù: “Mulej, kemm hu sew li aħna hawn! Jekk trid, intella’ hawn tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè u waħda għal Elija”. Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom, u minn ġos-sħaba nstema’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu”.

Id-dixxipli, kif semgħu dan, waqgħu wiċċhom fl-art, mimlijin biża’. Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: “Qumu. La tibżgħux”. Huma refgħu għajnejhom u ma raw lil ħadd ħlief lil Ġesù waħdu.

Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, Ġesù ordnalhom u qalilhom: “Tgħidu lil ħadd b’din id-dehra sa ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Għal-Lhud, li titla’ fuq muntanja kienet tfisser, li tmur eqreb ta’ Alla, Alla li qiegħed fis-smewwiet. Inti fejn tmur biex tħossok qrib ta’ Alla? 
  4. Qatt kellek mumenti fejn bħal Pietru, għidt, “Mulej, kemm hu sew li jiena hawn”? Matul din il-ġimgħa, għaddi ħin fis-skiet, u oqgħod ma’ Alla; ma hemmx għalfejn ta’ ħafna kliem, emmen li qiegħed miegħek u għaddi dan il-ħin fil-preżenza tiegħu.
  5. Alla fil-ħniena u mħabba tiegħu, irid li jittrasformana biex inkunu persuni aktar sħaħ, persuni xbieha tiegħu. X’taħseb li hi dik il-ħaġa li Alla, bħalissa qiegħed jistaqsik biex tbiddel fil-ħajja tiegħek u b’hekk tersaq aktar qrib tiegħu?
  6. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Mattew (17, 1-9)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp vjola
    v. Computer/laptop bil-qari u clips
  7. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  8. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Fl-Evanġelju tal-lum nisimgħu ġrajja, meta Ġesù tela’ fuq muntanja ma’ 3 mid-dixxipli tiegħu, Pietru, Ġakbu u Ġwanni. Hemmhekk huma rawh jiddi bħax-xemx, jitkellem ma’ Mosè u ma’ Elija. Huma kienu qegħdin jitkellmu dwar il-fatt li Ġesù kien ser imur Ġerusalemm, u hemmhekk joqtluh. Il-ġrajja tal-lum insejħulha t-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù.

  • Ġesù jħalli lil Pietru, Ġakbu u Ġwanni, jarawh fil-glorja u jgħinhom jifhmnu għalfejn hu kien ser ibati u jmut; din kienet esperjenza mill-isbaħ għalihom.
  • Stampa tat-trasfigurazzjoni
  • Kuluri / lapes

Fl-Evanġelju tal-lum, xi ħaġa meraviljuża tiġri lil Ġesù! Dan kien mument kbir fil-ħajja tiegħu, kienet ġurnata speċjali. Nisimgħu meta Ġesù kien trasfigurat. “Trasfigurazzjoni” tfisser bidla sħiħa tal-mod li jidher, bidla fejn sar isbaħ milli kien. Darba minnhom, Ġesù ħa tlieta mid-dixxipli, l-aktar qrib tiegħu, fuq muntanja. Waqt li kien hemm, Pietru, Ġakbu u Ġwanni raw lil Ġesù jiddi bħax-xemx u l-ħwejjeġ tiegħu saru bojod. Miegħu kien hemm żewġt irġiel importanti, Mosè u Elija. Huma kienu jgħixu qabel Ġesù. Kulħadd kien jirrispethom, għax matul ħajjithom dejjem obdew lil Alla, għamlu dak li ried Alla. Ġesù kien qiegħed jitkellem magħhom, u Pietru ried li jagħmlu 3 tined għalihom. Iżda f’dak il-ħin ġiet sħaba u għattithom, u semgħu leħen jgħid, “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu”. Id-dixxipli beżgħu u waqgħu għarkobtejhom, iżda Ġesù misshom u qalilhom biex ma jibżgħux, u biex iqumu bilwieqfa. Ta’ min taħsbu li kienet dik il-vuċi? Kien leħen Alla. Meta Ġesù kien trasfigurat, hu kien miksi bil-glorja ta’ Alla. Hu kien l-iben maħbub ta’ Alla, il-Messija. Huma u neżlin mill-muntanja, Ġesù qalilhom biex ma jgħidu lil ħadd b’dak li raw, qabel ma jmut. Għalfejn taħsbu li Alla ppermeta li d-dixxipli jaraw din id-dehra? Hu ried li jwassal messaġġ speċjali. Dan il-messaġġ kien, li Ġesù kien bin Alla u li aħna rridu nisimgħu lilu. Dan il-messaġġ kellu jgħinna biex nimxu wara Ġesù; biex ngħixu ta’ nsara. Matul dan ir-Randan, Ġesù, kif jista’ jgħinek tiddi quddiem l-oħrajn?

