Naqraw

Ġwanni 3, 1-12 

Kien hemm fost il-Fariżej raġel jismu Nikodemu, wieħed mill-kbarat tal-Lhud. 2Dan ġie għand Ġesù billejl u qallu: “Rabbi, aħna nafu li inti Mgħallem mibgħut minn Alla; għax ħadd ma jista’ jagħmel is-sinjali li qiegħed tagħmel int jekk ma jkunx Alla miegħu.” 3Ġesù wieġbu: “Tassew tassew ngħidlek li jekk wieħed ma jitwelidx mill-ġdid, ma jistax jara s-Saltna ta’ Alla.”

4Qallu Nikodemu: “Kif jista’ wieħed jitwieled wara li jkun xjieħ? Jista’ forsi jerġa’ jidħol f’ġuf ommu u jitwieled?” 5Wieġbu Ġesù: “Tassew tassew ngħidlek, li jekk wieħed ma jitwelidx mill-ilma u l-Ispirtu, ma jistax jidħol fis-Saltna ta’ Alla. 6Dak li jitwieled mill-ġisem hu ġisem; u dak li jitwieled mill-Ispirtu hu spirtu. 7La tistagħġibx jekk jiena għedtlek li jeħtiġilkom titwieldu mill-ġdid. 8Ir-riħ fejn irid jonfoħ; tisma’ ħossu, imma ma tafx mnejn hu ġej jew fejn hu sejjer. Hekk jiġri minn kull min jitwieled mill-Ispirtu.” 9“Kif qatt jista’ jkun dan?” raġa’ qallu Nikodemu. 10U Ġesù qallu: “Inti mgħallem f’Iżrael u dan ma tafux? 11Tassew tassew ngħidlek li aħna qegħdin nitħaddtu fuq dak li nafu, u qegħdin nagħtu xhieda ta’ dak li rajna, imma x-xhieda tagħna ma tilqgħuhiex. 12Jekk intom ma temmnux meta nitkellem magħkom fuq il-ħwejjeġ tal-art, kif sejrin temmnu meta nkellimkom fuq il-ħwejjeġ tas-sema?

Nitolbu

Nikodemu jmur għand Ġesù fid-dlam, iżda meta jitkellem ma’ Ġesù, jara d-dawl. Mulej, għinni biex dejjem nimxi fid-dawl tiegħek u nwassal id-dawl tiegħek permezz ta’ dak li ngħid u nagħmel. Ammen. 

Ngħixu

Ġesù jitkellem dwar l-ilma u l-Ispirtu. Fil-magħmudija tagħna ntuża l-ilma u l-Ispirtu s-Santu niżel fuqna. Għall-magħmudija tiegħek, il-ġenituri għażlulek żewġ parrini. Taf min huma? 

Illum għamel kartolina għall-parrini tiegħek, irringrazzhom li kienu l-parrini tiegħek u li qegħdin jgħinuk biex issir taf lil Ġesù aktar. 

Attività