Arkanġli San Mikiel, Gabrijel u Rafel

29 ta' Settembru

Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jikkonferma li l-Anġli jeżistu, fejn iħabbar li l-eżistenza tagħhom hija ‘verita tal-Fidi’.  Il-kelma ‘Anġlu’ ġejja mill-kelma ‘aggelos’ li tfisser ‘messaġġier’, filwaqt li Santu Wistin jiddeskrivi l-Anġli bħala ‘ħlejqiet spiritwali mingħajr ġisem materjali maħluqa minn Alla’ b’missjoni speċjali bħala messaġġiera ta’ Alla.

L-Iskrittura tirreferri għas-seba spirti li qegħdin quddiem it-Tron ta’ Alla, filwaqt dawk li jissemmew b’isimhom biss huma Mikiel, Gabrijel u Rafel bħala Arkanġli mogħtija missjoni speċjali bħala messaġġiera ta’ Alla għall-poplu magħżul minnu biex jitwettaq il-pjan tas-Salvazzjoni Tiegħu.

Billi huma spirti, xi kultant ma jkollniex dik ir-rabta li jkollna ma qaddisin oħra.  Anġlu huwa spirtu u m’għandux ġisem bħalna.  Billi huma spirti m’għandhomx data ta’ meta twieldu jew mietu, mhumiex raġel jew mara u qatt ma kienu jagħmlu parti minn familja!

Ix-xbiehat ta’ l-Arkanġli li naraw jirrepreżentaw il-kwalitajiet tagħhom.  Il-ġwienah juru li mhumiex marbutin maż-żmien jew mal-ħin u jivvjaġġaw malajr.  Huma deskritti bħala safja u jiddu rapreżentazzjoni tas-safa tal-Ġenna.

L-isem Mikiel iffisser ‘Min hu bħal Alla’?.  Dan ħareġ minn silta fl-Iskrittura li it-Tradizzjoni Nisranija attribwit missjoni speċifikament lil San Mikiel, dik ta’ prottetur kontra l-ħażen wara u li qam kontra l-anġli l-ħżiena li ħaduha kontra Alla (Rev. 12:7).  San Mikiel jidher bħala gwerrier b’xabla, elmu u tarka.  San Mikiel jirrapreżenta kuraġġ, qawwa u l-verita. San Mikiel ikompli iħarisna, u imexxina fit-triq it-tajba, l-bogħod mill-ħażen.

L-Isem Gabrijel iffisser ‘Alla wera lilu nnifsu l-Qawwi’.  Dan l-Arkanġlu jispikka fis-siltiet tal-Bibbja fit- tħabbir ta’ twelid ta’ San Ġwann il-Battista  u tħabbir u twelid ta’ Ġesu’ mill-Madonna (Lq 1: 26:38), deher lil San Ġużepp waqt l-inċertezzi tiegħu (Mt 20:24). Kif ukoll fit-tħabbir ta’ twelid ta’ Ġesu’ lir-ragħajja.  San Gabrijel seta kien ukoll l-Anġlu li ta l-għajnuna tiegħu lil Ġesu’ fil-Ġnien taż-Żebbuġ u dak li kien bilqiegħeda fuq il-qabar u ħabbar lin-nisa il-Qawmien ta’ Ġesu’ mill-mewt.

L-Isem Rafel iffisser ‘Alla Jfejjaq’.  Dan l-Arkanġlu jidher fil-Bibbja, fil-Ktieb ta’ Tobija, fejn akkumpanja lill-Tobija fil-vjaġġ tiegħu, għamel possibli iż-żwieġ ta’ Tobija ma’ Sara u fetaħ għajnejn Tobit li kien għami.  San Rafel huwa l-Anġlu li kien jinżel fuq il-menqgħa ta’ Betżata, iqanqal l-ilma u l-ewwel persuna li kienet tinżel fl-ilma kienet tfiq.  San Rafel huwa magħruf bħala l-Anġu tal-fejqan.

Mill-Bibbja tat-tfal aqra xi siltiet dwar l-Arkanġli jew araw:

  • Ħeġġeġ lit-tfal biex jitkellmu dwar kif kienu iħossuhom kieku esperjenzaw dak li inqara f’dawn is-siltiet, x’kienu jagħmlu u jgħidu.
  • Forsi togħġobhom l-idea li jpinġu l-Arkanġli, iżejnuhom u jwaħħluhom fil-kamra tagħhom.
  • Tkellem mat-tfal dwar kif aħna, bħal l-Arkanġli nistgħu inkunu messaġġiera ta’ l-Imħabba ta’ Alla, billi naqsmu imħabbtu ma’ oħrajn għax Alla jħobb lill-kulħadd, anki persuni diffiċli!
  • Tkellem mat-tfal dwar kif nistgħu nuru imħabbitna fid-dar, l-iskola u f’kull sitwazzjoni billi inkunu ġentili, ta’ għajnuna, naħsbu fl-oħrajn u nkunu ġenerużi.


Ħin għat-Talb mal-Familja

  • Għamlu talba ta’ tifħir lil Alla bħal ma jagħmlu l-Arkanġli il-Ġenna.  Faħħru lil Alla għaliex hu Kbir u Qawwi eċċ.
  • L-aħħar messaġġ ta’ Arkanġlu Rafel lill-Tobit u Tobija kien, ‘Issa bierku lill-Mulej fuq l-art; faħħru lil Alla”.

– Kanta mat-tfal: Bible Songs Collection for Children Summer 2023   

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.