Naqraw

Luqa 2, 41-52

41Ta’ kull sena l-ġenituri ta’ Ġesù kienu jmorru Ġerusalemm għall-festa tal-Għid. 42Meta kellu tnax-il sena telgħu wkoll, skont id-drawwa ta’ dik il-festa. 43Wara li għaddew dawk il-ġranet qabdu t-triq lura, imma t-tfajjel Ġesù baqa’ Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu. 44Huma ħasbuh qiegħed ma’ xi wħud li kienu fit-triq magħhom; iżda meta wara jum mixi fittxewh fost qrabathom u n-nies li kienu jafuhom, 45ma sabuhx, u għalhekk reġgħu lura Ġerusalemm ifittxuh.

46Wara tlitt ijiem sabuh fit-tempju, bilqiegħda f’nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom; 47u kull min semgħu baqa’ mistagħġeb bid-dehen u t-tweġibiet tiegħu. 48Kif rawh, instamtu, u ommu qaltlu: “Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma!” 49U hu qalilhom: “U għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?” 50Iżda kliemu ma fehmuhx. 51Imbagħad niżel magħhom u raġa’ mar Nazaret; u kien jobdihom. U ommu kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha. 52U hekk Ġesù baqa’ jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.

Nitolbu

Ġesù kien jaf li Alla kien missieru u li t-Tempju kienet id-dar speċjali ta’ Alla. Għinni biex dejjem nuri rispett meta nidħol fil-knisja, u b’hekk inkun qed nurik li naf li inti Missieri fis-sema. Ammen. 

Ngħixu

Meta Marija u Ġużeppi sabu lil Ġesù fit-Tempju, qalilhom, “Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?” Kif nistgħu nkunu bħal Ġesù? Il-knisja hija d-dar ta’ Alla. Alla jifraħ ħafna meta nagħtuh mill-ħin tagħna u mmorru l-knisja. 

Illum, dak li ser nagħmlu! Se mmorru l-knisja u nagħtu l-ħin tagħna lil Alla. Meta nkunu l-knisja nitkellmu ma’ Alla dwar kif aħna u nirringrazzjawh ta’ Ġesù li jgħallimna dwar l-imħabba ta’ Alla.  

Attività