San Sidor ta’ Sevilja

4 t'April

Huwa diffiċli biex temmen li qaddis mis-seklu sitta jista’ jkun patrun tal-internet u ta’ dawk li jużawh!  Dan huwa eżatt x’ġara waqt il-Pontifikat ta’ San Papa Gwanni Pawlu II, u San Sidor għadu magħruf bħala l-Patrun tal-internet sal-lum.

Sidor twieled fis-sena 560 f’Kartaġena, Spanja.  Tnejn minn ħutu kienu Isqfijiet u oħtu kienet Badessa ta’ Monasteru.  Ħuh Leandru, li kien ħafna akbar minnu,  ħadu taħt il-ħarsien tiegħu biex ikollu edukazzjoni tajba. Leandru ried ikun  żġur li Sidor jilħaq l-għola livelli akkademiċi għalhekk impona miżuri stretti fuqu u ħafna kastigi.

Bla dubju, l-intenzjonijiet ta’ Leandru kienu tajbin, iżda Sidor ma setax jissaporti dan it-trattament u ħarab! Ħassu megħlub minn sens ta’ falliment talli ma rnexxilux jilħaq l-aspettattivi ta’ ħuh.

Darba kellu esperjenza li biddlet  l-attitudni tiegħu lejn is-sitwazzjoni. Huwa nnota li għalkemm  qatra ilma ma kinitx tħalli l-ebda marka fuq blata, maż-żmien l-ilma kien itaqqabha. Dan ġegħlu jirrealizza li permezz ta’ sforzi żgħar huwa seta’ jilħaq il-livelli akkademiċi mistennija minnu. Filfatt hu rnexxielu jaqbeż l-aspettattivi kollha! 

Huwa rritorna d-dar u ħuh żammu f’ċella f’monasteru biex ikun żgur li ma jerġax jaħrab.  Hemmhekk, Sidor temm l-istudji tiegħu.  Eventwalment, Sidor mar jaħdem ma’ ħuh, u kien is-suċċessur tiegħu bħala Isqof ta’ Sevilja.

Matul dan iż-żmien, Spanja kienet għaddejja minn perjodu ta’ kunflitt kbir, speċjalment fi ħdan il-Knisja. Tribujiet Ġermaniżi, kienu nvadew Spanja madwar 150 sena qabel ma twieled Sidor u fil-fatt kienu stabbilixxu t-territorju tagħhom stess. B’riżultat ta’ dan, Spanja nqasmet f’żewġ gruppi; it-Tribujiet Ġermaniżi li kienu Arjani (insara li ma kinux jemmnu li Ġesù huwa l-Iben ta’ Alla),  u l-Knisja Kattolika.

Kien permezz tal-isforzi bla waqfien u t-tagħlim ta’ Sidor li l-Knisja Kattolika fi Spanja reġgħet ingħaqdet fit-twemmin tagħha.

Bħala Isqof ta’ Sevilja, huwa organizza sinodi biex jiddiskutu u jorganizzaw kif ser titmexxa l-Knisja Kattolika fi Spanja.  Huwa appoġġja u ħares il-ħajja monastika, kif ukoll il-monasteri li kienu qed jissaħħu.  Prova ukoll iwaqqaf seminarju f’kull djoċesi fi Spanja, ppromova l-integrazzjoni ta’ tagħlim fl-istudju tal-arti u l-mediċina f’kull seminarju.

San Sidor ta’ Sevilja, jibqa’ mfakkar bħala studjuż kbir ‘b’għerf enċiklopediku’.  Huwa kompla jikteb kotba anke meta kien kbir fl-età, fejn irnexxielu jipproduċi ġabra ta’ kotba dwar kull suġġett u mhux biss suġġetti reliġjużi.  Ix-xogħol letterarju tiegħu ġie deskritt bħala ‘maħżen kbir fejn ġabar u organizza t-tagħlim kollu ta’ żmienu’. 

Qabel ma miet, fis-sena 636, imdawwar b’tant nies foqra li kien għen u appoġġja matul ħajtu, huwa ta l-ġid kollu tiegħu lill-foqra.  San Sidor huwa rikonoxxut bħala Duttur tal-Knisja minħabba x-xogħol letterarju tiegħu u minħabba li ppromova it-tagħlim tal-Knisja Kattolika.

Araw xbiehat ta’ San Sidor ta’ Sevilja :

Bħala ġenituri, ilkoll għandna intenzjonijiet tajbin meta naħdmu flimkien ma’ wliedna biex jirnexxu, jiksbu l-kuntentizza u jilħqu pożizzjonijiet tajbin fil-ħajja. Iżda huwa importanti li nagħrfu d-differenza bejn l-inkuraġġiment u li nagħmlu pressjoni żejda fuqhom. Irridu nifhmu li t-tfal mhumiex ‘estensjoni’ tagħna biex jilħqu dak li ma lħaqniex aħna.  Mingħajr ma nindunaw, nistgħu nkunu qed noħolqu stress permezz ta’ pressjoni eċċessiva min-naħa tagħna bħala ġenituri, billi nqabbluhom ma’ sħabhom jew ma’ ħuthom.  Mhux biss fir-rigward tat-tagħlim akkademiku, iżda anke fl-isport jew f’attivitajiet oħra u saħansitra anke tad-dehra tagħhom.

Ejjew nikkritikaw inqas u nfaħħruhom aktar għat-tajjeb li jagħmlu.  Meta jkun hemm bżonn li nikkritikaw, ejjew nużaw lingwaġġ pożittiv li joffri suġġerimenti għat-titjib, filwaqt li nibqgħu miftuħa għall-opinjonijiet tagħhom ukoll.

Jeħtieġ li ‘nisimgħu’ dak li qed iħoss it-tifel jew it-tifla, filwaqt li aħna stess nesprimu s-sentimenti tagħna. Dawn l-atteġġjamenti jwittu t-triq għall-relazzjoni soda matul is-snin tal-adoloxxenza u anke meta jilħqu l-età adulta.

Uliedna qegħdin jgħixu f’dinja ta’ teknoloġika avvanzata ħafna!

  • Kull meta jkun possibli, ejjew nużaw l-internet flimkien mat-tfal speċjalment dawk ta’ età żgħira u niżguraw x’qed jagħmlu t-tfal il-kbar waqt li jkunu onlajn.  Toqogħdux lura minn li tużaw il-‘privacy settings’ u l-‘parental controls’.  
  • Mat-tfal akbar, oħloq opportunitajiet biex tedukahom dwar kif jużaw l-internet b’mod sigur, li ma jaqsmux informazzjoni personali jew jagħfsu fuq links li jistgħu jkunu perikolużi u biex ikunu konxji ta’ ‘bullying’ onlajn. 

Ħin tat-Talb mal-Familja

Flimkien mat-tfal, fittxu fuq l-internet dwar:

  • Stejjer jew films  dwar grajjiet marbuta mal-Misteru tal-Għid li l-Knisja qed tiċċelebra f’dan iż-żmien tas-sena.
  • Komplu b’diskussjoni qasira u talba fis-silenzju bħala familja.

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.