Hija diffiċli biex temmen li qaddis mis-seklu sitta jista jkun patrun tal-internet u ta’ dawk li jużawh! Dan huwa eżatt x’ġara waqt il-pontifikat ta’ San Papa Gwanni Pawlu II, u San Sidor għadu magħruf bħala il-Patrun tal-Internet sa llum.
Sidor twieled fis-sena 560 ġewwa Spanja, tnejn minn ħutu kienu Isqfijiet u oħtu kienet Badessa (Superjura) ta’ Monasteru. Ħuħ, Leander, ħa ħsieb l-edukazzjoni ta’ Sidor, fejn żgura li Sidor leħaq l-għola livelli akkademiċi permezz ta’ miżuri stretti u kastigi.
Mingħajr dubju, Leander, kellu intenzjonjiet tajba, imma Sidor ma setax jissaporti dan it-trattament hu ħarab! Sidor imtela b’sens ta’ falliment għax ħass li ma leħaqx dak li ħuħ stenna minnu. Darba kellu esperjenza li bidlitlu l-attitudni tiegħu dwar is-sitwazzjoni. Huwa innota li avolja qatra ilma ma kienetx tħalli marka fuq ġebla, maż-żmien l-ilma kien ittaqqabha l-ġebla. Din ġiegħlitu jirrealizza li permezz ta’ sforzi żgħar huwa seta jilħaq il-livelli akkademiċi li kien mistenni minnu. Maż-żmien Sidor irnexielu jisboq dak li kien mistenni minnu!
Huwa irritorna lura d-dar u ħuħ żammu ġewwa ċella (kamra fejn jgħixu l-patrijiet) ġo monasteru biex ikun żgur li ma jerġax jaħrab. Hawnhekk, Sidor temm l-istudji tiegħu. Eventwalment, Sidor ħadem fil-qrib ma ħuħ, u kien is-suċċessur tiegħu bħala L-Isqof ta’ Sevilja.
F’dan iż-żmien, Spanja kienet qegħda tesperjenza konflitti kbar speċjalment fil-Knisja. Tribujiet Ġermaniżi, kienu invadew Spanja madwar 150 sena qabel ma twieled Sidor u kienu stabbilixxu it-territorju tagħhom. Dan irriżulta bi Spanja tispiċċa maqsuma bejn żewġ gruppi; bejn it-Tribujiet Ġermaniżi li kien Arjani, Insara li ma kienux jemmnu li Ġesu’ huwa l-Iben ta’ Alla u l-Knisja Kattolika. Kien permezz ta’ sforzi ta’ Sidor kif ukoll tat-tagħlim tal-Knisja Kattolika li Spanja reġgħet ingħaqdet fit-twemmien tagħha.
Bħala Isqof ta’ Sevilja, huwa organizza Sinodu biex jiddiskutu u jorganizzaw kif titmexxa l-Knisja Kattolika fi Spanja. Huwa appoġġja u ħares il-ħajja monastika, kif ukoll il-monasteri li kienu qed jissaħħu. Huwa prova ukoll iwaqqaf seminarju f’kull djoċesi fi Spanja, huwa ppromova l-integrazzjoni ta’ tagħlim olistiku fi seminarju.
San Sidor ta’ Sevilja, jibqa imfakkar bħala studjuż kbir ‘b’għerf enċikolpediku’. Huwa kompla jikteb kotba anki meta kien kbir fl-eta, fejn irnexielu joħloq kollezzjoni ta’ kotba dwar kull suġġett u mhux biss suġġetti reliġjużi. Ix-xogħol letterarju tiegħu ġie deskritt bħala ‘maħżen kbir fejn ġabar u organizza it-tagħlim kollu ta’ żmienu’. Sidor, Isqof ta’ Sevilja baqa meqjus bħala l-akbar għalliem fi Spanja, anki ġie deskritt bħala ‘Wikipedija uman’!
Qabel ma miet fis-sena 636, imdawwar bil-fqar li kien għen matul ħajtu; huwa kien qassam kull ma kellu lill-foqra. San Sidor huwa rikonoxxut bħala Duttur tal-Knisja minħabba ix-xogħol literarju tiegħu u minħabba li ippromova it-tagħlim tal-Knisja Kattolika.