Biex tiftakru l-ġrajja tal-lum, ipprintjaw l-istampa tat-trasfigurazzjoni u agħtuha l-kulur.

Isimgħu s-song.  I have decided to follow Jesus.

Inroddu s-salib

Għażiż Ġesù, matul dan ir-Randan, għinni nisimek u niddi quddiem l-oħrajn, bl-imħabba tiegħek, u b’hekk ikunu jafu li jiena dixxiplu tiegħek. Ammen.

Fl-evanġelju ta’ din il-ġimgħa, Ġesù juri l-identità divina tiegħu lid-dixxipli.

  • Li Ġesù hu dak kollu li nittamaw għalih; Hu l-ferħ kollu tagħna!

• Marker tal-Whiteboard

• Whiteboard

Fis-silta tal-Evanġelju ta’ din il-ġimgħa, nesploraw it-“trasfigurazzjoni” ta’ Ġesù. Din hija kelma pjuttost kbira—tistawʼ tgħiduha? (i.e., stieden lit-tfal jgħiduha). Ara, din id-darba Ġesù tela’ fuq muntanja u ħa miegħu ftit mill-eqreb ħbieb Tiegħu: Pietru, Ġakbu u Ġwanni. Kif kienu hemm fuq, Ġesù beda jiddi ħafna, mimli dawl (i.e., hawn tista’ tiddi flashlight jew torċ għal iktar effett).

Dan kollu lid-dixxipli beżagħhom xi ftit. Imbagħad, f’daqqa waħda, id-dixxipli ħdejn Ġesù raw lil Mosè u Elija. L-​appostli ma kinux jafu x’għandhom jagħmlu, u ftit wara, semgħu leħen Alla jgħid: “Dan hu Ibni l-​maħbub – isimgħuh!”.

Wara li semgħu dan, id-​dixxipli indunaw li kienu fil-​preżenza t’Alla, u waqgħu fl-art bil-​biżaʼ. Imma Ġesù ħeġġiġhom biex jerġgħu jqumu! Id-dixxipli kienu finalment raw min kien Ġesù Kristu! Raw lil Ġesù fin-natura divina tiegħu. Meta Ġesù ġie fid-Dinja, hu kien Alla imma kien ukoll moħbi. Dan għaliex, waqt li kien tassew u kompletament persuna umana, fl-istess ħin, kien ukoll totalment Alla. Ħafna nies kienu ilhom jistennew il-Messija u jistaqsu kif se jkun. Id-dixxipli bdew jistaqsu jekk Ġesù kienx dak li kienu ilhom jistennew. Ħasbu li kien. Iżda din l-esperjenza fuq il-muntanja neħħiet kull dubju possibbli. Li raw lil Ġesù mibdul, b’xi mod, u li semgħu leħen Alla, għamilhom assolutament ċerti. Dan kien tassew Alla.

Kif taħseb li għamilhom iħossuhom dan kollu? Naħseb li x’aktarx kienu pjuttost ferħana meta saru jafu min kien Ġesù (i.e., li kien verament il-Messija). Tabilħaqq, probabbli marru jgħidu lid-dixxipli l-oħra, u ma setgħux jistennew li jqattgħu aktar ħin ma ‘Ġesù. Aħna eċċitati daqshekk b’Ġesu? Wara kollox, aħna jista jkollna iktar minn sempliċi ħarsa lejn Ġesu. Il-kumplament tal-istorja nafuha… Ġesù mhux biss għex bħala bniedem, imma miet u qam biex ikollna l-ħajja m’Alla. Kien tassew Alla, u sar bniedem bħalna. Li nkunu nafu dan għandu jagħmilna mimlijin bit-tama u l-ferħ. Għandna nkunu ħerqana li naqsmu dan ma’ ħaddieħor, billi niċċelebraw l-imħabba li Alla għandu għalina!

Huwa rigal mill-isbaħ, u m’għandniex għalfejn nitilgħu fuq muntanja biex nircievuħ. Nafu li Ġesù kien it-twettiq finali ta’ dak kollu li kien promess, u Hu għadu l-ferħ tagħna llum!

Inroddu s-salib

Għażiż Missier, grazzi talli wrejtna min hu Ġesù; għinna nistagħġbu bil-glorja tiegħek u niddu bl-imħabba tiegħek. Grazzi tal-Bibbja. Grazzi tal-imħabba kollha li esprimejt u li kompli tesprimi f’Ġesù. Aħna nħobbuk ukoll!

Amen.

Dalwaqt.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.