Santa Gianna Beretta Molla

28 ta' April

Gianna Beretta Molla twieldet fl-4 ta’ Ottubru 1922, f’Magenta, l-Italja.  Kienet l-għaxar wild f’familja ta’ 13-il tifel u tifla. Il-familja tagħha kienu Kattoliki. Irċeviet l-edukazzjoni kemm mid-dar kif ukoll l-iskola u kienet tipprattika l-isports popolari tal-lokal, l-iskijjar u titla’ mal-muntanji.

Meta kellha għoxrin sena, bdiet l-istudji tagħha fil-mediċina fl-Università. Aktar tard, fis-sena 1949, hi gradwat mill-Università ta’ Pavia, kemm fil-mediċina u anke fil-kirurġija. Kien għalhekk li fis-sena 1950, hi fetħet klinika f’raħal twelidha – Magenta. Baqgħet tistudja u speċjalizzat fil-pedjatrija mill-Università ta’ Milan, biex tkun tista’ tagħti attenzjoni speċjali lill-ommijiet u lit-trabi.

Kien hemm żmien meta Gianna kkunsidrat li tingħaqad ma’ ħuha, li kien qassis il-Brażil. Imma rrealizzat li l-missjoni tagħha kienet fil-mediċina f’pajjiżha. Saret membru tas-Soċjetà ta’ San Vinċenz de Paul, u ddedikat is-servizz appostoliku tagħha lill-Azzjoni Kattolika (moviment lajk li hu mpenjat li jxerred it-Tagħlim Nisrani).

Meta kellha 32 sena, iltaqgħet mal-inġinier Pietro Molla, iżżewġu fl-1955 bil-ħsieb li jħaddnu ż-żwieġ u l-bini ta’ familja Kattolika soda bħala vokazzjoni. Bejn l-1956 u 1959, huma kellhom tlett itfal: Pierluigi, Maria Zita u Laura. Imbagħad, fl-1961 saret taf li ser ikollhom r-raba’ tarbija.

Kmieni fit-tqala tagħha, indunaw li kellha tumur. Hi eskludiet kull għażla oħra – inkluż l-abort, li seta’ jsalva ħajjitha iżda mhux dik tat-tarbija. Għażlet li tipprova tneħħi t-tumur u ssalva lit-tarbija. L-operazzjoni kienet ta’ suċċess u t-tqala kompliet għalkemm mhux mingħajr kumplikazzjonijiet. Gianna kompliet b’ħajjitha u bl-impenji tagħha sakemm twieldet it-tarbija, tifla, u semmietha Gianna Emanuela.

Madankollu, wara t-twelid tat-tarbija, Gianna żviluppatilha marda, peritonite settika, infezzjoni li tinfirex fid-demm. Hi mietet fit-28 ta’ April, 1962, ġimgħa wara li welldet.

Bintha, Gianna Emanuela, kibret u saret tabiba hi stess. Fl-2004, hija kienet preżenti għall-kanonizzazzjoni ta’ ommha, flimkien ma’ missierha Pietro Molla u l-familja tagħhom.  

Santa Gianna Beretta Molla ġiet kanonizzata minħabba l-eroiżmu tagħha, hekk kif kienet lesta tmut għat-tarbija tagħha; matul il-prova diffiċli li għaddiet minnha, hija insistiet: ‘Jekk ikollkom tiddeċiedu bejni u bejn it-tarbija, toqogħdux lura – agħżlu lit-tarbija’.  

L-istorja tal-ħajja ta’ Santa Gianna Beretta Molla tqajjem kwistjonijiet delikati ħafna li mhumiex faċli biex tiddiskutihom mat-tfal. Forsi jkun aħjar jekk ma tkunx int li tiftaħ id-diskussjoni dwar dawn l-aspetti, li għandhom x’jaqsmu mas-saħħa tal-omm tqila u tat-tarbija fil-ġuf. Ħalli lit-tfal jagħmlu l-mistoqsijiet huma; il-mistoqsijiet tagħhom iservu ta’ gwida dwar x’tip ta’ diskussjoni hija xierqa għall-età tagħhom.

  • Agħti spjegazzjonijiet qosra u sempliċi bħala tweġiba għal dak li jistaqsu. It-tfal mhumiex lesti biex jisimgħu wisq spjegazzjonijiet.
  • Irridu niftakru li t-tfal jirreaġixxu b’mod differenti mill-adulti meta jiffaċċjaw sitwazzjonijiet li jqanqlu sensittività emozzjonali. Dawn jistgħu jwasslu għal biża’ u ansjetà, speċjalment jekk ikunu jafu li xi ħadd mill-familja tagħhom għaddej minn sitwazzjonijiet simili jew għandu xi kundizzjoni medika.
  • Jista’ jkun ta’ għajnuna jekk tispjega li, miż-żmien ta’ Santa Ġianna ‘l hawn, saru passi kbar ‘il quddiem fix-xjenza u fil-kura medika, kemm għas-saħħa tal-omm kif ukoll għal dik tat-tarbija.

Forsi l-aktar ħaġa importanti li nistgħu nitgħallmu minn Santa Ġianna hija l-altruwiżmu sħiħ tagħha u n-nuqqas ta’ egoiżmu.

  • Qatt mhu kmieni wisq biex ngħinu lit-tfal tagħna jagħmlu għażliet żgħar ta’ ġenerożità kuljum; dan iħejjihom biex aktar ‘il quddiem f’ħajjithom ikunu jistgħu jagħmlu għażliet akbar.
  • Waħda mill-ewwel kelmiet li jitgħallmu jgħidu t-tfal hija “tiegħi”, u jużawha kontinwament biex jitolbu ġugarelli, ikel u ħelu – saħansitra jgħiduha għall-adulti ta’ madwarhom! Din it-tendenza naturali tista’ tiżviluppa f’sens li “kollox hu dritt tiegħi”, fejn it-tfal jitimgħu l-ego tagħhom u jistennew li kulħadd jagħmel minn kollox biex jaqdihom, u b’hekk jiżviluppaw mentalità ta’ “jien, jien, jien”.
  • Ejjew inħeġġu lil uliedna biex jaqsmu, u biex ma jistennewx li kollox isir skont kif iridu huma waqt logħob u attivitajiet.

Ħin tat-Talb mal-Familja

Nitolbu:

  • Għall-ommijiet li qed jistennew tarbija. 
  • Għat-trabi fil-ġuf. 
  • Għat-tobba u l-qwiebel li jgħinu lin-nisa tqal biex ikomplu jieħdu ħsiebhom anke wara li titwieled it-tarbija.
  • Għax-xjenzati biex ikomplu bir-riċerka tagħhom fil-kura medika.

Tistgħu tkantaw:  In His Hands He’s got the Whole World

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.