F’dan il-Ħadd, aħna mistiedna nirriflettu dwar tliet aspetti importanti ħafna: il-ħajja, il-mewt u l-qawmien mill-mewt. Il-qari meħud minn San Ġwann u jirrankonta l-ġrajja meta Ġesù jqajjem lil Lazzru mill-mewt.
Forsi narawh stramb il-fatt li Ġesù ma jmurx għand Lazzru u ħutu, hekk kif sama’ li dan sieħbu kien marid. Minflok Ġesù jmur wara jumejn, u Lazzru kien laħaq miet. Meta jara lil oħtu Marta, jgħidilha, “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix.”
Għalfejn Ġesù ma marx mal-ewwel għand Lazzru? Ġesù ried li Alla jkun iglorifikat. Ried juri s-setgħa ta’ Alla fuq il-mewt, ried juri hu min hu.
Ħadd ma jieħu gost jaħseb fil-mewt. Il-mewt ta’ qraba u ħbieb iġġib magħha dwejjaq u tbatija. Iżda din il-ġrajja trid twasslilna ħafna tama. Il-qawmien ta’ Lazzru mill-mewt, isseħħ ftit qabel ma Ġesù jgħaddi mill-passjoni u mewt fuq is-salib. Bħalma nafu u nemmnu, Ġesù jqum mill-mewt. Għalhekk it-tama tagħna hi li minkejja li f’din id-dinja ser ngħaddu minn żminijiet li jkunu diffiċli u wkoll ta’ tbatija, dejjem hemm it-tama ta’ ħajja ġdida.
Ġesù ma jgħidx li hu biss il-qawmien, iżda wkoll li hu l-ħajja. Il-qari tal-lum huwa minn kapitlu 11, fil-kapitlu ta’ qabel, fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, Ġesù jgħid, “Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra.” (Ġw 10,10) Ġesù jrid li aħna ngawdu mhux biss il-ħajja ta’ dejjem fil-ġenna, iżda wkoll il-ħajja fuq din l-art. U l-ferħ f’din il-ħajja niksbuh meta aħna nagħmlu kollox għall-glorja ta’ Alla. Marija u Marta ma setgħux jifhmu għalfejn Ġesù dam ma mar. Dan lilna jgħallimna dwar l-perseveranza tat-talb; qatt ma għandna nieqfu nitolbu, Alla dejjem jismagħna, iżda mhux dejjem naqilgħu dak li nitolbu għalih. Kieku Ġesù mar mal-ewwel, forsi Lazzru kien ikun għadu ħaj u jfejqu. Iżda hekk Ġesù għamel xi ħaġa ħafna akbar, qajmu mill-mewt. Dan jurina l-qawwa ta’ Alla, li tirbaħ il-mewt, li tista’ tirbaħ l-akbar tbatija u sfida li aħna niltaqgħu magħha f’din id-dinja. Il-qawwa ta’ Alla, fl-aħħar nett, tagħtina t-tama li wara din il-ħajja, aħna għad ingawdu ħajja dejjiema miegħu.