Fl-evanġelju tal-lum naraw li għax Alla l-Missier għandu mħabba kbira għalina, bagħat lil Ibnu biex isalvana. Wara li Ġesù temm il-ħidma tiegħu fuq l-art ma ħalliniex waħedna, iżda bagħtilna l-Ispirtu s-Santu sabiex permezz tiegħu nsiru nafuh aktar. L-għarfien tagħna ta’ Ġesù, jwassalna għand il-Missier.
Għalkemm issa bdejna dak iż-żmien li nsejħulu Ordinarju, il-Knisja tagħtina żewġ festi oħra kbar u importanti wara l-Ħadd ta’ Pentekoste. Dan il-Ħadd niċċelebraw lit-Trintà Qaddisa u l-Ħadd li ġej niċċelebraw il-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Sidna Ġesù Kristu, Corpus Domini.
L-Evanġelju tal-lum insibuh fl-ewwel kapitli ta’ San Ġwann u huwa l-aħħar parti minn konverżazzjoni bejn Ġesù u Nikodemu. Nikodemu kien Fariżew, imma t-tagħlim ta’ Ġesù kien jinterressah ħafna u biex ma jarawhx in-nies, mar jitkellem ma’ Ġesù bil-lejl. Fil-parti tal-bidu ta’ din il-konverżazzjoni Ġesù jispjega lil Nikodemu li l-magħmudija hija mezz ta’ salvazzjoni tal-bniedem. Nikodemu ma jistax jifhem. Irridu npoġġu lilna nfusna minflok dan il-Fariżew; dan it-tagħlim ta’ Ġesù kien kollu ġdid, għalhekk f’dan il-mument ma setax jifhem dak li kien qiegħed ifissirlu Ġesù.
Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù qiegħed jispjega aktar dwar is-salvazzjoni. Illum niċċelebraw it-Trinità Qaddisa, u huwa propju permezz tat-Trinità li aħna nsalvaw. Alla huwa wieħed fi tlett persuni: il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Il-Missier jibgħat lill-Iben fid-dinja biex isalvana. L-Iben jagħtina lill-Ispirtu s-Santu bħala għajnuna għalina biex ngħixu ta’ vera nsara. Alla huwa mħabba, kull azzjoni tiegħu hija ta’ mħabba, qatt ma hija ta’ kundanna jew kefrija.
F’kull quddiesa aħna ngħidu l-Kredu. Li nkunu nafu ngħiduh mhux biżżejjed. Irridu nifhmuh, nemmnuh u ngħixuh u b’hekk insalvaw. Dan kollu nistgħu nagħmluh bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.